Il-parroċċa tal-Munxar tilqa’ r-relikwija insinji ta’ l-Appostlu San Pawl

Iktar ritratti minn hawn

Bħala parti mill-festi li qed torganizza l-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar fl-okkażjoni tal-ħamsin sena mit-twaqqif tal-parroċċa, inġabet f’Għawdex ir-Relikwija Insinji ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl. Din ir-relikwija hi miżmuma b’għożża fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. Jilqa’ r-relikwija kien hemm Mons Isqof Mario Grech flimkien mal-Kappillan tal-Munxar il-Kan Tonio Galea,i l-kleru u l-poplu ta’ l-istess parroċċa. Ir-relikwija twasslet b’carcade mix-Xatt sal-knisja parrokkjali, fejn tpoġġiet għall-qima tal-fidili. Sakemm iddum fil-parroċċa, ir-relikwija se tittieħed fost il-morda tal-parroċċa u wkoll fost il-morda ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-wasla tar-relikwija ta’ l-Appostlu tal-Ġnus isservi wkoll ta’ tħejjija għall-ftuħ tas-Sena Pawlina, li se sseħħ fit-28 ta’ Ġunju li ġej, fil-vġili tal-festa ta’ San Pietru u San Pawl.