Ċirkulari 442/2005 (22 ta’ Jannar 2005)

Nru. 442/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-għanijiet li għalihom tiġi ċċelebrata l-Quddiesa, huma l-adorazzjoni, ir-radd il-ħajr, t-tpattija għad-dnubiet, u biex naqilgħu l-grazzi minn għand il-Mulej. Il-Knisja tixtieq li aħna li nieħdu sehem fis-Sagrifċċju Ewkaristiku, ningħaqda ma’ Kristu, is-Saċerdot Ewlieni sabiex flimkien miegħu naduraw lil Alla, nirringrazzjawh ta’ dak kollu li jagħmel magħna, nuru ndiema ta’ dnubietna u npattulu għalihom, nitolbuh dak li neħtiegu għar-ruħ u għall-ġisem. Matul din is-sena dedikata għall-Ewkaristija, jeħtieġ li b’ħeġġa akbar mis-soltu nwettqu dawn id-dmirijiet tagħna lejn Kristu fis-Sagrament ta’ mħabbtu u nirriflettu daqxejn iktar fit-tul dwar l-aspetti kollha tal-misteru Ewkaristiku.

Jixraq ukoll li bħala nsara li nemmnu fl-Ewkaristija, ikollna dawn is-sentimenti sbieħ li semmejna, mhux biss waqt il-Quddiesa, iżda wkoll qabel u wara, kif ukoll li nġedduhom u nesprimuhom ta’ spiss matul ħajjitna, speċjalment fil-ħin ta’ l-adorazzjoni Ewkaristika u fiż-żjariet li nagħmlu lil Ġesù Sagramentat.

Ta’ min ifakkar, li fost l-erba’ fehmiet jew intenzjonijiet li semmejna, hija ta’ ħtieġa speċjali l-espjazzjoni jew it-tpattija għad-dnubiet, peress li waqt li Alla huwa l-istess qdusija, aħna midinbin u midjunin miegħu. Tabilħaqq, id-devozzjoni Ewkaristika ma tistax tkun nieqsa mix-xewqa li noffru riparazzjoni jew tpattija għall-ħtijiet ta’ l-umanità. Jekk inħobbu ‘l Kristu verament, għandna nħossu d-dmir u l-ħtieġa li npattulu għad-dnubiet tagħna nfusna u tal-bnedmin l-oħra. Ġesù nnifsu, meta deher lil Santa Margerita Marija Alacoque, ilmenta mill-offiżi li jsirulu u talabha tirripara għalihom billi titlob għall-midinbin u tishar f’riġlejh, quddiem it-tabernaklu mqaddes. Kemm dagħa u ħalf falz, inġustizzi ta’ kull xorta, dnubiet taż-żina, delitti kontra l-ħajja u sagrileġġi jsiru ta’ kuljum joffendu l-Qalb ħanina tal-Feddej tagħna!

Jekk din it-tpattija hija meħtieġa matul is-sena kollha, wisq u wisq iktar hemm postha fil-ġranet tal-Karnival li għal xi wħud huma ġranet ta tbaħrid bla rażan, ikel u xorb żejjed u ħafna abbużi oħra.

Huwa veru li l-bniedem għandu bżonn il-mistrieħ wara l-ħin tax-xogħol tiegħu u bla dubbju ta’ xejn, id-divertiment onest huwa leċitu u l-insara jistgħu joffruh ukoll lil Alla, u jiksbu mertu tiegħu. Difatti San Pawl jgħidilna: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor., 10,31).

Iżda, mill-banda l-oħra, meta l-bniedem ma jżommx il-qies f’dak li jagħmel ikun jiżbalja, jagħmel ħsara f’ruħu u f’ġismu u joffendi l’Alla.  Għalhekk San Pawl wissiena “Ngħixu kif jixraq, mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbaħrid, mhux bil-ġlied u l-għira.  Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallikom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu” (Rom.13,12).

Ħafna drabi meta jsiru l-abbużi li semmejna, jidħlu wkoll l-iskandlu u l-koperazzjoni fid-dnub ta’ l-oħrajn, u min jagħmel hekk irid jagħti kont l-iktar serju lil Alla. Għadhom jgħoddu wkoll għaż-żminijiet moderni tagħna il-kelmiet ta’ Kristu: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar. Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieg li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt., 18,6-7).  Min huwa fid-dmir li ma jippermettix li jsiru abbużi fil-pubbliku għandu jieħu l-prekawzjonijiet u l-passi kollha meħtieġa, biex dawk jiġu evitati. Nixtieq infakkar ukoll lill-ġenituri, li ma għandhomx iħallu lill-uliedhom jmorru f’dawk il-postijiet fejn ikun hemm il-periklu li jistgħu jiskandalizzaw ruħhom.

Waqt li nistieden lill-insara tad-djoċesi tagħna, sabiex isaħħu fihom id-devozzjoni għall-Ewkaristija, fost l-oħrajn billi jagħmlu t-Tqarbina ta’ riparazzjoni ta’ l-ewwel Ġimgħa u l-ewwl Sibt tax-xahar kif ukoll biex jagħmlu talb u għemil ieħor ta’ tpattija, nixtieq li matul il-jiem tal-Karnival fil-knejjes ikun hemm xi ħin għall-adorazzjoni.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej, u l-assistenza tiegħu fil-mumenti kollha ta’ ħajjitkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 22 ta’ Jannar 2005

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex