Ad Clerum Nru 366 - Diċembru 2004

Nru. 366

DIĊEMBRU 2004

F’dan l-aħħar xahar tas-sena nixtieq nerġgħa nfakkarkom f’ċerti ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mas-Sena Ewkaristika, li bħalissa qegħdin niċċelebraw.

Nittama qabel xejn li tagħmlu kull ma tistgħu biex tippromovu l-inizjativi li jiena semmejt fiċ-ċirkulari tiegħi tal-25 t’Ottubru li għadda: bħal ma huma per eżempju t-tqarbin iktar ta’ spiss, it-tqarbina spiritwali u ż-żjara lil Ġesù Sagramentat. Mhux biżżejjed li wieħed isemmihom darba dawn il-pratiki ta’ pietà iżda jeħtieġ li ssir anki insistenza fuqhom.

Huwa ovju li dawn l-inizjativi, jew għall-inqas ħafna minnhom jgħoddu għalina s-saċerdot ukoll u mhux għal l-insara komuni biss.

Probabbli ħafna, li aktarx ċerti atti ta’ qima lejn l-Ewkaristija ilna nagħmluhom ħafna żmien u ma qegħdniex nistennew is-Sena Ewkaristika biex nibdewhomġ madanakollu din is-sena toffrilna okkażjoni tajba biex ċerti atti bħat-tqarbina tax-xewqa, il-vista u l-adorazzjoni Ewkaristika nagħmluhom b’assidwità u ħeġġa ikbar. Jalla matul din is-sena ta’ grazzja, l-ispiritwalità personali tagħna tissaħħaħ u tagħti sinjali ta’ progress.

Jiena nifhem ukoll li mill-Ewkaristija, li hija l-għajn u l-quċċata ta’ kull apostolat, matul din is-sena nirċievu wkoll enerġija ikbar biex inwettqu bil-qalb u b’impenn, l-ħidmiet pastorali li għandna afdati f’idejna b’hekk kollox jisfa għall-ikbar ġid spiritwali tal-Poplu t’Alla.

Nixtieq nagħmel aċċenn żgħir, għall-ċerti mpenji li hemm afdati lis-saċerdoti kollha tad-djċesi, u nistħajjel li mingħajr ebda eċċezzjoni, per eżempju l-Quddiesa ta’ kuljum, l-omelija tal-ħadd, il-qrar, eċċ.

Is-saċerdot li jiċċelebra l-Quddiesa tiegħu, b’umiltà, bil-fidi u l-ġabra, ikun qiegħed jagħmel l-isbaħ prietka, u l-eżempju tiegħu, iqanqal u jsaħħaħ il-fidi ta’ l-insara fl-Ewkaristija. Ma nixtieqx nerġgħa nirripeti dak li għidt ħafna drabi dwar l-omelija, ngħid biss li biha nistgħu nwasslu messaġġ siewi li bih nistgħu nħeġġu lis-semmiegħa għall-ħajja nisranija iktar profonda, fost l-oħrajn biex jirċievu ta’ spiss u kif jixraq is-sagramenti tal-Qrar u tat-tqarbin. Bħala ministru tas-Sagrament tal-Qrar, imbgħad is-saċerdot jista jfejjaq ħafna pjagi tar-ruħ u jgħin lil l-insara biex jimxu wara Kristu.

Żgur li nistgħu u għandna nittamaw li bil-għajnuna t’Alla niksbu bħala frott tas-Sena Ewkaristika l-qawmien spiritwali tagħna kif jistedinna l-Appostlu Missierna (Rom.13,11): “Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas: għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu”, appell li nissimgħuh anki fil-Liturġija ta’ l-Avvent.

Nixtieqilkom b’qalbi kollha Milied Hieni u Sena Ġdida mfawwra bil-barka u l-paċi ta’ Kristu Feddej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex