Soċjeta Tal-M.U.S.E.U.M xhud ta’ Kristu Rxoxt
Omelija fit-tifkira ta’ għeluq il- mitt sena mill-bidu tal MUSEUM
Santwarju Ta’ Pinu - 10 ta’ April 2007

Nhar il-Erbgħa 10 ta’ April 2007 Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fis-Santwarju ta’ Pinu, li fiha gie mfakkar il-mitt sena mill-bidu tas-Soċjetà tal-M.US.E.U.M f’Malta. Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm soċji u membri tas-Soċjetà minn Malta, Għawdex, Awstralja, Ingilterra u Kenya. Mons Isqof għamel din l-omelija:

Kont qed nistenna din l-Ewkaristija tagħna l-lejla għaliex hija ċelebrazzjoni ta’ ferh, għax qegħdin nfakkru opra li ħalla wiehed mis-saċerdoti tagħna, Dun Ġorġ Preċa. Huwa ħalla warajh opra mhux tal-fided jew ta’ l-irham, imma ”Soċjetà” animata mill-imħabba lejn Kristu u għall-Kelma.

Hija okkażjoni ta’ ferħ għalija bħala isqof għax qiegħed ningħaqad magħkom, għeżież soċji Maltin u Għawdxin, partikularment magħkom, għeżież membri li fi ħdan il-poplu ta’ Alla f’Għawdex, li għandkom tassew biex tkunu grati lejn Alla li sejħilkom biex tipparteċipaw mill-kariżma tal-fundatur tagħkom, u b’ħajjitkom tagħmlu din il-kariżma kontemporanja għalina.

Nifraħ mal-Knisja għax Alla żejjinha bil-preżenza ta’ dan is-saċerdot qaddis. Għandi tama qawwija li l-Mulej għadu jsejjaħ membri oħra mill-kleru tagħna biex huma jkunu xempju tal-qdusija!

Nifraħ f’dan l-ewwel ċentinarju tat-twaqqif tagħkom, għaliex huwa bla għadd il-ġid li intom wettaqtu u għadkom tistgħu twettqu!

Min kien Dun Ġorġ li dwaru u ħidmietu nista’ ngħid dan kollu?

Xhud tal-qawmien tal-Mulej

F’din l-Ottava ta’ l-Għid nilmaħ lil Dun Ġorġ bħala xhud awtentiku tal-qawmien tal-Mulej u bħala appostlu animat bl-ispirtu ta’ l-Għid ta’ Kristu, biex flimkien magħkom is-soċji jwaqqaf il-komunità paskwali. Nara li hemm xebħ bejn Dun Ġorġ u Marija ta’ Magdala, li għadna kif smajna dwarha fil-Vanġelu, u Pietru u Ġwanni li f’dawn il-ġranet nisimgħu dwarhom. Dawn it-tlieta emmnu li Kristu qam mill-mewt qabel ma kellhom il-konsolazzjoni tal-viżjoni! Marija rat il-qabar vojt. Billi ma għarfitx lill-anġli li kien hemm fil-qabar vojt, hija tidħol fi djalogu dwar il-ġisem mejjet ta’ Kristu. Hija tiltaqa’ wkoll ma’ Kristu imma ma tagħrfux. Imbagħad x’ħin Kristu jsejħilha b’isimha, “Marjam”, meta l-“kelma” ta’ Kristu tasal għandha, għajnejn Marija jinfetħulha u tagħraf lil Kristu Rxuxtat. L-istess ġralhom Pietru u Ġwanni. Huma marru jiġru lejn il-qabar. San Ġwann jgħidilna li huma “daħlu, raw u emmnu” (Ġw 20,8). Huma raw sinjali: il-faxex ta’ l-għażel u l-maktur mitwi. Għall-ewwel ma rawx lil Kristu Rxuxtat imma imdawlin mill-Kelma tal-Profeti u ta’ Ġesù kienu kapaċi jirriflettu u jinterpretaw dawk is-sinjali li jixhdu l-qawmien tal-Mulej.

B’dan aħna nistgħu nifhmu x’tip ta’ relazzjoni għandu jkollna ma’ Kristu Rxuxtat. La Dun Ġorġ u lanqas jien u intom qatt ma rajna l-misteru tal-Qawmien, imma nemmnu fil-“Kelma”, u bhħl Miriam ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni fid-dawl ta’ dan il-Kodiċi ta’ l-Iskrittura aħna niksbu l-vera viżjoni. Mhux biss, imma imwettqin bil-Kelma nistgħu nwasslu lill-oħrajn igawdu din l-istess viżjoni tal-misteru paskwali. Hija l-Kelma li tgħinna naqraw ir-realtà ta’ żminijietna u fiha niskopru sinjali li jikkonfermaw il-preżenza ta’ Kristu Rxuxtat. Jiena konvint illi Dun Ġorġ, xhud ta’ Kristu Rxuxtat u bennej ta’ komunità paskwali, emmen fil-Kelma illi tagħtu l-garanzija li Kristu qam mill-mewt u għajnejh raw! Nistħajjel li meta Dun Ġorġ waqqaf lilkom b’mandat speċjali li tevanġelizzaw, fil-viżjoni tiegħu tas-Soċjetà kellu wkoll din ix-xewqa li jagħmilkom xhieda ta’ Kristu rebbieh fuq il-mewt, ta’ Kristu gglorifikat mill-Missier.

Ilkoll nafu kemm Dun Ġorġ kellu għal qalbu l-kurċifiss li kien isejjaħlu “Il-ktieb il-kbir”, u kemm kien jistedinkom sabiex taqbdu l-kurċifiss f’idejkom u tħaddnuh magħkom. Kif kien hemm fil-Kostituzzjonijiet il-qodma, Dun Ġorġ kien jeżigi li kull soċju għandu kull filgħodu jieħu minn idejn Ġesù s-salib u b’att ta’ rassenjazzjoni jgħid: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu u jieħu salibu kuljum u jimxi warajja”, u għall-kelma “kuljum” is-soċju ibus is-salib. Imma intom taħsbu li meta Dun Ġorġ kien jimmeditta anzi jikkontempla l-kurċifiss kien jieqaf biss fil-Ġimgħa l-Kbira? Ngħidilkom li quddiem dan il-Kurċifiss, imdawwal bil-Kelma Dun Ġorġ kien jemmen fil-misteru tar-Qawmien; u għax kien jemmen f’din il-verità kien kapaċi jinterpreta s-sinjali taż-żminijiet u jaqra fihom messaġġ, anke jekk moħbi, li jitkellem mill-preżenza ta’ Kristu Rxuxtat.

Dan huwa l-awgurju tiegħi għalikom bħala Soċjetà f’dan l-anniversarju, għalikom individwalment u għall-oqsma tagħkom: inkomplu nikbru fl-imħabba tagħna għall-Kelma ta’ Alla. Nippruvaw naqrawha fi chiave kristoloġika, u hekk “nemmnu u naraw” – hemmhekk insibu il-viżjoni ta’ dik il-verità li tagħti sens lill-ħajja ta’ l-umanità u tad-dinja; hemmhekk insibu l-verità li għandu bżonn il-bniedem tal-lum. F’dan il-kuntest inħeġġiġkom fl-apostolat ewlieni tagħkom.

Museum: Komunità paskwali

X’inhu l-apostolat tagħkom? Jien ukoll f’dan nilmaħ esperjenza tal-komunità paskwali. Il-komunità tal-bidu, wara li għamlet l-esperjenza ta’ Kristu Rxuxtat, ħalliet qalbha tinfetaħ għal dak il-mandat ta’ Kristu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-bxara t-tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15), u “Morru għamlu dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28,19-20). Dan kien il-mandat illi Kristu Rxuxtat jagħti lill-appostli u lill-Knisja tal-bidu; għax kienet imħeġġa bil-ġrajja tal-qawmien, il-komunità tal-bidu ħadet b’impenn missjunarju l-kelma ta’ l-Imgħallem, u tassew marru mad-dinja kollha jxandru l-Bxara t-Tajba.

Mhux dan wettaq Dun Ġorġ ? Mhux dan huwa l-wirt li ħalla Dun Ġorġ lilkom u lill-Knisja lokali – li aħna ma nedhewx nevanġelizzaw u nagħmlu katekeżi mibnija fuq il-Kelma li aħna rċivejna ?

Għalhekk, filwaqt li nirringrazzjakom għall-apostolat tagħkom inħeġġiġkom fil-missjoni tagħkom. Inħossni qed inkun eku tal-fundatur tagħkom meta nibgħatkom biex ixxandru l-Bxara t-Tajba lill-bniedem tal-lum. Naf bl-apostolat siewi li intom tagħmlu mat-tfal u ma’ l-adolexxenti; però naf ukoll li mhux dawn biss jidħlu fil-viżjoni tas-Soċjetà. Jien konxju wkoll mid-dimensjoni missjunarja tal-vokazzjoni tagħkom, u nsellem lis-Soċji hawn preżenti ġejjin mill-Awstralja, mill-Ingilterra, mill-Kenja u mis-Sudan. Inħeġġiġkom biex tkomplu testendu din il-viżjoni u tesploraw metodi ġodda biex bihom tistgħu ixxandru llum lil Kristu Rxuxtat.

