Nru. 368
FRAR 2005
Matul din is-sena ta’ l-Ewkaristija, tkun ħaġa xierqa jekk kull kategorija ta’ nies fil-poplu t’Alla, ikollha quddiemha bħal programm żgħir ta’ attivitajiet u ta’ mpenji li permezz tagħhom in-nies ikunu jistgħu jikbru fil-qima u fl-imħabba lejn Kristu, fis-sagrament ta’ mħabbtu. Dan il-programm jista’ jsir per eżempju għall-kategoriji tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-ġenituri, tal-morda, ta’ l-anzjani, imma fuq kollox huwa sewwa li anki l-kategorija tas-saċerdoti jkollha xi linji li tista timxi fuqhom, biex jintlaħaq l-għan li semmejna. |gur li ħafna minn dan li ser insemmi diġa qegħdin tagħmluh, imma dejjem jiswa li wieħed ifakkar u jħeġġeġ biex anki min diġa għandu dawn id-drawwiet sbieħ imsemmija hawn isfel, ikompli jagħmilhom u jitħajjar jagħmilhom b’ħeġġa dejjem ikbar.
1. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, magħmula b’fidi ħajja u b’sentimenti ta’ mħabba u gratitudni lejn Ġesu, Saċerdot u vittma fl-Ewkaristija.
2. Eżattezza fl-osservanza tan-normi liturġiċi dwar il-konċelebrazzjoni, u impenn biex jissaħħaħ l-ispirtu komunitarju fost il-konċelebranti.
3. Attenzjoni biex il-binazzjonijiet isiru meta jkun hemm xi utilità pastorali għalihom u skond id-direttivi li hemm dwarhom.
4. It-tħejjija u r-radd l-ħajr wara l-Quddiesa. Għal dan il-għan nistgħu ninqdew ukoll bir-reċita ta’ parti mill-Brevjar u l-meditazzjoni.
5. Il-Predikazzjoni Ewkaristika. Jixraq li tkun ippreżentata tajjeb u addata għas-semmiegħa; b’attenzjoni għall-eżattezza fit-teoloġija.
6. Fit-tagħlim kateketiku li nagħtu lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-kbar, nagħtu t-tagħlim san u sħiħ li l-Knisja Kattolika tgħallimna dwar l-Ewkaristija.
7. Jekk aħna responsabbli ta’ xi għaqda ta’ l-Appostolat, ninsistu sabiex il-membri jersqu iktar qrib lejn l-Ewkaristija.
8. Fid-direzzjoni spiritwali, li nagħtu lil xi persuni devoti ninkludu wkoll l-aspett tal-qima Ewkaristika.
9. Matul din is-sena, nipprovaw naqraw xi ktieb tat-teoloġija Ewkaristika u napprofondixxu t-tagħlim ta’ spiritwalità Ewkaristika.
10. Iż-żjariet lil Ġesu Sagramentat u nħajjru lill-oħrajn jagħmlu bħalna.
11. Nagħtu importanza lill-adorazzjoni Ewkaristika sewwa privata kif ukoll kommunitarja bħal ma hija dik ta’ kull ġimgħa fil-parroċċa u ta’ darba fix-xahar mas-saċerdoti l-oħra fis-Seminarju.
12. Nieħdu sehem fil-funzjonijiet Ewkaristiċi, msemmija fl-Ittra Apostolika “Mane Nobiscum” n.18: “Din is-sena, ngħixu b’fervur partikolari s-solennità tal-Corpus Domini permezz tal-purċissjoni tradizzjonali. Il-fidi f’Alla, filwaqt li sar bniedem għamel lilu nnifsu seħibna fil-vjaġġ, għandha tiġi pproklamata kullimkien u partikolarment mat-toroq kollha tagħna u fost id-djar tagħna, bħala espressjoni ta’ l-imħabba, ta’ gratitudni u għajn ta’ barkiet li ma jispiċċaw qatt.”
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex