Komunità Parrokkjali ħajja hi xhud kredibbli ta’ Kristu
Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech f’għeluq il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Munxar (16 ta’ Diċembru 2007)

Fl-okkażjoni tal-50 Sena mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar, li twaqqfet fit-12 ta’ Diċembru 1957, il-Ħadd 16 ta’ Diċembru 2007 Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr. Matul il-quddiesa, hu wassal dan il-messaġġ:

Kristu biss hu t-tweġiba vera għall-mistoqsijiet profondi tal-bniedem

“Huwa int il-Messija li kellek tiġi jew għandna nistennew lil xi ħadd ieħor?” Din id-domanda jagħmilha San Ġwann il-Battista. Però jiena konvint li din id-domanda għamluha ta’ qabilna, nagħmluha aħna u għad jagħmluha dawk ta’ għada. U f’din l-okkażjoni tant sabiħa tal-ħamsin sena mit-twaqqif ta’ din il-komunità parrokkjali ta’ San Pawl, jien nixtieq li, filwaqt li nrodd ħajr lil Alla li matul dawn il-ħamsin sena li għaddew, b’impenn ta’ ħafna u ħafna persuni – saċerdoti u lajċi, ħutna sabu tweġiba għal din id-domanda, kif ukoll għall-ġid kollu li sar matul dawn il-ħamsin sena, naħseb li huwa dmir tiegħi bħala isqof tagħkom, dmir li naqsmu magħkom saċerdoti u lajċi, li nħeġġeġ biex il-Knisja llum, il-Knisja li tgħammar f’din il-komunità parrokkjali, tagħraf tkompli tagħti tweġiba lill-bniedem tal-lum illi qiegħed jagħmel l-istess mistoqsija. Forsi hawn min hu fostna stess li għandu dawn id-domandi fil-fond ta’ qalbu.

Illum il-ġurnata, aktar minn ħamsin sena ilu, jien nara li huwa urġenti illi Kristu juri lilu nnifsu, illi Kristu jikkomunika lilu nnifsu lill-bniedem u lis-soċjetà konfuża ta’ żminijietna. Hija soċjetà konfuża għax illum, b’differenza minn ħamsin sena ilu, m’għadx baqgħalna dik is-soċjetà li kienet kollha kemm hi dixxiplu ta’ Kristu. Illum, ħamsin sena wara, irridu nirrikonoxxu illi fostna hawn diversi elementi, esperjenzi, persuni illi jistgħu jfixkluna fil-mixja u fit-tfittxija tagħna ta’ min hu Ġesù. Għandna reliġjonijiet differenti, u barra reliġjonijiet differenti għandna mentalitajiet differenti, mentalitajiet jew skejjel tal-ħsieb illi qed jinbtu wkoll fi ħdan il-komunità nisranija. Allura wieħed irid jistħarreġ biex isib ir-risposta u forsi ukoll jibda jistaqsi dwar l-istess passat tiegħu.

Aħna l-kbar jista’ jiġina f’moħħna li nistaqsu: “Imma tgħid miexi sew jew ħażin? Tgħid dak li ġbart mas-snin fil-ħajja tiegħi nisranija jagħmel sens jew ma jagħmilx?” Għax hawn min iqanqlilna d-dubju; anzi hawn min irid jitfi l-fjamma tal-fidi tagħna. Dan qed ngħidu mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex nagħmlu kuraġġ, nimtlew b’entużjażmu u ħeġġa ħalli aħna, li aħna l-prolungament tal-preżenza ta’ Kristu llum, aħna bħala Knisja ma nabdikawx minn din ir-responsabiltà. U jekk jiġu d-dixxipli ma nafx ta’ min, bħad-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, u jistaqsu mhux tant lil Kristu, imma lill-Knisja – meta qed ngħid Knisja nifhem aħna flimkien – : “Dak Kristu li intom tippridkaw u tiċċelebraw fil-qaddisin tiegħu, dan min hu? X’differenza jagħmel fil-ħajja tiegħek?”

Aħna xhieda kredibbli ta’ Kristu?

