Archive for the '2004' Category

Ċirkulari 432/2004 (15 ta’ Marzu 2004)

Nru. 432/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-insara, sa minn żminijiet bikrin, kellhom id-drawwa li jagħmlu vjaġġ twil u perikoluż biex imorru fl-Art Imqaddsa ħalli jżuru l-postijiet li Kristu qaddes bil-preżenza tiegħu matul ħajtu, fil-passjoni u f’mewtu.  Dan il-vjaġġ kien isir bi tbatija u b’sagrifiċċju kbir u kienu jsejjħulu “pellegrinaġġ.”

Peress li huma ftit ħafna n-nies li setgħu jħallu pajjiżhom, u jsiefru biex iżuru l-Art Imqaddsa, l-Knisja ħasbet sabiex uliedha jkunu jistgħu jiksbu l-barkiet u l-ġid spiritwali, li jinkiseb mill-pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa, biex iżuru il-qabar ta’ Kristu, billi waqt li jibqgħu f’arthom, jagħmlu d-devozzjoni tal-Via Crucis.

Il-patrijiet Franġiskani, li kienu jieħdu ħsieb il-postijiet imqaddsa fil-Palestina u kienu jafu b’liema qima l-insara kienu jżuruhom, kienu minn ta’ quddiem li jxerrdu d-devozzjoni tal-Via Crucis, fil-knejjes li kienu jiddependu minnhom fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa.  Id-devozzjoni ta’ l-istazzjonijiet tal-Passjoni tal-Mulej, saret hekk popolari, li wara ċertu żmien ġiet approvata għall-Knisja kollha u mżejjna b’kotra ta’ indulġenzi.

Għal ħafna żmien kienet popolari ħafna it-talba tal-Via Crucis, komposta minn San Leonardo ta’ Porto Maurizio li ġiet tradotta f’diversi lingwi.

Barra mill-istazzjonijiet tal-Via Crucis fil-knejjes bdew jiġu mwaqqfa wkoll stazzjonijiet għall-apert, speċjalment ħdejn xi Santwarji jew fuq xi għolja.

Biex wieħed jagħmel il-Via Sagra  kif , jeħtieġ li jimxi minn stazzjon għall-ieħor u jimmedita fuq it-tbatija , il-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù`. Meta jkun hemm kotra ta’ nies jagħmlu l-Via Sagra flimkien, biżżejjed li xi ħadd minnhom iġorr is-salib u hu waħdu jimxi minn stazzjon għall-ieħor u l-oħrajn jibqgħu f’posthom u jgħidu flimkien it-talb u jimmeditaw.

Nirrikmanda b’qalbi kollha li speċjalment fir-Randan imqaddes tibqa’ dejjem ħajja b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, il-prattika tal-Via Sagra, li hija espressjoni tad-devozzjoni u l-qima lejn il-Passjoni u l-mewt glorjuża ta’ Kristu Sidna.

Il-Mulej Ġesù li tant ħabbna li ta ħajtu għalina fuq is-salib jagħtikom is-sliem u l-barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   15 ta’ Marzu 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 431/2004 (2 ta’ Marzu 2004)

Nru. 431/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-sena qed jiġi ċċelebrat-il erbatax ċentenarju mill-mewt ta’ San Girgor il-Kbir Papa li miet nhar  it-12 ta’ Marzu 604.  Huwa twieled Ruma lejn is-sena 540 minn familja għanja iżda tabilħaqq nisranija.  Fi tfulitu kellu edukazzjoni mill-aqwa kemm fi ħdan il-familja kif ukoll fl-iskejjel ta’ dak iż-żmien.

Wara li temm l-istudji tieghu fil-letteratura u fil-liġi, intgħażel prefett ta’ Ruma, l-ogħla uffiċċju f’dik il-belt, meta kellu tnejn u tletin sena.  Barra milli kien sinjur, minħabba l-ġid li wiret minn għand missieru, kien ukoll bniedem rispettat u ta’ awtorità.

Il-gost tiegħu, iżda, kien dak li jaqra l-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa u jimmedita fuqhom għax kien ruħ ġeneruża li tfittex lil Alla. Biex ikun jista’ jaqdih aħjar, wara li ħaseb fit-tul fuq il-kunsilli Evanġeliċi, Girgor iddeċieda li jbiegħ dak li kien jippossiedi u jiċħad dak kollu li hu tad-dinja, saħansitra l-karriera politika li kien qabad. Ħalla d-dinja u daħal patri benedittin fil-monasteru ta’ Sant’Andrea lejn is-sena 574 – monasteru li waqqaf hu stess fir-residenza tal-familja fuq Monte Celio.

Qassam ġidu kollu u fl-oqsma li kellu fi Sqallija bena sitt monasteri. L-awsterità tal-penitenzi tiegħu kienet hekk ħarxa li għamel ħsara lill-saħħtu u qiegħed lil ħajtu fil-periklu. Is-snin li għadda fil-monasteru ta’ Sant’ Andrija, kif jistqarr huwa stess, kienu l-iktar ħienja ta’ ħajtu – ħajja mehdija fil-penitenza, f’talb kontinwu, u f’għemejjel ta’ karità lejn il-proxxmu. Għad li l-ħajja ta’ San Girgor dment li kien jgħix fil-monasteru kienet waħda moħbija, iżda ħafna ntebħu bit-talenti tiegħu u bi qdusitu.

Is-servizz tiegħu lill-Knisja

Il-Papa Beneditt I (575-579), għażlu bħala konsultur tiegħu u wieħed mis-seba’ djakni ta’ Ruma biex jgħin fil-Liturġija u jieħu ħsieb il-foqra tal-belt ta’ Ruma. Il-Papa Pelaġju II (579-590) bagħtu bħala apokrisarju jew rappreżentant pontifiċju fil-qorti ta’ l-Imperatur Roman f’Kostantinopli fejn  dam sitt snin. F’din il-belt kellu miegħu xi patrijiet li magħhom kien jitlob u jistudja.  Hemmek ukoll kiteb il-ktieb magħruf tal-Moralia li hu komentarju fuq il-ktieb ta’ Ġobb.

Meta fis-sena 586 Gregorju rritorna minn Kostantinopoli għall-monasteru ta’ Ruma, huwa ġie magħżul Abbati tiegħu. F’Ruma, San Girgor sar il-konsulent u segretarju tal-Papa Pelagju II (579-590) u meta dan miet fis-7 ta’ Frar 590, kien magħżul minfloku b’vot unanimu.

Għamel kull ma seta’ biex jeħles mid-dinjità ta’ Papa, sahansitra kiteb lill-Imperatur Mawrizju sabiex ma jikkonfermax, iżda fl-aħħar, San Girgor aċċetta kontra qalbu din ir-responsabiltà. Din kienet ix-xewqa unanima tal-kleru, kif ukoll tas-Senat u tal-poplu ta’ Ruma.  Huwa ġie ikkonsagrat isqof fit-3 ta’ Settembru 590.

Dak iż-żmien Ruma kien hemm il-pesta li qerdet ħafna ħajjiet. San Girgor ta’ kull għajnuna li seta’ lill-morda u ordna li ssir purċissjoni ta’ penitenza.  Fi tmiemha, skond it-tradizzjoni, fuq il-quċċata tal-Kastell magħruf ta’ Sant’Anġlu, deher Arkanġlu idaħħal ix-xabla fil-għant tagħha – sinjal mis-sema ta’ tmiem il-pesta.

San Girgor baqa’ jgħix l-ħajja sempliċi ta’ patri anki bħala Papa - ħajja ta’ umiltà u ta’ faqar, ta’ talb u ta’ penitenza. Kien ta’ saħħa dgħajfa u kien isofri kontinwament minħabba l-mard tiegħu, barra milli kien imfixkel mhux ftit bis-sitwazzjoni politika mwegħra ta’ żmienu. Kompla bl-ikbar eżatezza d-dmirijiet tiegħu bħala Ragħaj tal-Knisja Universali. Kien l-ewwel wieħed li ħa għalih it-titlu ta’ Servus Servorum Dei, - “qaddej tal-qaddejja t’Alla.”

It-talb u l-penitenza tiegħu wassluh għal grad għoli ta’ qdusija, u fost il-virtujiet l-oħra spikkaw fih  tlieta: rectitudo, discretio, u blandimentum cioè, rettitudni, diskrezzjoni jew prudenza, u ħlewwa jew imġieba tajba ma’ kulħadd.

Il-Papa Girgor miet fit-12 ta’ Marzu tas-sena 604 u ndifen fil-portiku tal-Bażilika ta’ San Pietru. Ħalla warajħ kitbiet u opri sbieħ li huma xhieda ta’ għerf u ta’ qdusija. Beda jissejjaħ il-Kbir minħabba s-siwi tal-pontifikat tiegħu.

Matul l-14-il sena tal-pontifikat wettaq ħidma pastorali, amministrattiva u ta’ direzzjoni spiritwali. Kien riformatur tal-Kleru, fundatur tal-monasteri, u nnovatur fil-kamp liturġiku, teologu, kanonista, u mistiku. L-azzjoni tiegħu bħala Papa kellha nfluwenza kbira kemm fuq it-tagħlim tal-Knisja kif ukoll fuq id-dixxiplina, l-organizzazzjoni, u l-ħajja liturġika tagħha.

Kif nistgħu nimitawħ

Għad li għaddew 1400 sena minn mewtu, l-insara ta’ llum għandhom ħafna x’jitgħallmu mid-Duttur tal-Knisja San Girgor il-Kbir.

Jeħtieġ li bħalu nkunu bnedmin li nfittxu lil Alla, ħerqana li nsiru nafuh dejjem aħjar, li nikbru fl-imħabba lejh, imħabba lesta għas-sagrifiċċji u għas-servizz tiegħu.

Jgħallimna wkoll San Girgor, imħabba u rispett lejn il-Kotba Mqaddsa, li naqrawhom u nimeditawhom ta’ spiss biex fihom insibu l-manna li tgħajjex lir-ruħ, “għax mhux bil-ħobż biss jghix il-bniedem, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”

Jekk iridu nimitaw lil San Girgor hemm bżonn, li nikbru u nissaħħu fil-virtujiet evanġeliċi ta’ l-umiltà, tas-sempliċità, tal-faqar, u ma nħallux qalbna tintrabat mal-ġid ta’ din id-dinja.

Virtu` oħra li tispikka f’San Girgor, u li jeħtieġ li l-anqas ma tkun nieqsa fina, hija l-ġenerosità li biha kien dejjem attent sabiex jgħin lill-bnedmin fil-ħtiġijiet tagħhom tar-ruħ u tal-ġisem.

Ma nistgħux inħallu barra l-appostolat tiegħu kollu ħerqa, għax f’dan ukoll nistgħu nimitawh għall-inqas mill-bogħod.  Nafu li fi żminijietna, l-appostolat mhux xi ħidma reservata biss għall-Papa, għall-isqfijiet, u għall-kleru, iżda anki l-lajċi nsara għandhom dan l-impenn fl-ambjent fejn ikunu.  Huma wkoll, bit-talb, bis-sagrifiċċju u bl-azzjoni tagħhom jistgħu jagħtu sehemhom għat-tixrid tas-Saltna ta’ Kristu.

Bl-interċessjoni ta’ San Girgor il-Kbir Papa, il-Mulej isawwab fuqkom bil-kotra l-barkiet tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   2 ta’ Marzu 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 430/2004 (11 ta’ Frar 2004)

Nru. 430/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fil-jiem tal-Karnival, sa minn żmien ilu, jsiru attivitajiet li joħolqu briju u allegrija għall-pubbliku.  Ma hemm xejn ħażin li jsir hekk dment li ma jkunx hemm eżaġerazzjonijiet u kollox jibqa’ fil-limiti ta’ dak li jixraq.  Il-bniedem, kif għandu l-jedd għax-xogħol, għandu wkoll il-jedd għall-mistrieħ u għad-divertiment onest.  Iżda qatt, mkien u ħadd ma’ għandu l-jedd joffendi lil Alla u jagħti skandli lill-proxxmu.

Barra minn hekk in-nisrani, għandu jqaddes kull mument ta’ l-eżistenza tiegħu, u għalhekk jipprova jqaddes wkoll il-ferħ u l-passatemp tiegħu waqt li jrodd ħajr lil Alla għal waqtiet ta’ ferħ li jikkonċedilu.  Infatti San Pawl jgħidilna li: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor.10,31).

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex għal darb’oħra nwiddeb kontra l-abbuż tad-drogi u nirrikmanda l-kontroll fuq ix-xorb alkoħoliku kif ukoll il-prudenza fis-sewqan biex jiġu evitati r-riskji għall-ħajja u s-saħħa tas-sewwieqa u ta’ persuni oħra.

Fl-aħħarnett infakkar li fil-knejjes, fil-jiem tal-Karnival, hemm id-drawwa illi jsiru xi ħinijiet ta’ adorazzjoni Ewkaristika.  L-Insara huma mistiednin li jieħdu sehem f’dan l-att ta’ qima lill-Feddej tagħna Ġesù Kristu.

Il-Mulej Ġesù jimlilkom qalbkom bil-ferħ spiritwali u l-paċi tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 11 ta’ Frar 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex