Mons Isqof jilqa’ s-Sena l-Ġdida 2008 bis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa

Nhar it-Tnejn 31 ta’ Diċembru Mons Isqof Mario Grech għalaq is-sena 2007 b’quddiesa ċċelebrata fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, fil-parroċċa tax-Xagħra. Mons Isqof kien akkumpanjat mill-arċipriet Mons Carmelo Refalo, minn Dun Daniel Xerri u Dun Joeseph Bajada, Rettur u Viċi-Rettur rispettivament tas-Seminarju djoċesan, u l-Kan Ġużepp Sultana. Il-quddiesa bdiet fil-11.00pm u ntemmet fi sbiħ l-ewwel tas-sena l-ġdida. B’hekk il-poplu t’Alla miġbur madwar il-Kelma u l-Ewkaristija rringrazzja lis-Sinjur Alla għas-sena li kienet qed tintemm, u ntelaq f’idejH għas-sena l-ġdida, Hu li hu s-sid taż-żmien u ta’ l-istorja. Wara l-quddiesa, dawk preżenti ltaqgħu fuq iz-zuntier tal-knisja biex jagħtu l-awguri lil xulxin u lill-Isqof, u jieħdu xi ħaġa flimkien.