Archive for March, 2003

Ċirkulari 421/2003 (18 ta’ Marzu 2003 )

Nru. 421/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar il-Ħadd id-9 ta’ Marzu għalaq għaxar snin it-Tieni Sinodu Djoċesan li kien ġie promulgat b’digriet tiegħi tad-9 ta’ Marzu 1993.

F’dan id-digriet jingħad fost ħwejjeġ oħra li “Jeħtieġ li dan is-Sinodu jitqies bħala tentattiv sinċier biex it-tiġdid mibdi fil-Konċilju Vatikan it-Tieni jiġi applikat għall-ħajja ekkleżjali ta’ din id-Djoċesi.  Għad li nagħrfu l-limiti ta’ din il-ħidma, aħna konvinti illi permezz tas-Sinodu djoċesan, il-ħajja nisranija tal-knisja tagħna tista’ timxi ħafna ‘l quddiem, basta dak li jordna s-Sinodu jiġi osservat minn kulħadd bil-ħeġġa li tixraqlu.”

Fir-realtà s-sinodu huwa mument ċentrali tal-knisja djoċesana biex tistudja u tieħu deċiżjonijiet responsabbli dwar il-ħidma pastorali preżenti u futura ta’ l-istess djoċesi.

Skond il-kanoni 460 tal-Liġi Kanonika s-Sinodu djoċesan “huwa magħmul minn saċerdoti u nsara oħra magħżula biex jagħtu għajnuna lill-Isqof għall-ġid tal-kommunità djoċesana, kollha kemm hi.”

It-Tieni Sinodu Djoċesan ta’ Għawdex barra mis-sezzjoni tad-digrieti sinodali li huma espressjoni tal-liġi ekkleżjastika lokali, kif ukoll is-sezzjoni tar-regolamenti u tad-direttivi, għandu sezzjoni oħra li tiġbor fiha għaxar dokumenti pastorali, li huma bħal gwida għall-ħajja nisranija u għax-xhieda evanġelika, li għandhom jagħtu il-membri tal-Kleru u l-insara lajċi tad-djoċesi tagħna.

Dawn id-dokumenti jirrigwardaw mhux biss il-ħajja tal-familja nisranija u tal-membri tagħha, speċjalment, tfal, adolexxenti u żgħażagħ, iżda wkoll il-vokazzjonijiet u l-formazzjoni tal-Kleru, l-lajċi u l-animazzjoni nisranija tas-soċjetà.

F’dan id-deċennju li qegħdin niċċelebraw jixraq li nitfgħu ħarsa lura u naraw liema kien l-frott ta’ dan it-Tieni Sinodu, cioè l-kontribut li ta għall-progress pastorali u spiritwali tad-djoċesi tagħna.

Biex jista’ jseħħ dan il-għan, għandi ħsieb li qabel tmiem din is-sena nlaqqgħa Kungress Pastotrali Djoċesan is-seba wieħed ta’ din l-għamla, sabiex fih ikun jista’ jinstemgħa l-parir ta’ ħafna nies  u tiġi organizzata aħjar il-ħidma ekkleżjali fid-djoċesi.

Kristu Ragħaj it-Tajjeb iżommkom dejjem fl-imħabba tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  18 ta’ Marzu 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 345 - Marzu 2003

Nru. 345

MARZU 2003

Skond ix-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II kif fisrilna fl-Ittra Apostolika Rosarium Virginis Mariae tas-16 ta’ Ottubru 2002 is-sena li qegħdin fiha sa Ottubru 2003 għandha tiġi ddedikata għar-Rużarju Mqaddes. Il-Papa talab li matul din is-sena jsir talb speċjali għal familja u għall-paċi fid-dinja.

Nixtieq li nagħmel appell lill-membri tal-kleru ta’ Għawdex, sabiex inwettqu mill-aħjar li nistgħu din ix-xewqa tal-Papa u nħeġġu lill-insara afdati f’idejna sabiex jieħdu interess f’din il-Kampanja favur ir-Rużarju Mqaddes, sabiex ilkoll kemm aħna nipparteċipaw fil-ġid spirtiwali li tati bħala frott tagħha.

Huwa l-ħsieb tiegħi, għalhekk, li f’din il-ħarġa ta’ l-Ad Clerum nsemmilkom xi attivitajiet u inizjativi li jistgħu jkunu parti minn din il-kampanja favur ir-Rużarju Mqaddes. Ħafna minnhom diġa semmejthomkom drabijiet oħra. Oħrajn insibuhom irrikmandati fid-Direttorio sulla Pietà Popolare e Liturġia numru 197ss.

1.    Fil-knejjes fejn jingħad ir-Rużarju qabel il-Benedizzjoni Ewkaristika fil-għaxija għandha titkompla din id-drawwa.

2.    Inħajjru l-familji kollha, speċjalment il-ġodda, biex ma jgħaddux mingħajr it-talb ta’ kuljum u b’mod partikolari jkollhom stima lejn ir-Rużarju Mqaddes.

3.    Fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Ottubru, li huma ddedikati lil Verġni Mqaddsa Marija, issir iktar insistenza fuq ir-Rużarju ta’ kuljum.

4.    Id-devozzjoni ta’ l-ewwel sibt tax-xahar, bil-meditazzjoni fuq il-5 misteri tar-Rużarju.

5.    Ir-Rużarju Ħaj, meta jinġabru flimkien 50 tifel u tifla u kull wieħed u kull waħda tgħid “l-Ave” u l-bqija jgħidu “l-Qaddisa.”

6.    It-tberik u t-tqassim tal-kuruni tar-Rużarju lit-tfal u lill-kbar.

7.    Ir-Rużarju li jingħad mat-triq f’pellegrinaġġi li jsiru.

8.    Ir-Rużarju li jista’ jingħad ukoll waqt il-Velja fil-funerali u waqt it-trasport tal-mejjet.

9.    Fl-aħħarnett ninqdew b’din is-sena tar-Rużarju, biex nintroduċu il-Ħames Misteri tad-Dawl kif qalilna l-Papa fl-Ittra li għadna jkemm semmejna.

Ix-xahar ta’ Marzu, kif tafu, huwa ddedikat lil San Ġużepp, nitolbuh jiggwidana hu fil-qima tagħna lejn il-Verġni Mbierka u bit-talb Tiegħu jakkwistalna hu minn għand Alla l-prosperità għall-pajjiżna u l-paċi fid-dinja.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex