Ċirkulari 440/2004 (29 ta’ Novembru 2004)

Nru. 440/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-innu tat-“Te Deum” l-Knisja tkanta l-glorja t’Alla u tgħidilna: “Lilek ifaħħru l-qtajja tal-martri rebbieħa kollhom bjuda”.  Dawn il-kelmiet insibuhom ukoll fil-ktieb ta’ l-Apokalissiġ “l-ilbies tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf”(7,14), huma l-martri, li msieħba fis-sagrifiċċju tal-Ħaruf Immakulat, ċarċru demmhom biex jistqarru l-fidi tagħhom u mħabbithom lejn Kristu.

Il-martri tal-Knisja insibuhom f’kull żmien sa mill-bidu u anki fi żminijietna. Imma speċjalment fil-persekuzzjonijiet li għaddiet minnhom il-Knisja fl-ewwel tliet sekli, l-għadd tagħhom kien kotran. Waħda minn dawn il-vitmi tal-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kienet Santa Luċija, li s-sena qiegħed jiġi ċċelebrat is-sbatax il-ċentenarju tal-mewt glorjuża tagħha.

Skond it-tradizzjoni antika, S. Luċija kienet ġejja minn familja nobbli twieledt u għexet f’Sirakuża fi Sqallija, u ġiet imrobbija bħala nisranija minn ommha. Luċija marret ma’ ommha li kienet marida sa Katania biex iżuru l-qabar ta’ Sant Agata Verġni u martri u jitolbu flimkien għall-fejqan ta’ l-omm. Sant Agata tat l-fejqan lill-ommha u qalet lil Luċija li hija wkoll kienet ser tirċievi l-martirju. Wara l-fejqan mirakuluż ta’ ommha, Luċija, qalgħet il-permess tagħha biex tistà tagħmel il-wegħda tal-verġinità u tqassam ġidha lill-foqra.  Din id-deċiżjoni mliet bl-għadab lil dak li miegħu kienet ġiet mgħarrsa kontra qalbha u għalhekk dan xlieha lil Konslu Paskasju, li hi kienet nisranija.  Luċija baqgħet sħiħa fid-deċisjoni tagħha u fi twemminha anke meta ġiet imressqa quddiem it-tribunal u pprovaw iġelgħuha  tbiddel fehemitha. Hija ħabbret il-mewt ta’ l-imperatur u l-paċi li kellha tgawdi l-Knisja. Mietet martri meta rasha ġiet maqtugħa b’daqqa ta’ xabla fis-sena 304, wara Kristu. Hija qaddisa popolari ħafna f’diversi pajjiżi ta’ l-Ewropa.

B’interċessjoni tagħha jitolbu l-fejqan dawk li jbatu b’għajnejhom, telf tad-demm u mard epidemiku, u qalgħu ħafna minnhom il-grazzji li xtaqu. S. Girgor il-Kbir jagħti ħjiel dwarha fil-ktieb tiegħu “Id-Djologi”. Diversi qaddisin fosthom S. Tumas d’Aquino kienu devoti tagħha.

S. Luċija Verġni u Martri li qassmet ġidha lill-foqra, ħarset is-safa tagħha mit-theddid, u ma beżgħetx tistqarr il-fidi tagħha sal-martirju hija xempju mill-isbaħ għall-insara ta’ żminijietna speċjalment iż-żgħażagħ.  Dan għaliex forsi qatt fl-imgħoddi daqs kemm illum ma kienu qawwija l-mewġiet ta’ l-immoralità, u ma kienet tinħass il-vjolenza tat-tentazzjonijiet, bħal ma huma r-rebgħa għall-ġid tad-dinja, il-għatx għall-pjaċiri tal-ġisem bla rażan, iċ-ċaħda tal-fidi u tal-valuri tal-Vanġelu.

Is-sena li qegħdin niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-martirju ta’ S. Luċija, nirrikorru għall-patroċinju tagħha sabiex tagħtina d-dawl li neħtieġu ħalli ngħarfu ngħixu kif imiss l-ħajja nisranija u noħorġu rebbieħa fit-taqbidiet spiritwali tagħna.

Alla l-Missier, bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija, Verġni u Martri, jħeġġeġ  f’qalbkom imħabba kbira lejn Ibnu Ġesù.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 29 ta’ Novembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex