Ngħożżu l-komunjoni fil-Knisja (Parroċċa Żebbuġ, 19 ta’ Awissu 2007)

Nhar il-Ħadd 19 ta’ Awissu 2007, l-Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni pontifikali fil-Knisja parrokkjali taż-Żebbuġ, Għawdex fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema, u għamel din l-omelija.

NGĦOŻŻU L-KOMUNJONI FIL-KNISJA

Għeziez uliedi, jiena, Missier spiritwali tagħkom, illum nixtieq naqsam magħkom ħsieb wieħed: il-komunjoni fil-Knisja. Dan il-ħsieb jitlob impenn mhux biss mill-komunità parrokkjali tagħkom li llum qed tiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija, imma mid-djoċesi kollha – għax meta qed nitkellem magħkom, għandi quddiemi l-familja kollha Għawdxija.

Biex ikunu ħaġa waħda

Kemm hi skarsa l-komunjoni! Il-komunjoni hija nieqsa mhux biss fil-familja, fl-għaqdiet u fil-komunità politika tagħna, imma wkoll fil-komunità ekkleżjali. Huwa gwaj serju li fil-Knisja hija nieqsa l-komunjoni, u f’xi każi hija nieqsa b’mod gravi. Din il-ġimgħa stess waslitli informazzjoni dwar almenu tliet komunitajiet parrokkjali fejn hemm komunjoni imxellfa: m’hemmx komunjoni la fl-istess komunità u anqas bejn komunità u oħra. Qed inkellimkom minn qalbi. Għalhekk xtaqt li fil-festi din il-priedka nagħmilha jien. Mhux għax jien għaref iktar mis-saċerdoti l-oħra, imma għax għandi l-possibiltà niftaħ qalbi magħkom.

Ser nibqgħu sejrin hekk? Ser nibqgħu nagħmlu l-festi biex esternament nagħtu dehra li aħna magħqudin, imbagħad ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna qegħdin jitmermru? Ħaġa waħda nitlob: li nkunu lkoll ħaġa waħda. Din hija x-xewqa li proprju l-Imgħallem Ġesù fid-diskorsi li għamel fl-aħħar ċena jitlob lill-Missier: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina”. Imbagħad ma’ dan Ġesù jorbot kundizzjoni importanti ħafna: “biex id-dinja temmen li inti bgħattni”.

Din hija wkoll ix-xewqa tiegħi għall-Knisja f’Għawdex. Jekk nhar l-Erbgħa, fil-festa ta’ l-Assunzjoni tkellimt dwar tħassir spiritwali, tħassir reliġjuz, tħassir li hemm fil-Knisja, ridt nifhem dan ukoll; dan qed ngħidu ħalli min dakinhar ma fehemnix, jifhimni. Kif tista’ d-dinja temmen fi Kristu jekk aħna għadna nagħtu dawn is-sinjali ta’ kontra-xhieda? jekk minflok ma nibnu l-għaqda ta’ bejnietna, partikularment fil-komunità parokkjali, aħna nizirgħu l-firda, inkebbsu l-pika u niffumentaw il-partiti ?

Marija Omm il-Għaqda

Qiegħed inkellimkom dwar dan l-aspett tal-ħajja tal-Knisja lokali għaliex din hija xewka moħbija li jien inġorr bħala isqof. Imma qiegħed inkellimkom dwar din it-tema għax imnebbaħ mill-misteru li qegħdin niċċelebraw illum – it-tlugħ fis-sema bir-ruħ u l-ġisem tal-Vergni Marija, – dik li Santu Wistin isejħilha Mater Unitatis, Omm il-Komunjoni. Dan l-appellativ jerġa’ jużah il-Papa Pawlu VI, jużah ukoll il-Papa Ġwanni Pawlu II u jerġa’ jużah il-Papa attwali meta ftit xhur ilu kien ġewwa Efesu, fil-post fejn it-tradizzjoni tgħidilna li seħħet id-dormitio ta’ Marija.

Għaliex Marija hija “omm il-għaqda”? Fid-dawl tal-misteru ta’ l-Assunzjoni għandi żewg argumenti: wiehed nisiltu meta nitfa’ l-ħarsa tiegħi fuq il-kwadru titulari tal-knisja tagħkom fejn għandna lill-Verġni Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem u tiġi milqugħa mit-Trinità Qaddisa. Dan ifisser li bl-Assunzjoni tagħha Marija daħlet b’mod definittiv f’dik il-komunjoni li hemm fi ħdan it-Trinità, u hekk għal Marija seħħet dik ix-xewqa li esprima Kristu fl-aħħar ċena: “għamel li jkunu ħaga waħda, kif jiena fik u inti fija”. Bl-assunzjoni tagħha, Marija tista’ tgħid li hija ħaġa waħda flimkien mal-Missier, ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu s-Santu. B’hekk hija daħlet fl-għamara ta’ Alla.

Anke aħna għandna fidi ferma fit-Trinità Qaddisa! Aħna wkoll suppost nixxenqu li jum wieħed nidħlu f’dik il-komunjoni ma’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Imma kif nistgħu nilħqu dan il-għan jekk ma nippruvawx mil-lum stess li l-ħajja tagħna fuq din l-art, speċjalment il-ħajja ekkleżjali, tkun rifless tal-komunjoni li hemm fit-Trinità? Altrimenti il-veritajiet tal-fidi jibqgħu “misteri”. Kieku l-familja tagħna tipprova tibni lilha nfisha fuq dik il-komunjoni kollha mħabba, fejn il-Missier jingħata lill-Iben, fejn l-Iben jingħata lill-Missier u l-imħabba ta’ bejniethom tispira l-Ispirtu s-Santu, kieku l-familja tagħna tirregola ħajjitha f’dik il-komunjoni li waslet għaliha l-Assunta, ma jidhrilkomx li nkunu qegħdin nagħmlu dak li għandna nagħmlu?

Marija omm l-imxerrdin

Hemm ikona oħra ta’ Santa Marija li llum nebbħitni biex nitkellem dwar Marija bħala “Mater Unitatis”: hija l-ikona fejn naraw lil Marija tiela’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem u mdawra mill-Appostli. It-tradizzjoni tgħidilna li meta Marija mietet l-Appostli kienu mferrxin f’diversi nħawi; imma għax ħassew it-telfa ta’ l-omm tagħhom, ħallew kollox u rritornaw madwar ommhom. Hekk Marija hija forza li ġabret flimkien l-appostli. U jiena nistaqsi: għaliex illum l-Assunta m’għadhiex tiġborna flimkien anke jekk ġejjin minn estrazzjoni differenti, anke jekk għadna fehmiet u proġetti differenti?

Meta nikkontempla din il-ġrajja, niftakar f’dak il-passaġġ ta’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann fejn kien hemm xi Griegi li xtaqu jaraw lil Ġesù. Hawnhekk Ġesù jistqarr: “Waslet is-siegħa li fiha bin il-bniedem ikun igglorifikat. Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ waħidha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott … Meta nintrefa ’l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12,23.32). Għal Ġesù l-mument tal-glorja kien meta kien merfugħ fuq is-salib, miet, qam mill-mewt u ġie merfugħ lejn is-sema. Ma jidhrilkomx li dan nistgħu napplikawh ukoll għal Santa Marija, li bħal binha Ġesù tista’ tgħid: “Dan huwa l-mument tal-glorifikazzjoni tiegħi: meta wasalt biex inħalli d-dinja u nidħol is-sema, ġbidt għal warajha lill-appostli u għaqqadthom flimkien”? Billi fil-mument tal-mewt ta’ Marija l-appostli kienu diġà waqqfu xi komunitajiet insara, meta nġabru madwarha fuq is-sodda tal-mewt l-appostli mhux biss kienu preżenti hemm fil-kwalità tagħhom personali, imma wkoll bħala dawk li kienu qed jirrapreżentaw komunitajiet insara diversi. Għalhekk Marija tiġbor flimkien lill-kommunitjiet kollha, lill-Knisja kollha.

Hija din l-esperjenza li qed ngħixu llum? Fil-fehma tiegħi għadna ’l bogħod. Fl-istess ħin, però, mhux ser nixba ntenni lill-komunità ekkleżjali f’Għawdex li ma nistax nippermetti li jkun hawn id-diviżjoni, li jkun hawm min ikabbar il-firda u jxettel il-mibegħda. Jekk inħalli dan isir, inkun immur kontra l-ministeru u s-sejħa tiegħi bħala isqof.

Hemm passaġġ ieħor fil-Vanġelu ta’ San Ġwann illi jkompli jgħinni nippenetra u ninterpreta din l-ikona ta’ Marija Assunta mdawra mill-appostli. Wara l-miraklu tal-qawmien ta’ Lazzru n-nies daru kontra Ġesù u bdew jikkonfoffaw kontrih. Fehemu li jekk iħalluh jagħmel aktar ‘sinjali’, “jiġu r-Rumani u jeqerdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna” (Ġw 11,48). Kien hawnhekk li qabeż Kajfa l-qassis il-kbir u qal: “Xejn ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu”. Dwar din l-istqarrija, San Ġwann stess jikkummenta: “Dan [Kajfa] ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin” (11,51-53).

Hawnhekk nara li dak li jingħad għal Kristu nistgħu napplikaw għall-Assunta. Il-Verġni Mbierka kien jeħtiġilha li tmut ħalli bit-tlugħ tagħha fis-sema ma’ Kristu hija tiġbor f’ġemgħa waħda lill-bnedmin imxerrdin. Mater Unitatis! Jekk il-Verġni Marija bit-tlugħ tagħha fis-sema hija omm din il-komunjoni, kemm għandna nagħmlu minn din il-ġurnata ta’ festa jum ta’ riflessjoni li jwassalna biex naħdmu iktar biex il-poplu imxerred jinġabar!

Kif ser niġbru lil dan il-poplu imxerred?

a. Il-ħidma missjunarja

Billi hemm ħafna mxerrdin għax għadhom ma semgħux bi Kristu, il-Knisja min-natura tagħha stess hija “missjunarja”. Jekk f’kull komunità parrokkjali li għandna f’Għawdex irrid nagħmel sforz biex infisser x’inhi l-Knisja missjunarja, magħkom, komunità taż-Żebbuġ, rrid nagħmel inqas sforz għaliex proprju fostkom hawn preżenti dar ta’ familja reliġjuża li l-identità tagħha hija s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Insellem lilkom membri ta’ din is-Soċjetà hawn preżenti magħna, lilek Fr Louis Mallia, Vigarju Provinċjali gdid, iben din il-parroċċa. F’din l-okkażjoni nixtieq inwegħdkom l-appoġġ tal-Knisja tagħna kollha fil-ħidma missjunarja tagħkom u rrid nuri l-apprezzament tiegħi lilkom lkoll bħala komunità parrokkjali illi naf kemm tħobbu lil dawn il-patrijiet, mhux biss billi tipprovdulhom vokazzjonijiet mill-komunità tagħkom, imma wkoll b’ħafna għajnuniet oħra.

Inżommuha ħajja din id-dimensjoni missjunarja tagħna, għaliex huwa dmir tagħna li, bħalma għamlet Marija, niġbru flimkien lill-bnedmin imxerrdin. Sakemm l-Evanġelju ma jasalx sa truf l-art kollha, aħna għadna nħossuna nkwetati.

b. Il-ħidma ekumenika

Teżisti l-firda bejn l-insara, għeżiez tiegħi. Kif jgħallimna l-Konċilju Vatikan II fid- Digriet “Unitatis Redintegratio”, ħafna komunitajiet insara jippreżentaw ruħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Kristu, iżda bejniethom ma jaqblux, u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu huwa mifrud (n.1).

