Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Marzu 2008, f’jum it-tifkira tad-Duluri ta’ Ommna Marija Santissima, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-konċelebrazzjoni fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, u għamel din l-omelija:
Marija Addolorata
Id-Duluri il-lejla tlaqqagħna flimkien, u bħalissa għaddejjin minn quddiem għajnejja d-diversi komunitajiet parrokkjali fil-Knisja tagħna li f’dawn l-mumenti huma kollha miġbura biex jiċċelebraw lil Marija fid-Duluri tagħha. Jien dan ninterpretah bħala att ta’ mħabba min-naħa ta’ kull wieħed u waħda minnha lejn il-Verġni Omm Alla u Omm tagħna; ninterpretah bħala xewqa biex nipparteċipaw fid-duluri ta’ Marija. Imma biex l-imħabba tagħna u t-tisħib tagħna fid-duluri ta’ Marija ikun f’postu, irridu nistaqsu għaliex Marija hija l-Addolorata.
Jien nista’ nagħti diversi tweġibiet. Imma l-lejla nistedinkom biex tiffissaw il-menti tagħkom fuq dik ix-xena li jirrakkontaw l-evanġelisti meta, wara li sallbu lil Ġesù u Ġesù radd ruħu, xi wħud niżżluh minn fuq is-salib u poġġewh f’dirgħajn Marija. Kif nistgħu nimmaġinaw x’kienu d-duluri ta’ Marija meta f’riġlejha hija tħaddan lill-Iben ta’ Alla u u lill-iben tagħha, vittma ta’ l-attitudni żbaljata tal-folla, tas-soċjetà ta’ żmienhom! Dik l-attitudni żbaljata tista’ tkun ukoll l-attitudni żbaljata tagħna. Illum Marija għadha tħaddan magħha mhux biss lil Kristu imma lil kull bniedem, kif espress minn fuq is-salib meta Ġesù taha mandat: “Mara, ara ibnek’. Ġwanni hawnhekk kien qiegħed jirrappreżenta lil kull bniedem. Għalhekk Marija hija l-Addolorata mhux biss għax kif qegħdin nikkontemplawha hija tħaddan lil Kristu vittma ta’ attitudnijiet jew deċiżjonijiet żbaljati tas-soċjetà ta’ żmienha, imma tbati wkoll għaliex fi Kristu hija tgħożż u tħaddan lil kull bniedem, lili u lilek.
Ġesù vittma ta’ l-injoranza reliġjuża
X’kienet l-attitudni żbaljata li wasslet lil Kristu jingħata l-mewt fuq is-salib u Marija tarah mejjet fi ħdanha? Kien żball reliġjuż, kienet l-injoranza reliġjuża tal-Lhud li ma għarfux jilqgħu lil Kristu: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”. Huwa ġie f’daru u niesu qatluh (ara Ġw 1,11). Fost dawk li ċaħduh u qatluh kien hemm persuni reliġjuzi li kellhom f’idejhom it-tagħlim reliġjuż u l-organizzazzjoni tat-tempju! U allura x’ma jkunx kbir id-dulur ta’ Marija meta tara fl-għajnejn tal-poplu Lhudi dak in-nuqqas ta’ għarfien biex tilqa’ lil Kristu, dik l-injoranza reliġjuża li wasslet biex tbarri lil Kristu, toqtlu u tagħżel li tgħix fl-assenza ta’ Alla.
L-iżball li għamlu l-Lhud u li kkawża d-dulur ta’ Marija m’huwiex xi żball li aħna ma nistgħux nagħmluh. Fl-ittra pastorali li jien u l-Arċisqof wassalnielkom fil-bidu ta’ dan ir-Randan u li nistedinkom biex tirriflettu fuqha, aħna għedna fost ħwejjeġ oħra li qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn Alla qiegħed jiġi injorat, fejn ħafna qed jgħixu daqslikieku Alla ma jeżistix, u li qegħdin ngħixu f’soċjetà illi mhix familjari mal-kelma ta’ Alla. Qegħdin ngħixu f soċjetà fejn il-Knisja ta’ Kristu hija preżenti bħala struttura imma aħna m’aħniex ħbieb ta’ l-Evanġelju, biex nuża l-frażi tant għal qalbna skond il-Pjan Pastorali tad-Djoċesi.
Għeżież tiegħi, jekk m’aħniex familjari mal-kelma ta’ Alla u ma nħossuniex imħeġġin biex inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju b’mod li nħallu lilna nfusna niġu mbuttati biex nagħrfu l-Kelma – u min jagħraf il-Kelma ikun jagħraf il-Kristu – , allura hemm ir riskju reali li anke llum lil Kristu ninjorawh u nagħtuh il-mewt. Dan jista’ jkun fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja personali tagħna; fl-għażliet li tagħmel il-familja tagħna u fl-għazliet li jagħtu direzzjoni lis-soċjetà tagħna. Jekk irridu nkunu koerenti u din l-imħabba tagħna lejn l-Addolorata li qed nuru l-lejla tissarraf f’azzjoni, ma jidhrilkomx illi lkoll kemm aħna rridu nagħmlu xi ħaġa biex Kristu llum ma jiġix injorat u biex aħna nistagħnew fl-għarfien tal-Kelma ta’ Alla? Għalhekk ma negħjiex inħeġġiġkom u nappellalkom biex tieħdu dan il-mument ta’ grazzja u taraw x’tistgħu tagħmlu biex flimkien nagħrfu l-qawwa u s-sebħ tal-Kelma ta’ Alla. Jiena persważ li l-komunitajiet parrokkjali tagħna qegħdin joffru din l-għajn ta’ ilma ġieri. Jiddependi minna jekk nersqux biex nixorbu minn dawn l-għejun.
Ġesù vittma tal-vjolenza
Kristu fi ħdan Marija huwa vittma tal-vjolenza tan-nies ta’ żmienu, u d-duluri ta’ Marija llum jitkomplew meta hija tħaddan lill-bniedem li mhux biss jista’ jkun sajjem mill-Kelma ta’ Alla imma jista jkun vitttma tal-vjolenza tal-bniedem tal-lum. Hemm diversi forom u gradi ta’ vjolenza li nistgħu neżerċitaw ma’ xulxin; hemm diversi modi kif nistgħu noħolqu vittmi fis-soċjetà ta’ żmienna.
Insemmi aspett wieħed mill-ħajja tas-soċjetà tagħna u li hemm bżonn ikun hawn kuxjenza vera illi taġixxi biex din il-forma ta’ vjolenza tiġi kkontrollata jekk mhux ukoll eliminata. Qed nirreferri għall-abbuż u t-traffikar notorju tad-droga. Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna b’mod mill-aktar sottili hemm id-droga; hemm min għandu interess illi jmexxi din il-mediċina tal-mewt; hemm min mhux jaġixxi biex dan l-abbuż kriminali jiġi kkontrollat, hemm min huwa bla kuxjenza tant li jrid jisfrutta mhux biss liż-żgħażagħ imma wkoll lill-adulti; hemm min ma għandu l-ebda skruplu li jwassal għall-mewt mhux biss lil individwi imma wkoll familji. M’iniex ngħid affarijiet ġodda. Qed ngħid affarijiet li ħafna jafuhom imma jagħżlu li jibqgħu fl-omerta, jiġifieri jagħżlu li ma jitkellmux. Huwa sewwa li aħna nħallu din il-forma ta’ vjolenza tkompli tgħolli rasha?
Huwa sew li aħna, devoti ta’ Marija Addolorata, nikkoperaw b’mod jew ieħor ma’ min qed joħloq vittmi ġodda li mbagħad Marija tħaddan fi ħdanha? X’tifsira għandha d-devozzjoni tagħna lejn id-Duluri jekk nibqgħu passivi quddiem din ir-realtà qisu m’hu jiġri xejn? X’sens fih li ngħidu li aħna dixxipli ta’ Kristu jekk imbagħad inħallu lill-bniedem tal-lum jiġi msallab? Nappella lil kulħadd ħalli jekk għandna ftit ta’ kuxjenza naraw x’jista’ jsir ħalli din il-pjaga reali tiġi b’xi mod ikkontrollata u mfejqa.
Mill-kontemplazzjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla għall-azzjoni
Għeżież tiegħi, se nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, ġimgħa li għandha twassalna mhux biss għall-Gimgħa l-Kbira, fejn aħna nikkontemplaw din il-ġrajja kbira ta’ mħabba li Alla għandu għalina u li wrihielna meta ta lil Ibnu biex isalvana, imma biex din il-kontemplazzjoni ma tkunx vojta imma twassalna biex nikkonvertu u naġixxu.
Ejjew flimkien, bl-interċessjoni ta’ l-Omm tagħna Marija, nagħmlu din il-mixja, mixja li l-liturġija tgħinna ħafna f’dawn il-jiem qaddisa biex ilkoll jirnexxielna niċċelebraw l-Għid ta’ Kristu kif ukoll l-Għid tagħna. Marija m’hijiex biss l-Addolorata imma hija wkoll dik li ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, għaliex tipparteċipa mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub. Jalla l-Knisja, aħna li nieħdu sehem fil-misteru ta’ Kristu jirnexxielna ngħixu l-ferħ ta’ l-Għid il-Kbir.