Alla jeħlisna mit-taħsir (Katidral Għawdex, 15 ta’ Awissu 2007)

Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Awissu 2007, solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni pontifikali fil-Katidral t’Għawdex u għamel din l-omelija.

ALLA JEĦLISNA MIT-TAĦSIR

Il-festa ta’ l-Assunta li qegħdin niċċelebraw dalgħodu mhux biss fid-djoċesi tagħna imma wkoll fil-Knisja Kattolika, hija festa impenjattiva ħafna. Nibża’ li d-diversi attivitajiet li għandna madwar din iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru tat-Tlugħ fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem ta’ Marija, ma jħalluniex liberi biex nidħlu fil-fond ta’ din il-ġrajja biex hekk nistgħu nassimilaw il-messaġġ qawwi li qed jipproponilna Kristu permezz ta’ Ommu.

Li Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem hija verità ta’ fidi relattivament riċenti; imma t-twemmin tal-Knisja f’din il-verità jmur għall-ewwel sekli ta’ l-istorja tal-poplu gdid ta’ Alla. Sant’Efrem Siro u Timotju ta’ Ġerusalemm, li kienu jgħixu fir-raba’ seklu, jitkellmu dwar l-Assunzjoni ta’ Marija u li l-ġisem tagħha ġie meħlus mill-korruzzjoni fil-qabar. Fis-seklu VI l-Imperatur Mawrizju ordna li fil-15 t’Awissu ssir festa liturġika tat-transitu ta’ Marija.

 Għeżież tiegħi, f’din il-meditazzjoni li bħala ragħaj tagħkom inħossni fid-dmir li nagħmel magħkom, jien insejħilkom biex f’din il-għodwa tirriflettu dwar dan l-aspett ta’ l-Assunzjoni: dwar kif il-qawwa ta’ Alla aġixxiet f’Marija ħalli l-ġisem tagħha jkun ħieles mit-taħsir.

Kien xieraq li Marija tgawdi minn din il-grazzja. L-ewwelnett, għaliex kienet meħlusa mid-dnub, li huwa l-għerq ta’ kull taħsir. Dak il-ġisem li ma kienx imċappas bit-tebgħa tad-dnub, stħaqqlu jgawdi l-glorifikazzjoni fis-sema. Marija, bħala omm Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex jgħin lill-bniedem jeħles mit-taħsir u biex jirrestitwixxi l-ordni fejn kien hemm id-diżordni, kien jistħoqqilha tgawdi minn din ir-rebħa li għamel Kristu fuq id-dnub, fuq id-diżordni u fuq il-mewt. Aħna li aħna wlied Marija u soċji ta’ Marija, li hija d-dixxiplu per eċċellenza ta’ Kristu, nistgħu wkoll nixxenqu u nemmnu illi minkejja li għandna natura dgħajfa u mwaqqgħa, il-Feddej jeħlisna mill-konsegwenzi tat-taħsir li jġib id-dnub kif ħeles b’mod antiċipat lil Ommu Marija.

Fi kliem Sant’Efrem Siro, magħruf bħala ‘ċ-ċetra ta’ l-Ispirtu s-Santu’, “Marija hija qaddisa fil-ġisem, sabiħa fl-ispirtu, safja fil-ħsibijiet tagħha, sinċiera fl-intelliġenza tagħha, perfetta fis-sentimenti tagħha, kasta, soda fil-propositi tagħha, immakulata f’qalbha, eminenti, mimlija b’kull virtù” (Inni alla Vergine Maria, 1,4).

Kif ktibnilkom fl-Ittra Pastorali li wassalnilkom jien u ħija fl-episkopat l-Arċisqof Pawl Cremona ftit jiem ilu, aħna nemmnu illi Marija mhux biss hija l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Kristu, imma hija l-ewwel waħda fost il-bnedmin li ħadet sehem mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt; hija tipparteċipa mill-qawwa ta’ Kristu li ġie biex jeħles lill-umanità mit-taħsir. Aħna nimxu warajha. Marija mtellgħa s-sema hija għalina t-triq u l-gwida żgura li tgħinna biex nidħlu fejn daħal il-Feddej.

Kif jgħid it-teologu Protestant Deitrich Bonhoeffer, l-epoka tagħna hija waħda perikoluża għaliex qegħdin ngħixu fi żmien ta’ tħassir – “iż-żmien veru u propju ta’ dekadenza”! (Etica, Milano 1969, 91) Dan it-teologu jgħid li peress li ma fadal xejn li huwa li jdum, naqset il-fiduċja li hija l-fundament tal-ħajja storika. Meta hawn sfiduċja fil-verità, il-bniedem qed jirreferi għas-sofiżmi tal-propoganda (u kull tip ta’ propoganda). Meta l-bniedem m’għadx fadallu fiduċja fil-ġustizzja, jasal biex jikkomprometti lilu nnifsu u jsejjaħ tajjeb u ġust dak li jaqbillu li jsejjaħlu tajjeb u gust u mhux dak li hu hekk. Imma forsi l-iktar gravi f’din il-mewġa ta’ tħassir u ta’ dekadenza, hija li aħna ġejna misruqa minn din ir-rieda li nfittxu dak li huwa tajjeb, sewwa u sabiħ; ġejna misruqa minn din il-motivazzjoni li nfittxu dak li huwa tajjeb, ġust u sabiħ; ġejna użurpati minn dik il-kapaċità u r-rieda li nixxenqu għal dak li huwa sabiħ u mhuwiex imħassar. Għalhekk f’din l-għodwa, meta l-poplu tagħna kollu, kemm min jemmen u kemm min ma jemminx, illum jaf li qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ l-Assunta, jien nistiednu ħalli jieqaf jirrifletti dwar dan l-aspett tal-misteru ta’ l-Assunzjoni: Marija ġiet meħlusa mit-taħsir tal-ġisem.

Għeżież uliedi, jien nitlob illum lil Alla l-Imbierek biex jagħtina l-grazzja ħalli negħlbu t-taħsir f’kull forma u sura tiegħu f’kull ambjent fejn jinstab. M’hemm l-ebda sfera li hija ħielsa minn din id-dekadennza. Ngħida ċar u tond: teżisti wkoll fil-Knisja. Dan it-taħsir nixtieq nara li jiġi mirbuħ.

It-taħsir tal-moħħ

Inħoss li jeżisti r-riskju li l-moħħ tal-bniedem kontemporanju, jekk ma tħassarx, qiegħed jitħassar. Il-moħħ jitħassar għaliex ikun nieqes mill-verità jew għax ikollu verità deformata. Il-moħħ li ma għandux għarfien ta’ dak li huwa sewwa (verum), huwa moħħ defiċjenti. Hemm min għandu interess li jħawwadna dwar dik li hija l-verità. Diġà t-tfittix għall-verità huwa xi ħaġa impenjattiva ħafna, imma ma nistgħux nissagrifikaw illi l-moħħ tagħna minħabba n-nuqqas tal-verità jitħassar. Altrimenti nsiru poplu bla moħħ. Ilkoll nafu x’ifisser meta wieħed ikollu defiċjenza mentali, aħseb u ara meta l-bniedem ikun bla moħħ.

L-Imbierka Vergni Marija kienet ħielsa minn dan it-taħsir. Hija skopriet il-għajn tas-sewwa. Marija għarfet li l-Kelma ta’ Alla hija l-verità. Meta nisslet, welldet u rabbiet lil Kristu, skopriet li fi ħdanha u maġenbha kellha lil dak li stqarr: “Jiena l-verità” .

L-esperjenza wriet li l-Illuminiżmu ma kienx biżżejjed biex il-bniedem jikseb il-verità. Aħna l-insara nemmnu li Kristu huwa l-verità. M’iniex ngħid li Kristu joffrilna xi verità xjentifika jew storika, imma l-verità eżistenzjali dwar Alla, il-bniedem, il-ħajja, il-familja, eċċ. Għalhekk biex negħlbu dan it-taħsir, jeħtieġ li nkunu aktar midħla tal-Kelma t’Alla biex hekk, kif jgħid San Pawl lir-Rumani, “ikollna fina l-ħsieb t’Alla”. Fil-Pjan Pastorali tas-sena li ġejja l-Knisja f’Għawdex qed tagħmel proposti prattiċi biex insiru aktar ħbieb ta’ l-Evanġelju, u hekk “nifhmu aktar il-ħsieb ta’ Alla” (1 Kor). Billi hawnhekk qed nitkellem mhux biss fil-Katidral tad-djoċesi imma wkoll fil-parroċċa tal-Katidral, irrid nuri l-apprezzament tiegħi għall-inizjattiva li ħadet din il-parroċċa fix-xhur li għaddew meta beda jiltaqa’ grupp tal-Lectio Divina. Esperjenza ta’ dan it-tip għandhom l-appoġġ kollu tiegħi.

Qalb imħassra

Fostna jezisti it-taħsir tal-qalb. Qalb li ma tħobbx, li ma tirrispettax, li hija vjolenti, li ma tittollerax u ma taħfirx hija qalb imħassra. Nosserva li fostna hemm ċerti kitbiet u ċerti azzjonijiet li flok l-għaqda jġibu l-firda anke fil-komunitajiet ekkleżjali! Dan jirrifletti mard kardijaku serju. Ħafna drabi qalb imħassra taqsam ħafna qlub oħra. Biex inkunu nistgħu nibnu ċivilità ta’ mħabba, neħtieġu l-fejqan tal-qalb, jekk mhux ukoll qalb ġdida.

Santa Marija kellha qalb mimlija bl-imħabba. L-Ispirtu s-Santu, li huwa l-istess imħabba, għammar fiha. Il-ftit li nafu dwar Marija fl-Evanġelju jixhed mhux biss li qalbha kienet tfawwar bl-imħabba lejn Alla, imma wkoll il-ġenerożità u l-attenzjoni li hija kellha lejn kull bniedem. Għax kellha qalb ħielsa minn kull taħsir, Marija kienet il-mara tal-komunjoni. Kif Alla ppreserva qalb Marija minn kull taħsir, nixxenqu lkoll biex Alla jsawwar il-qalb tagħna u jagħmilha kapaċi tħobb.

Fibra morali mħassra

Ninnota li għandna taħsir tal-fibra morali ta’ ġensna bil-konsegwenza li qed ngħixu f’relattiviżmu etiku. Infakkarkom f’dak li għidna aħna l-Isqfijiet fl-aħħar Ittra Pastorali li wassalnilkom: “Mhux għaġeb li fost il-mard serju tas-soċjetà tagħna għandna skarsezza ta’ dawk il-punti fermi ta’ l-etika li normalment iservu ta’ gwida żgura għall-oqsma tax-xogħol u l-kultura, għar-riċerka xjentifika u l-applikazzjoni terapewtika tal-kisbiet tagħha, għall-istil tal-ħajja adottat miċ-ċittadini u mill-familji, kif ukoll għall-għazliet politiċi u leġiżlattivi”. Dan jiġri għax xi drabi lil Alla qegħdin nemarġinawh u nużawh fejn għandna bżonnu biss. Espressjoni qawwija dwar dan fl-Ittra Pastorali tgħid li xi drabi lil Alla aħna qegħdin noqtluh.

Forsi f’din il-għodwa din il-kelma tista’ tinstema’ skandaluża; imma rrid nittama li jien żbaljat f’din l-interpretazzjoni. Xi drabi nagħtu l-impressjoni li qegħdin nagħmlu proprju għazla konxja li nkunu poplu amorali – poplu illi għax jiftaħar li mingħalih huwa mdawwal bir-raġuni jbarri lil Alla bħala gwida tiegħu! Għalina li nemmnu, il-gwida ċerta tagħna huwa Kristu. Dan huwa it-taħsir li, f’din il-għodwa ta’ l-Assunta li fiha Marija ġiet meħlusa mit-taħsir tal-ġisem, jien nitlob lil Alla biex jeħlisna minnu.

It-taħsir spiritwali

Hemm taħsir ieħor li forsi huwa l-għerq ta’ dak kollu li għidna s’issa: it-taħsir spiritwali. Jien naqsam is-soċjetà Għawdija tagħna fi tliet kategoriji:
hemm dawk li tilfu għal kollox is-sens ta’ Alla, dawk li rnexxielhom jifgaw is-sens ta’ Alla li hemm fihom u qed jgħixu daqs li kieku Alla ma jeżistix;
imbagħad hemm dawk li jħossu l-bżonn ta’ Alla, imma qegħdin ifittxuh bnadi oħra: qegħdin jinnamraw ma’ reliġjonijiet, setet u filosofiji oħrajn: din il-kategorija li kull ma jmur qed tikber, lili tħassibni u tippreokupani ħafna;
l-oħrajn huma dawk li, għalkemm jagħmlu esperjenza spiritwali fil-Knisja Kattolika, ibatu minn taħsir reliġjuż, tant li ċerti attivitajiet u ritwali reliġjużi ta’ żmienna tilfu l-awtentiċità spiritwali tagħhom.

