F’quddiesa li mexxa nhar il-Ħadd, 2 ta’ Diċembru 2007 fis-Santwarju ta’ Pinu, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech għamel din l-omelija
IL-KNISJA FAVUR IL-ĦAJJA
“Jien ġejt fid-dinja biex intom ikollkom il-ħajja u l-ħajja fil-milja tagħha”. Hekk jgħidilna Ġesù Kristu, proprju f’dan il-Ħadd li fih qegħdin nibdew l-Avvent, żmien ta’ tħejjija biex niċċelebraw il-miġja tiegħu fostna. Il-Milied huwa l-ġrajja li fiha l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna. X’effett għandha din il-ġrajja fuq il-ħajja tagħna? Ġesù ġie biex jagħtina l-ħajja, u għalhekk fejn hemm il-kultura tal-mewt ifisser li Kristu għadu ma twelidx; ifisser li għadna ma ltqajniex miegħu. Nibża’ li għaddew iktar minn elfejn sena minn din il-ġrajja u din l-aħbar ta’ salvazzjoni għadha ma niżlitx fil-fond ta’ qalbna.
Impenn favur il-ħajja
Stħarrġu ftit kif nitkellmu fuq il-ħajja u x’impenn hemm favur il-ħajja, x’direzzjoni qegħdin nagħtu anke lis-soċjetà dwar il-ħajja! Dak li qal Ġesù fl-Evanġelju, li fi żmien Noè wasal dilluvju imma n-nies ma ntebħux bih u għamel ħerba, huwa fatt fil-ħajja tagħna wkoll. Nibża’ li aħna tant aljenati li hemm dilluvju li għandu forza li teqred il-ħajja u aħna għadna ma ntbaħniex bih.
Barra minn hekk, ġie dilluvju ieħor, imma din id-darba f’sens pożittiv: ġie Bin il-Bniedem, u billi ħadnieh b’ċerta leggerezza, il-miġja tiegħu ħallietna kif sibitna. Indunajtu ftit x’qal il-profeta Isaija fl-ewwel qari: “Ejja, dar Ġakob, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej”? Inħoss li din hija stedina lill-Knisja tagħna: “Ejja, dar Ġakob; ejja, Knisja f’Għawdex, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej, il-Mulej tal-ħajja.” Għaliex dan huwa meħtieġ? “Għaliex jiġri li l-għolja tad-dar tal-Mulej għad togħla ’il fuq mill-qċaċet tal-muntanji u lejha jħarsu l-ġnus l-oħra”.
Nifhmu l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza? Aħna nidħlu fid-dar tal-Mulej biex bħala poplu nitilgħu ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji u lejha jħares ħaddieħor, u dawn jibdew jistaqsu: id-dixxipli ta’ Kristu mnejn ġabuh dan id-dawl u dan l-entużjażmu favur il-ħajja?
L-esperjenza reċenti tixhidli li għadna f’fażi fejn min jażżarda jkun dawl għal ħaddieħor ser isib min jitfih u min jirredikolah; meta xi nsara jintervjenu favur il-ħajja, isibu min jemarġinahom.
Bioetika
Hija tal-mistħija li llum il-ġurnata hawn min jaħseb li persuna kattolika m’għandhiex toffri kontribut fil-kamp tal-bioetika. Is-sehem tal-kattoliku qed jiġi skreditat, mhux tant għax l-argument huwa nieqes minn fundament razzjonali u etiku, imma għas-sempliċi raġuni li min qed jagħmlu huwa kattoliku. Minflok ma niddibattu l-argument, nisparaw fuq min qed jagħmel l-argument. Huwa ġust li f’soċjetà pluralistika kulħadd għandu d-dritt li jsemma leħnu, imbagħad min huwa kattoliku jiġi msikket? Jien ma niċħad lil ħadd dan id-dritt, imma lili trid tħallili dan id-dritt ukoll. Meta qed ngħid ‘lili’, mhux ngħid għalija bħala Isqof, imma bħala kattoliku. Naf li hemm lajċi li b’vokazzjoni u b’sagriffiċċju jridu jagħtu kontribut lis-soċjetà imma qed isibuhom fi żvantaġġ għax huma kattoliċi.
Aids
Quddiem il-marda ta’ l-Aids inħoss u nixtieq li l-Knisja tagħna tkun pro-attiva u tagħti kontribut lil dawn ħutna morda bil-marda ta’ l-Aids. Huwa dmir jagħfas fuq spallejna bħala Knisja biex nagħtu sehemna lis-soċjeta ħalli tgħix il-ħajja fil-milja tagħha. Nerġa’ nistaqsi: huwa ġust li l-pożizzjoni kattolika, li żżomm li l-condom mhux is-soluzzjoni għal din il-problema, tiġi meqjusa bħala “tabù”? Huwa fatt li l-proposta tal-Knisja qed tinteressa lil ħafna, għax qed jindunaw li t-teżi favur il-condom fiha ħafna qerq li jista’ jiġi ppruvat b’argumenti xjentifiċi u mhux biss etiċi. Ħadd ma jista’ jgħid li l-użu tal-preservattiv huwa garanzija ta’ “safe sex”. F’dan il-kamp il-proposta tal-Knisja hija li jkun hemm edukazzjoni għal astinenza barra miż-żwieġ, fedeltà bejn il-koppja miżżewġa, u aktar rispett lejn il-morali bl-imġieba tagħna. Il-bniedem ma jistax jirrimedja għall-imġieba immorali tiegħu billi juża mezzi immorali. Meta l-awtoritajiet jippromwovu t-tqassim tal-condom bħala mezz kontra l-HIV/Aids, dan jista’ jiġi interpretat bħala approvazzjoni ta’ mġieba u stili ta’ ħajja li huma responsabbli għal din l-epidemija.
Persuni b’diżabilità
Il-persuni b’diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Għalhekk huwa dmir tagħna li ngħinu lilhom u lill-familji tagħhom, mhux b’karità imma b’ġustizzja. Irridu nkomplu ngħinu biex tinħoloq kultura favur dawn ħutna b’diżabilità, biex tinqered l-indifferenza lejhom u jkollhom aktar spazju fil-ħajja soċjali, politika u reliġjuża tagħna. Per eżempju, xi ġenituri ta’ studenti b’diżabilità ġabu għall-attenzjoni tiegħi l-fatt li f’Għawdex, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-edukazzjoni sekondarja, il-possibilitajiet huma limitati. Naħseb li din il-karba għandha tiġi indirizzata.