Quddiem mistoqsija bħal din aħna jrid ikollna tweġiba. Dak li jgħid f’waħda mill-ittri tiegħu San Pietru: “Agħraf agħti r-raġuni tat-twemmin tiegħek”. Issa jista’ jkun hemm almenu żewg pożizzjonijiet: hemm pożizzjoni li tista’ tfixkel lil min bis-sinċerità qed ifittex il-verità, qed ifittex lil Kristu. Hemm min iħares lejna u javviċinana biex direttament jew indirettament jinterrogana dwar it-twemmin tagħna; u aħna flok ma ngħinuh ħalli jiskopri lil Kristu u joqrob lejH, kapaċi nfixkluh u nbiegħduh. Din hi responsabiltà gravi ħafna. Jien konxju minnha u nixtieq li intom ukoll tkunu konxji minnha. L-ewwel kuntatt tal-bniedem tal-lum ma’ Alla, ma’ Kristu, mal-Knisja, ħafna drabi jiġi permezz tiegħek. Jekk ikun kuntatt negattiv, il-Bambin biss jaf il-konsegwenzi tiegħu. Jien ġieli ltqajt ma’ nies, u naħseb anke intom, u jgħidulek: Jien tlaqt mill-Knisja għaliex kien hemm min tani eżempju ħażin, kien hemm min tani skandlu, kien hemm min fixkilni b’dak li qal jew qalet, b’dak li għamel jew li m’għamilx.

Imma mbagħad hemm pożizzjoni oħra: dik pożittiva, li nixtieqha li tkun il-pożizzjoni tal-Knisja kollha kemm hi, partikolarment illum nixtieqha mill-knisja li tinġabar fil-familji li hawn fil-Munxar. Liema hi din il-pożizzjoni? Hija dik it-tweġiba ta’ Kristu: “Morru għidu lil Ġwanni il-Battista dak li intom qegħdin taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-bxara it-tajba titħabbar lill-foqra.” Iktar milli qagħad jagħmel priedka, iktar milli qagħad jagħmel elaborazzjoni teoloġika, Kristu stedinhom: “araw l-azzjoni, araw fil-prattika kif tidher l-imħabba t’Alla, kif dan Alla tant ħabb lill-bniedem li tah lill-Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva. U allura min hu għami jara, min m’għandux is-saħħa jikseb is-saħħa u jimxi, min hu fqir jirċievi il-bxara tajba.”

Għeżież tiegħi, jekk ikolli nistaqsikom: wara ħamsin sena ta’ preżenza ta’ Knisja organizzata bħala parroċċa fil-Munxar, x’inhuma l-opri tagħkom? x’inhuma l-kredenzjali tagħkom?, it-tweġibiet jistgħu jkunu varji – xi wħud tajbin u xi oħrajn ħżiena. Imma biex il-kredenzjali tagħna jkunu tajbin, iridu jkunu dawk illi ippreżenta Kristu biex jikkonferma li hu l-Messija: l-opri tajba, l-opri tal-karità, l-attenzjoni lejn il-bniedem.

Huwa dan li jiena f’din l-okkażjoni nawguralkom. Inħeġġiġkom biex tkomplu tibnu fuq it-tajjeb, il-ħafna tajjeb li għandkom; nappellalkom biex joktru dawn is-sinjali pożittivi fil-ħajja individwali, familjari u komunitarja – sinjali illi jitkellmu minnhom infushom. Huma sinjali li jirrivelaw li aħna tassew iltqajna ma’ Kristu. Hija dik l-imħabba, dik il-ġenerożità, dik l-attenzjoni għal dawk li huma l-foqra fis-soċjetà tagħna.

L-Ewkaristija u l-Kelma t’Alla fiċ-ċentru tal-komunità parrokkjali

Imma naturalment biex il-Knisja tkun tista’ tagħti din it-tweġiba trid tkun imsaħħa, trid tkun qawwija. Min fejn ser inġibu din il-qawwa? Jiena nerġa’ ngħid: nitfgħu ħarsitna fuq dawn il-ħamsin sena. Hawn fostkom min hu anzjan, u ngħidlu jgħidli min fejn ġab il-qawwa biex ippersevera fil-ħajja tiegħu bħala dixxiplu ta’ Kristu! Min fejn ksibt l-għerf biex x’ħin staqsewk x’differenza jagħmel f’ħajtek Kristu, int għaraft tagħti tweġiba tajba? Naħseb li r-risposta tagħna tkun: “mil-qawwa, mill-grazzja li nirċievu mis-sagramenti”, partikularment mis-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Inħeġġiġkom biex l-Ewkaristija tkun tassew iċ-ċentru tal-komunità parrokkjali tagħkom.

Imma s-sagramenti m’humiex maġija. U biex aħna nieħdu l-frott tagħhom u nimtlew bil-grazzja, hemm bżonn li nkunu lkoll ippreparati bil-Kelma ta’ Alla. Għoġobni dak il-poster li hemm f’riġlejn l-artal tagħkom: “Ngħidu ħafna kliem biex aħna nagħrfu nilqgħu u nirriflettu l-KELMA”. Nixtieq infissrilkom is-sodisfazzjon pastorali tiegħi bħala Isqof tagħkom meta f’dawn il-ġimgħat li għaddew il-kappillan tagħkom bagħatli darbtejn messaġġi jgħidli: “Illum għamilna sejħa biex il-Komunità tkompli tikber fil-ħbiberija ma’ l-Evanġelju u l-kotra wieġbu”. Irrid nifirħilkom u nħeġġiġkom, għeżież tiegħi, biex tikbru fl-għarfien tal-Kelma, fil-ħbiberija tagħkom ma’ l-Evanġelju, għaliex hemmhekk qegħdin tpoġġu s-siment ħalli din il-komunità, illi bdiet tgħix ħamsin sena ilu, tibqa’ tinbena fuq is-sod; tibqa’ tagħraf l-esperjenza ta’ min hu Kristu biex mhux biss jidhru l-opri tajba fil-ħajja tagħkom, xhieda elokwenti ta’ min hu Kristu, imma tkunu kapaċi wkoll issibu risposta intom u fl-istess ħin tagħtu tweġiba lil tant ħutna kbar u żgħar li, kif għidtilkom illum, qed jistaqsu: “Il-Knisja xhini? Il-Knisja baqa’ bżonnha? Kristu min hu? Kristu huwa ħlieqa tas-saċerdoti jew Kristu huwa l-Iben t’Alla?” Din it-tweġiba, għeżież tiegħi, irridu nagħtuha aħna lkoll flimkien.

Għeżież tiegħi, intom ċellola ħajja f’dan il-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja fid-djoċesi ta’ Għawdex. Kull komunità parrokkjali tifforma parti mid-djoċesi. Issa jekk ir-riġel fil-ġisem, biex nuża t-tixbiha ta’ San Pawl, ikun marid jew dgħajjef, il-ġisem kollu hu dgħajjef. Jekk komunità parrokkjali tkun għajjiena, il-ġisem kollu jħoss l-għejja. Kien għalhekk li fil-bidu ta’ din il-liturġija ħassejt li għandi npoġġi din iċ-ċelebrazzjoni mhux biss fuq livell parrokkjali imma wkoll fuq livell ta’ djoċesi. Għaliex jekk intom, għeżież tiegħi, komunità nisranija ħajja, konvinta, mimlija b’entużjażmu biex ixxandar lil Kristu lis-soċjetà tagħna, intom tkunu tassew Knisja kif għandkom tkunu, u dan jgħin lid-djoċesi kollha.

Dawn huma l-awguri tiegħi lilkom, illi illum, kif inhu xieraq, qegħdin tfaħħru lil Alla bl-interċessjoni ta’ Missierna San Pawl għal tant grazzji li għamel magħna, bix-xewqa li din il-grazzja tibqa’ tfawwar f’kull wieħed minna, fil-familji tagħna, fil-komunità tagħna, u f’Għawdex tagħna