Nerġa’ ntennilkom dak li tkellimt dwaru nhar il-Ħadd li għadda mal-komunità parrokkjali ta’ San Lawrenz: inħoss li kawża ta’ dan it-taħsir reliġjuż, hemm min juża lill-Knisja. Dan m’għandux ikun.

F’dan ir-rigward ngħidu li Santa Marija, minkejja li kienet f’minoranza billi kienet tifforma parti minn dawk il-ftit li kienu jissejħu “il-fdal ta’ Iżrael”, baqgħet soda fir-riċerka u fil-mixja tagħha skond il-pjan t’Alla għaliha. Huwa dmir tagħna li din id-dimensjoni spiritwali mhux biss ma nħalluhiex tmut, imma nagħmlu ħilitna biex nagħtuha direzzjoni tajba, biex f’Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu npoġġu t-tama tagħna.

It-taħsir fil-familja

Dan huwa t-taħsir li jiena nilmaħ fis-soċjetà u fil-knisja tagħna. Huwa taħsir li għandu riverb tiegħu fl-individwi. Naf b’individwi li għax ġejjin minn familji mħassra, huma bla direzzjoni, ħallew lilhom nfushom jitħassru u qed isibuha diffiċli biex jirkupraw lilhom nfushom. U ladarba għandna individwi mħassrin, allura ser ikollna aktar taħsir fil-familja.

Meta nara l-familja tagħna qegħda titħassar, inkompli nistedinkom ħalli nagħmlu minn kollox biex insalvaw il-familja. Għaliex jekk l-istituzzjoni tal-familja tkun f’saħħitha, ħielsa minn dan it-taħsir, allura anke l-individwi jkollhom possibiltà li jirbħu t-taħsir li ġej minn barra u jibqgħu sodi. Nerġa’ ntennilkom, maħbubin tiegħi: ejjew naħdmu flimkien, forza waħda, biex insalvaw il-familja Maltija u Għawdxija. Inżid ngħid: ejjew naħdmu biex insalvaw lill-familja nisranija. Din hija l-preokupazzjoni kbira tiegħi, tal-kollaboraturi tiegħi, u naħseb tagħkom ilkoll. Ejjew naġixxu qabel ikun tard wisq. Jekk il-familja u jekk l-individwi huma mħassra, anke s-soċjetà titħassar.

Għalhekk fl-ittra pastorali aħna l-Isqfijiet għamilnielkom din l-istedina: “Aħseb x’tista’ takkwista s-soċjetà ċivili kieku aħna nagħtu iktar widen għall-proposta li qed jagħmlilna Kristu, għall-kelma li qed iwasslilna Kristu u għal dak li qiegħed jgħidilna permezz ta’ Santa Marija.” Kieku nagħmlu dan, nevitaw ħafna tħassir, kemm fl-istrutturi soċjali tagħna kif ukoll fil-komunitajiet ekkleżjali.

It-taħsir ta’ l-ambjent ta’ madwarna

Ladarba qed nitkellmu mill-bniedem, mill-familja u mis-soċjetà, aħna nistgħu nitkellmu wkoll mill-ambjent ta’ madwarna, għax min huwa mħassar, iħassar. Fl-Ittra Pastorali aħna l-Isqfijiet għidna li l-ambjent huwa parti mill-patrimonju tagħna lkoll. Il-Knisja tħeġġeġ biex l-ambjent ikun imħares. Nagħti garanzija li jien u l-Knisja f’Għawdex m’aħna ser nagħmlu xejn li jmur kontra l-ambjent, u biex nimxu fuq dan hemm min jiggwidana: hemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż maħluqin apposta.

Imma tafu dwar x’hiex nistgħaġeb? Dwar kif min jibni lukanda jew itella’ bini ieħor dan mhux iħassar l-ambjent; imbagħad, għax tibni dar ta’ l-irtiri, jew għax tibni ċimiterju, jew għax trid tagħmel knisja iktar aċċessibli, dak tħassir ta’ l-ambjent. Dan jagħmel sens? Hemm min jidhirlu li proġetti bħal dawn ma jistgħux isiru għax jikkunsidrahom bħala xi diżastru ambjentali! Mhux korrett li kull darba li l-poplu t’Alla f’pajjiżna jħoss il-bżonn li jkollu struttura biex ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għall-kult, il-Knisja tiġi kkritikata li hija għadu ambjentali. Lill-kollaboraturi tiegħi, il-kappillani, ngħidilhom li meta jiġu biex jipproponu xi proġett li huma jħossu li huwa meħtieġ għall-ħajja tal-komunità nisranija, għandhom joqogħdu għal-ligijiet tal-pajjiż u għall-istruzzjonijiet li jirċievu mill-awtoritajiet ċivili, li huma mħallsa mill-flus tal-poplu biex b’sens ta’ ġustizzja ma’ kulħadd jaraw li ma ssirx ħsara lill-patrimonju ambjentali.

