Nhar il-Ħadd li għadda, 16 ta’ Diċembru, waqt li l-Knisja kienet qed tiċċelebra t-tielet Ħadd ta’ l-Avvent, Mons Isqof Mario Grech ta l-ministeru ta’ l-Akkolitat lil tliet seminaristi tad-djoċesi tagħna: Anthony Bajada, Joseph Curmi u Richard Farrugia, it-tlieta mill-parroċċa tax-Xagħra. Iċ-ċerimonja saret waqt Konċelebrazzjoni solenni fil-5.00pm fl-istess parroċċa tax-Xagħra.
Permezz ta’ l-Akkolitat dawn it-tliet żgħażagħ fil-mixja tagħhom lejn is-saċerdozju ġew imsejħin u afdati bil-ministeru li jgħinu lid-djakni u lill-presbiteri fit-tqassim ta’ l-Ewkaristija, sew fl-assemblea liturġika kif ukoll lill-morda fi djarhom, bħala ministri straordinarji tat-tqarbin.
Fl-omelija tiegħu Mons Isqof stieden lill-Knisja f’Għawdex biex tifraħ, kif tħeġġiġna l-istess Liturġija tat-tielet Ħadd ta’ l-Avvent, għaliex dawn iż-żgħazagħ qed iwieġbu bil-ħajja tagħhom għall-mistoqsija ta’ ħafna nies illum: Ġesù huwa tabilħaqq is-Salvatur jew le? Din il-mistoqsija bagħat jagħmilha Ġwanni l-Battista mill-ħabs lil Ġesù permezz tad-dixxipli tiegħu, kif jgħidilna l-vanġelu ta’ dan il-Ħadd. Hija l-mistoqsija li kull bniedem ikompli jagħmel f’kull żmien, f’xi waqt partikulari ta’ ħajtu. Dawn it-tliet żgħażagħ, kompla jgħid Mons Isqof, huma bħal dawk id-dixxipli tal-Battista li jwasslu din il-mistoqsija tal-bniedem għand Ġesù, biex imbagħad iwasslu lill-istess bniedem it-tweġiba ta’ Ġesù. Din it-tweġiba jistgħu iwassluha biss wara li huma stess ikunu ltaqgħu ma’ Ġesù u għamlu l-esperjenza tiegħu. Hekk jgħidilhom fil-fatt Ġesù lid-dixxipli tal-Battista: “Morru u agħtu l-aħbar lil Ġwanni dwar dak li smajtu u rajtu”. L-Akkolitat se joffri lil dawn iż-żgħażagħ l-opportunità li jiltaqgħu ma’ Ġesù aktar mill-qrib fl-Ewkaristija. Mons Isoqf għalhekk ħeġġiġhom biex jidħlu aktar fil-fond tal-misteru ta’ Kristu li issa se jkollhom f’idejhom u jfasslu ħajjithom fuqu ħalli jkunu jistgħu mbagħad jaqsmuh ma’ ħuthom, l-aktar dawk li huma fil-bżonn.