Qed nitkellem dwar dak li jissejjaħ il-moviment ekumeniku. Anke f’Għawdex għadna residenti fostna li huma nsara, imma li m’humiex f’komunjoni magħna u aħna m’aħniex f’komunjoni magħhom. Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħossu li l-kawża ekumenika mhix kawża ta’ l-Isqof waħdu jew ta’ parti selettiva tan-nies, imma hija kawża tal-Knisja kollha. Inħeġġiġkom biex titolbu ħalli l-imgħammdin kollha jkunu membri fil-Knisja waħda ta’ Kristu li hija l-Knisja Kattolika. Aktar minn hekk, nagħmlilkom sejħa biex tagħmlu xi ħaġa b’mod attiv: fil-kuntatti li jista’ jkollna ma’ dawn ħutna nsara mhux kattoliċi ngħinuhom jiskopru is-sabiħ ta’ din il-komunjoni. L-inqas ħaġa li nista’ nitlobkom hija li ma tagħtuhomx skandlu b’dak li tagħmlu, tgħidu jew tiktbu, għaliex altrimenti nkunu qegħdin nitilfu l-kawża kollha kemm hi.

ċ. Il-komunjoni fil-Knisja lokali

Imma barra dan l-aspett missjunarju w ekumeniku, hemm aspett ieħor li jolqotna iktar fil-qrib: il-komunjoni ta’ bejnietna fil-Knisja lokali. Kif il-Knisja partikulari tagħna tista’ tgħożż iktar u tindokra din il-komunjoni?

L-ewwelnett bil-preżenza tal-ministeru ta’ l-Isqof. Ippermetuli ngħidilkom li m’iniex nitkellem dwari nnifsi. Jiena llum hawn u għada le; imma m’hemmx Knisja mingħajr il-ministeru ta’ l-isqof. Fid-djoċesi l-Isqof huwa l-vigarju u delegat ta’ Kristu. Huwa dmir tiegħu li “jiġbor il-merħla kollha tiegħu f’familja waħda u jagħtiha dik il-formazzjoni meħtieġa biex kulħadd jagħraf u jħoss il-piż ta’ l-uffiċċju tiegħu u jgħix u jaqdi dmiru f’xirka ta’ karità” (Christus Dominus, 16). Fil-knisja partikulari, l-isqof huwa l-prinċipju ta’ l-unità fost l-insara kollha.

Dan qed ngħidu bil-biża’ u t-tregħid, għax qabel xejn ngħidu lili nnifsi biex jien nagħraf iktar u nkun umli iktar biex nagħtikom dan is-servizz tal-komunjoni. Imma gwaj jekk il-ministeru ta’ l-isqof kellu jiġi mminat, emarġinat jew kalpestat! L-isqof għandu missjoni li jqaddes, li jgħallem u li jiggverna, u, għeżież tiegħi, tifhmuni biżżejjed jekk ngħidilkom li jekk ikun hemm xi tentattiv, ġej minn fejn ġej, anke jekk ikun ġej minn fejn mhux suppost, biex jipprova jtappan il-figura tar-Ragħaj jew ixejjen il-ministeru tiegħu, dak huwa dnub serju ħafna. Anke jekk jien ma nitkellimx, min jagħmel hekk irid jagħti kont lil Alla. Min jipprova jimmina l-missjoni u l-awtorità ta’ l-isqof li jrid jiggverna, ikun jonqos gravement għax ikun qed ikisser il-Knisja.

Kont qed naqra l-Eżortazzjoni Apostolika Pastores Gregis li tana l-Papa Pawlu II fl-2003. Meta jitkellem proprju dwar il-missjoni ta’ l-isqof, il- Papa jgħallem li l-isqof għandu jħares il-kwalità tal-komunjoni u għandu jaħdem biex bil-mod kif jiggverna, din il-komunjoni tiġi mħarsa (cfr. n.44). Jiena dan inwegħdulkom, anke jekk lili jista’ jiswieli prezz, imma nittama li intom il-poplu t’Alla f’Għawdex tifhmuni u ssegwuni.

U dak li l-isqof huwa għad-djoċesi, huwa l-kappillan għall-parroċċa. Għaliex inkwantu li jirrapreżenta lili, il-kappillan huwa l-prinċipju ta’ l-unità fil-komunità parrokkjali. Għażiż Arċipriet Dun Reuben Micallef, din hija l-ewwel festa tiegħek hawnhekk fiż-Żebbuġ, u jien sodisfatt ħafna bil-mod kif qed tmexxi f’ismi lil din il-komunità. Jekk tagħmel ħaga tajba, jien nifraħ miegħek, imma jekk tagħmel xi żball jien rrid nirrispondi għaliħ. Dan li qed ngħid lilek, ngħidu lill-ħmistax-il kappillan li hawn fid-djoċesi. Dan qed intennih biex intom il-lajċi tkunu tafu li, anke jekk jien ma naġixxix, dan ma jfissirx li ma nkunx attent għal dak li jkun qed isir fil-komunitajiet parrokkjali; imma kollox għandu l-ħin tiegħu. Nista’ jien nippermetti li dak li huwa prinċipju ta’ l-unità fil-komunità, ikun prinċipju ta’ diviżjoni? Nagħmel ukoll sejħa lilkom, għeżież saċerdoti, biex tkomplu tgħinu lill-kappillan, għax dak li tagħmlu miegħu, tagħmluħ miegħi, u dak li qed tagħmlu miegħi qegħdin tagħmluh ma’ Kristu.

Nappella wkoll lilkom, għeżież komunitajiet parrokkjali, ħalli tkomplu tilqgħu fostkom lir-ragħaj spiritwali tagħkom bħala dak li l-Mulej ipprovdilkom “illum” ħalli jiġmagħkom flimkien biex min hu mxerred jinġabar. Jien nittama li l-membri u l-għaqdiet kollha fi ħdan il-komunitajiet parrokkjali tagħna jaraw fil-kappillan dan il-prinċipju ta’ l-unità. Bħala Isqof tagħkom, jien ma nippermetti qatt li l-kappillan jiġi kkalpestat meta bl-akbar sens ta’ responsabiltà u b’kuxjenza jagħmel dmiru biex jibni l-komunità ekkleżjali.
Għeziez ħuti, din il-komunjoni tidher fil-Knisja jekk naħdmu iktar flimkien, jekk bejnietna jkun hemm il-karità, iktar sens ta’ kollaborazzjoni u mhux antagoniżmu, mentalità separatista u sens ta’ superjorità. Żgur li dan ta’ l-ahhar mhux spirtu kristjan u m’għandux jitħalla jerfa’ rasu aktar fil-komunitajiet ekkleżjali.

“Morru fid-dinja kollha”

Għalhekk, illum li qed niċċelebraw din is-solennità ta’ l-Assunta, nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ ommna Marija, “Mater Unitatis”, biex aħna naħdmu ħalli nkunu aktar kredibbli għad-dinja ta’ llum.

Aħna ma nafux x’qalet il-Verġni Marija lill- Appostli qabel telgħet is-sema. Nistħajjjel li fuq l-eżempju ta’ Kristu, lill-appostli Marija tgħidilhom: “Morru xandru l-Evanġelju kif qalilkom Ibni qabel tela’ s-sema”.

Din il-komunjoni li qed nisħaq fuqha llum hija possibbli jekk aħna nitmantnew bil-kelma ta’ Alla. Marija laħqet din il-komunjoni fi ħdan it-Trinità, ġibdet madwarha lill-komunitajiet insara għax hija l-mara li għarfet il-qawwa tal-Kelma. Jekk aħna rridu nkunu dak li l-Konċilju isejjaħ “Knisja sagrament jew sinjal u strument ta’ l-għaqda ma’ Alla u mal-bnedmin” (Lumen Gentium), allura għandna bżonn inkunu nafu l-Kelma għax altrimenti nkunu qegħdin naqdfu fil-vojt.

U għalhekk inħallikom b’dan l-aħħar appell. Fid-djoċesi tagħna, f’Ottubru li ġej ser nipproponu inizjattivi biex il-Knisja tkun iktar ħabiba ta’ l-Evanġelju. Jien persważ li l-Arċipriet tagħkom, bil-kollaborazzjoni tas-saċerdoti u anke ta’ ħutkom il-lajċi, ser jagħmlilkom din il-proposta. Nappellalkom biex tikkollaboraw miegħu ħalli meta tixorbu minn din l-għajn, flimkien inkunu nistgħu mhux biss infejqu l-ġerħat tal-firda u tal-pika, imma wkoll b’mod pożittiv nikkontribwixxu ħalli tidher il-komunjoni ekkleżjali fostna. Hekk il-qima lejn Santa Marija tkompli tagħmel il-frott meta tibnina bħala Knisja waħda.