Tiġi quddiem għajnejja ġrajja li hemm fl-Eżodu (Kap. 32). Waqt li Mosè kien fuq il-muntanja jitkellem ma’ Alla – u hemm Alla jipproponilu proposti tal-ġenn għax jagħtih it-twavel tal-Kmandamenti tiegħu –, Alla jintebaħ li hemm isfel il-poplu Lhudi kien għamel idolu tad-deheb. Alla lil Mosè jgħidlu: “Mur inżel hemm isfel, għax tħassar il-poplu tiegħek … Malajr warrbu mit-triq li jien urejthom. Għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh… Ħarist lejn dan il-poplu u rajt li huwa poplu ta’ ras iebsa. Ħallini waħdi issa, ħalli nixgħel bil-korla tiegħi għalihom u neqridhom” (Eż. 32,7-10). Meta nħarsu madwarna jagħtini nistaqsi jekk aħna aħnix qegħdin nipperikolaw li Alla jippronunzja ruħu b’dan il-mod fuqna, jgħid li bdilnih ma’ idoli oħrajn, li aħna poplu ta’ ras iebsa!

Imma mbagħad Mosè, f’dan id-djalogu interessanti ma’ Alla, jintervjeni bil-ħniena u jitolbu biex ma jixgħelx bil-korla kontra dan il-poplu mħassar. Mosè jappella lil Alla billi jgħidlu: “Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek li int ħliftilhom bik innifsek u għidtilhom, ‘inkattar in-nisel tagħkom bhall-kwiekeb tas-sema u ta’ din l-art’.” (13-14).

F’din l-għodwa ta’ l-Assunta ndur lejn Alla l-Imbierek biex jekk f’pajjiżna jara li hawn poplu mħassar u jgħaddilu minn moħħu l-istess ħsieb li esprima fuq il-poplu Lhudi, ngħidlu: “Tinkurlax għalina. Ftakar mhux biss f’Abraham, Iżakk, Iżrael u fi Kristu … imma ftakar fl-Assunta, dik li inti ħlistha minn kull taħsir! Għaliex, mela, ma tkunx ġeneruż u ħhanin magħna u bl-interċessjoni ta’ Santa Marija teħles lil dan il-poplu mit-taħsir li jista’ jkollu? Int lill-poplu Lhudi tajtu l-kmandamenti biex ipoġġihom fl-arka u jsegwihom biex jevita t-taħsir; hawn quddiemna aħna għandna lil Marija ta’ Nazaret, l-arka tal-patt il-ġdid, li fiha laqgħet mhux it-twavel tal-liġi imma lil Kristu, l-Iben ta’ Alla, il-liġi l-ġdida ta’ Alla.

Aħna lil Santa Marija nħobbuha għax hija l-arka li tagħtina l-verità u l-liġi tiegħek; l-għożża tagħna lejha tissarraf f’impenn li nħarsu l-Kelma tiegħek li teħlisna minn kull taħsir. U meta aħna nieħdu bis-serjetà dan l-impenn biex ma nitħassrux u ma nħassrux lil ħaddieħor, jirnexxielna nilbsu dak il-ġmiel li bih hija mlibbsa l-Assunta quddiem Alla l-Imbierek. Marija hija liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha. Dik il-glorja li għandha Marija, li hija parteċipazzjoni mill-glorja ta’ Kristu, qegħda tistenniena lkoll, biex aħna “li ma twelidniex minn nisel li jitħassar, imma minn nisel li ma jitħassarx, bis-saħħa tal-kelma t’Alla li tgħix u tibqa għal dejjem” (1 Pt 1,23), nilbsu l-immortalità (1 Kor 15,54) u nidħlu ngawdu lil Alla fl-eternità flimkien ma’ Sidtna Marija.