Ċirkulari 444/2005 (18 ta’ Marzu 2005)

Nru. 443/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Alla Missierna tas-smewwiet dejjem u kull fejn inkunu jaħseb fina u bi ħniena bla tarf jmexxina bl-imħabba u bit-tjubija għall-ġid veru tagħna.

Alla huwa bla qies fil-perfezzjonijiet kollha Tiegħuġ hekk ukoll il-ħniena li huwa għandu għalina hija infinita, u hekk setgħana li tista’ tirbaħ kull tfixkil.

Aħna neħtieġu din il-ħniena ta’ Alla, għaliex kbira ħafna l-miżerja tagħna.  Bħala bnedmin aħna dgħajfa u neħtieġu min jitfa ħarsa ta’ ħniena fuqna u jgħinna fid-debolizzi tagħna.  Iżda wisq iktar, bħala midinbin, hija bħal toqol kbir għalina il-miżerja spiritwali tagħna, jiġifieri d-dnubiet li bihom tgħabbejna.  Kien dan il-pis enormi tad-dnubiet ta’ l-umanità, li Kristu ra quddiem għajnejh meta kien fil-ġnien tal-Ġetsemani u ħassu mbeżża u mdejjaq u qal: “Nħossni mnikket għall-mewt”(Mk. 14,33-34).

Imma jekk kbar u bla għadd huma d-dnubiet, hija wisq akbar il-ħniena infinita ta’ Alla, li dehret fi Kristu, u kif hu ħafer id-dnubiet dejjem lest li jaħfer lil min jindem minn ħtijietu.

F’dawn l-aħħar snin, bdiet issir fil-Knisja Kattolika l-festa tal-Ħniena Infinita ta’ Alla, fil-Ħadd ta’ wara l-Għid.  Jixraq li f’dan il-jum, nroddu ħajr lill-Ħniena infinita ta’ Alla, u nagħmlu wkoll proponiment li noffrulu tpattija għall-offiżi li jsirulu bi dnubietna.

Fil-Ħadd 10 t’April 2005 ser jiġi ċċelebrat fil-parroċċa tal-Fontana t-42 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Alla, biex flimkien infaħħruħ u npattulu għad-dagħa li bih ħafna bnedmin joffenduh.  Is-suġġett ser ikun “Tpattija Ewkaristika għad-dnubiet ta’ l-umanità.”

Difatti, permezz tal-Ewkaristija, cioè fil-Quddiesa, aħna nistgħu mhux biss naduraw lil Alla, nroddulu ħajr, nitolbuh l-grazzi għalina u għall-oħrajn, iżda wkoll noffrulu tpattija xierqa għall-ħtijietna.

Nistedinkom, sabiex bħal fis-snin l-imgħoddija issegwu l-programm ta’ dan il-Kungress, u tieħdu sehem ukoll f’għadd sabiħ fil-konklużjoni tiegħu li ssir nhar il-Ħadd 10 t’April 2005 wara nofs in-nhar.

Il-Mulej ikollu ħniena minna u jberikna lkoll.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 18 ta’ Marzu 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex