Ċirkulari 1/2006
MARIO GRECH
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF ELETT TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Kif Missierna San Pawl, li Alla sejjaħlu biex ikun Appostlu ta’ Kristu Ġesù, fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin jitgħaxxaq jindirizza l-ittra “lill-Knisja t’Alla li qiegħda f’Korintu” (1Kor 1.2), jiena, li Alla sejjaħli biex inkun Appostlu ta’ Kristu Ġesù u isqof tagħkom, nixtieq ħafna nagħmel tiegħi din it-tislima qaddisa biex nindirizza din l-ewwel ittra qasira tiegħi lilkom, il-Knisja t’Alla li qiegħda f’Għawdex, jigifieri “lil dawk li tqaddsu f’Ġesù Kristu, imsejħa biex ikunu qaddisin” (ibid).
Din il-Knisja t’Alla f’Għawdex tissejjaħ Djoċesi – hija “parti mill-poplu t’Alla fdata fil-ħsieb pastorali ta’ l-isqof megħjun mis-saċerdoti tiegħu, hekk illi, filwaqt li tibqa’ marbuta mar-ragħaj tagħha u magħquda fl-Ispirtu s-Santu permezz ta’ l-Evanġelju u ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa, tifforma Knisja partikulari li fiha tinsab preżenti u attiva l-Knisja ta’ Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u apostolika” (Christus Dominus, 11).
Fil-jiem li ġejjin sejrin ngħixu mument spiritwalment profond u sabiħ meta fit-22 ta’ dan ix-xahar Alla ser jagħti lill-Knisja isqof ġdid. Dakinhar filgħodu, fil-Katidral tagħna, jien ser niġi kkonsagrat isqof mill-maħbub isqof tagħna l-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, assistit mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta u l-E.T. Mons. Felix del Blanco Prieto, Nunzju Apostoliku għal Malta. Dakinhar nagħmel ukoll id-dħul solenni fid- djoċesi. Billi din hija ġrajja fejn l-Ispirtu tal-Mulej ser jistrieħ fuqi u permezz tiegħi fuq il-Knisja tagħna, inħossni fid-dmir li nagħmel appell biex fil-jiem li fadal noffru talb u suppliki lil Alla.
Huwa f’dan l-ispirtu ta’ talb li fil-jiem li għaddew jien u xi saċerdoti nġbarna għal xi jiem ta’ irtir spiritwali. Huwa f’dan l-ispirtu li qegħdin nipproponu li lejliet il-jum tal-konsagrazzjoni episkopali, fil-21 ta’ dan ix-xahar, ikun jum ta’ sawm, u filgħaxija ninġabru lkoll fil-knisja parrokkjali tax-Xewkija għal VELJA DJOĊESANA ta’ talb.
Fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala isqof inħoss li nista’ naqsam magħkom fejn tħabbat il-qalb tiegħi: għandi mħabba kbira lejn ħuti s-saċerdoti u lejn il-familji kollha, u noffri lili nnifsi għall-qdusija tagħhom.
Kien għalhekk li fil-programm ta’ attivitajiet organizzati fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni u l-ingress tiegħi, l-ewwel impenn tiegħi ser ikun mas-saċerdoti tad-djoċesi, li bħala isqof għandi rabta speċjali ma’ kull wieħed minhom; din ser tkun LAQGĦA TA’ TALB fis-Santwarju Ta’ Pinu nhar il-Ħamis li ġej, 12 ta’ Jannar.
Ser ikolli wkoll x-xorti li ningħaqad f’laqgħa ta’ talb u tifħir lil Alla mar-Reliġjużi u l-Persuni Kkonsagrati lil Alla. Dawn huma don għażiż ħafna għalina bhala Poplu ta’ Alla għax huma joffru xhieda ta’ esperjenza profonda ta’ Alla. Din il-laqgħa ser issir fil-knisja parrokkjali ta’ Kerċem fis-17 ta’ dan ix-xahar.
Imbagħad, nhar il-Ħadd 29 ta’ Jannar filgħaxija nistedinkom tieħdu sehem fil-FESTA-FAMILJA li ser nagħmlu fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, Victoria. F’din il-festa, li ser tkun imħawra bi spettaklu sabiħ, nixtieq niltaqa’ ma’ għadd kbir ta’ familji Għawdxin li huma l-għożża tal-Knisja. It-tama tiegħi qiegħda fil-familji tal-lum u ta’ għada, u rrid nagħmel ħilti kollha biex it-tama tal-familji tagħna tkun fi Kristu u l-Knisja tiegħu.
Qabel nagħlaq dan il-messaġġ, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn l-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi li qed jgħaddilna wirt sabiħ u qaddis. Lil dan l-isqof, li tassew ħabb lill-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex u bata għaliha, nixtieq li nuruh l-apprezzament tagħna billi ninġabru nhar il-Ħadd li ġej filgħaxija, 15 ta’ Jannar, għall-Quddiesa Pontifikali ta’ Radd il-Ħajr li ser issir fil-Katidral tagħna.
Peress li din l-ittra qed tinqara waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija li qed tagħmlu flimkien, ningħaqad spiritwalment magħkom fil-“qsim tal-ħobż”. Dan huwa mument qaddis li, jekk ngħixuh sewwa, mhux biss jgħinna nikbru fl-għarfien ta’ Kristu imma nkomplu ninbnew f’komunità ekkleżjali.
Iċ-ċelebrazzjonijiet li semmejtilkom u li għalihom nerġa’ nistedinkom ilkoll, jagħmlu sens biss jekk jgħinuna nissaħħu fir-rabta tagħna mal-Mulej Ġesù u bejnietna.
Grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu.
Mogħtija mill-Kurja ta’ l-Isqof, Victoria, Għawdex. Illum, 4 ta’ Jannar 2006.
+ Mario
Isqof għall-qadi tagħkom
Mons Salv Debrincat
Kanċellier