Mons Isqof Mario Grech jiltaqa’ mas-saċerdoti u r-reliġjużi f’laqgħa ta’ bdil ta’ awguri tas-sena l-ġdida

F’laqgħa tradizzjonali fil-bidu ta’ sena ġdida, dalgħodu (is-Sibt 5 ta’ Jannar 2008) Mons Isqof Mario Grech iltaqa’ mas-saċerdoti u reliġjużi li jaħdmu fid-djoċesi ta’ Għawdex. Wara li l-Vigarju Ġenerali Mons Giovanni B. Gauci, f’isem is-saċerdoti, ta l-awguri lill-Isqof, l-ET Mons Mario Grech għamel diskors li fih wera l-orjentament pastorali tad-djoċesi Għawdxija, orjentament li jkompli jibni fuq is-snin ta’ qabel u fl-istess waqt hu orjentat lejn tiġdid fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li jitolbu ż-żminijiet tal-lum.


Mons Isqof Grech għamel riferiment għall-Eżortazzjoni Post Sinodali tal-Papa Ġwanni Pawlu II “Ecclesia in Europa”, li hi bħal programm pastorali ġenerali għall-Knisja fl-Ewropa. L-Isqof tkellem dwar il-ħtieġa ta’ ri-evanġelizzazzjoni fl-Ewropa u f’pajjiżna, li parti sewwa minnha hi responsabiltà tas-saċerdoti, fil-kura li għandhom ta’ l-erwieħ. Mons Isqof tkellem ukoll dwar l-azzjoni pastorali tal-Knisja f’Għawdex, li hi marbuta mal-Pjan Pastorali Djoċesan, u mit-tiġdid ta’ l-istrutturi pastorali fid-djoċesi, li għandhom bħala għan uniku tagħhom li tiġġedded u tissaħħaħ l-azzjoni pastorali tal-Knisja.

Mons Isqof tkellem ukoll dwar xi inizjattivi pastorali li ttieħdu matul is-sena li għaddiet, u fl-aħħar tad-diskors tiegħu għamel ukoll aċċenn għall-ħidma pastorali li twettqet matul is-sena 2007. Fi tmiem il-laqgħa saru diversi interventi mis-saċerdoti preżenti.