Komunjoni ġerarkika

Għalija sinjal ieħor tal-komunità paskwali tal-bidu hija r-rabta li kien hemm bejn id-dixxipli u Pietru, il-Kap tal-Kulleġġ ta’ l-Appostli. Din il-komunjoni ġerarkika fil-Knisja hija essenzjali u meħtieġa anke għal żminijietna. Nafu kemm il-Beatu Dun Ġorġ kellu għal qalbu r-rabta tiegħu u tas-Soċjetà ma’ Pietru! Infatti, fl-ewwel snin tal-fundazzjoni tagħha, is-Soċjetà ta’ Dun Ġorġ kienet tissejjah “Soċjetà tal-Papodo u tal-Papidissi”, biex il-membri jqisu ruhhom bħala “ulied il-Papa”. Dwar dan ukoll inħeġġiġkom ħalli ssaħħu r-rabtiet tagħkom mal-Papa, li huwa ‘il-ħelu Kristu fuq l-art’, kif ukoll mal-Knisja lokali. Meta ngħid il-Knisja lokali ma nifhimx biss l-Isqfijiet, imma anke dawk li jirrappreżentawh fil-komunitajiet parrokkjali, jiġifieri l-Kappillani li huma l-kollaboraturi ewlenin tiegħi. Għeżież Soċji, nixtieq li naħdmu iktar biex ikun hemm din il-komunjoni bejn id-diversi realtajiet ekkleżjali li jaġixxu fuq livell parrokkjali u dak djoċesan. Il-frantumazzjoni ta’ l-apostolat u viżjoni pastorali settarja, li m’humiex sinjali ta’ komunità paskwali awtentika, jintgħelbu billi d-diversi movimenti fis-Soċjetà tagħkom jikkuraw il-komunjoni organika, billi f’rispett lejn id-diversità ta’ kariżmi ta’ kull entità ekkleżjali jitħaddem pjan pastorali wieħed.

Miftuħ għat-tnebbiħ ta’ l-Ispirtu

Hemm sinjal ieħor li jikkaretterizza l-komunità paskwali tal-bidu: kienet komunità attenta u doċli għat-tnebbiħ ta’ l-Ispirtu s-Santu. Bhalma huwa dan iż-żmien li qed ngħixu aħna fil-liturġija, fil-bidu l-komunità kienet immarkata bil-preżenza ta’ l-Ispirtu. Dun Ġorġ huwa kapolavur ta’ l-Ispirtu, mhux biss għall-ħajja tal-virtù li huwa għaraf jgħix b’ħajja eżemplari għalina, imma anke għal dawk l-inizzjattivi li huwa ħa fi ħdan il-Knisja. Dun Ġorġ kien miftuħ għall-Ispirtu u m’għamilx limiti għall-ħidma tiegħu, anke jekk kien hemm min ipprova jwaqqfu. Huwa antiċipa dak li l-Ispirtu jgħid lill-Knisja fil-Konċilju dwar is-sehem tal-lajċi. M’huwiex dan sinjal li l-Ispirtu ta’ Alla kien jaħdem f’Dun Ġorġ? Hemm lajċi li huma mogħtijin għall-ħidma fil-Knisja imma huma maqtugħin mid-dinja. Imma mhux hekk ippropona Dun Ġorġ: huwa ried ukoll li intom tibqgħu fid-dinja ħalli xxandru lil Kristu mhux biss bl-apostolat u l-katekeżi tagħkom imma bl-istess ħajja tagħkom. Bħala dixxipli animati mill-Ispirtu, tkunu preżenza fid-dinja tal-lum fid-diversi oqsma li fihom tiżvolġu x-xogħol u l-professjoni tagħkom. Hekk bil-preżenza tagħkom intom tkunu ħmira li tibdel l-għaġna minn ġewwa.

Li Dun Ġorġ qassam il-“Kelma” bil-lingwa li tiftiehem f’dawk iż-żminijiet, speċjalment bil-kelma stampata, ma kienx dan ukoll sinjal tal-ħidma ta’ l-Ispirtu? Inħeġġiġkom biex anke llum tkomplu titraduċċu l-Kelma ta’ Alla f’lingwaġġ li jiftiehem, il-lingwaġġ tal-bniedem tal-lum li aħna irridu niskopruh, nitkellmuh u nikkomunikawh.

Madwar Marija

L-Atti ta’ l-Appostli juruna biċ-ċar li Marija, Omm Ġesù, kellha post ċentrali fil-Knisja tal-bidu. Kienet punt ta’ riferiment sod għall-ewwel insara mhux biss bħala Omm imma wkoll bħala dixxiplu ta’ Kristu. Ċerti kitbiet ta’ Dun Ġorġ dwar il-Madonna, bħalma huma l-Benedicta, jikkonfermaw x’imħabba huwa kellu lejha. Anke llum ukoll, il-preżenza ta’ Marija fis-Soċjetà hija meħtieġa biex tgħinkom tkunu dixxipli ta’ Binha Ġesù.

Dawn huma l-ftit riflessjonijiet li xtaqt naqsam magħkom f’din iċ-ċirkustanza. Nitlob lil Alla ħalli Dun Ġorġ jibqa’ għalina figura ħajja li jkompli jispira persuni oħra biex jimxu fuq il-kariżma tiegħu, u hekk b’Soċjetà mżejna b’numbru sabiħ ta’ vokazzjonijiet inkunu nistgħu naħdmu flimkien fil-Knisja ħalli ninbnew f’komunità li tassew temmen u tagħti xhieda illi Kristu qam mill-mewt.