Bejn it-8 u l-10 ta’ Jannar il-Kappillani Għawdxin kienu mistiedna biex jieħdu sehem f’Live-In ta’ tlett ijiem organizzat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-Kappillani Maltin. Matul il-Live-In, li sar fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat ta’ Malta, il-Kappillani ddiskutew l-identità tal-parroċċa għas-snin li ġejjin u s-sehem tal-lajċi fil-ħajja tal-komunità parrokkjali. Għal-Live-In kienu preżenti l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech.
Din kienet esperjenza sabiħa ferm għall-Kappillani tagħna u wkoll għall-Kappillani Maltin li setgħu jaqsmu flimkien il-”caritas pastoralis” li tanima l-ħajja tal-parroċċa u l-ħidma tal-Kappillan.
Minn hawn nixtiequ nroddu ħajr lill-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta għal din l-istedina li għamel lill-Kappillani tad-Djoċesi Għawdxija, b’tama li ż-żewġ Knejjes aħwa jkomplu jaħdmu flimkien biex tkompli titwettaq l-Evanġelizzazzjoni ġdida fil-gżejjer tagħna.