Nru. 344
FRAR 2003
Diġa kelli okkażjoni ngħarrafkom li fid-djoċesi tagħna s-sena 2003 hija ddedikata b’mod speċjali għad-djakonija.
Imma huwa fatt magħruf, li ħadd ma jista’ jwettaq għemil ta’ djakonija, jekk ma jkollux iż-żelu għall-apostolat u l-imħabba sinċiera u spiritwali lejn il-proxxmu tiegħu.
Għal din ir-raġuni inħoss li dak li qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu tar-Randan 2003 huwa wisq adattat biex iħeġġiġna għall-ħidmiet ta’ djakonija.
Fost l-oħrajn il-Papa Ġwanni Pawlu II f’dak il-messaġġ (Par. 4) kiteb: “L-imħabba ta’ Alla imsawwba fi qlubna, għandha turina min aħna u tibdel dak kollu li nagħmlu. L-Insara ma għandhomx jaħsbu li huma jistgħu jaqbdu u jfittxu it-tajjeb veru ta’ ħuthom, irġiel u nisa, bla ma jilbsu fuqhom l-imħabba ta’ Kristu. Anke f’dawk il-każijiet fejn huma jistgħu jirnexxielhom itejjbu l-aspetti soċjali u politiċi tal-ħajja, tajjeb li jkunu jafu li mingħajr l-imħabba, kull bidla ma jistax ikun li jkollha ħajja twila. Il-possibilità li wieħed jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn, fiha nfisha hija don li jiġi mill-grazzja ta’ Alla. Bħalma jgħid San Pawl: “Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu”(Fil.2,13).”
Fil-parroċċi u fid-djoċesi kollha kemm hi jeżistu diversi realtajiet ekkleżjali li ftit jew wisq jaħdmu u jagħtu l-kontribut tagħhom fil-kamp tad-djakonija u ta’ l-opri karitativi. Fost dawn ta’ min isemmi l-“Caritas Parrokkjali”, xi istituti reliġjużI, maskili u femminili, u gruppi ta’ volontarjat.
Is-saċerdot ma għandux jinjora dawn in-nies ta’ rieda tajba, u l-anqas jibqa’ indifferenti quddiem il-ħeġġa u l-attivitajiet tagħhom. Huwa dmir tiegħu, li jagħtihom appoġġ, l-ewwelnett bil-kelma tiegħu, bil-mezzi li joffrilhom u bis-servizz li jagħtihom jekk ikun mitlub minnhom li jagħmel dan.
Xi għamliet konkreti ta’ djakonija u ta’ karità li forsi jkun jista’ jwettaq is-saċerdot, huma xi waħda jew iżjed minn dawn li ġejjinĠ
• Il-parroċċa jeħtieġ li tkun taf bil-bżonnijiet tal-foqra u l-kleru għandu jkun jaf iżjed minn ħaddieħor.
• It-tbatija ta’ xi ftit minn nies għandha tkun il-problema ta’ kulħadd.
• Meta jkun jaqbel skond il-prudenza, tista’ wkoll fit-talba tal-fidili, ssir invokazzjoni għal xi ħadd li jeħtieġ it-talb.
• Ma nistgħux nittraskuraw il-morda u l-anzjani tal-parroċċa, anke dawk li ma jistgħux joħorġu barra minn darhom u forsi jkunu jeħtieġu s-servizzi tagħna għall-qrar u t-tqarbin.
• Xi drabi forsi jkun hemm xi każi li għandhom jiġu riferuti għall-uffiċċju tal-Karitas Djoċesana fil-Kurja.
• Minn żmien għall-żmien ikun utli li nfakkru lill-parroċċani biex jgħinu finanzjarjament xi vittmi ta’ l-emerġenzi, li jkun hemm fuq bażi internazzjonali, bħalma huma r-refuġjati.
Kif naqraw fl-istruzzjoni tal-Kongregazzjoni tal-Kleru tal-4 t’Awissu 2002 (n.16): “Il-funzjoni ministerjali tas-servizz lill-komunità, li huwa bbażat fuq ix-xebħ ma’ Kristu, teżiġi li huma jkunu jafu ir-rwol speċifiku tal-lajċi u jirrispettawhom u jinkoraġġuhom b’kull mezz possibbli biex jieħdu r-responsabiltajiet propji tagħhom. Il-qassis huwa għas-servizz tal-komunità imma huwa wkoll mwieżen mill-komunità tiegħu
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex