- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 431/2004 (2 ta’ Marzu 2004)

Posted By admin On March 2, 2004 @ 8:45 am In 2004 | Comments Disabled

Nru. 431/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-sena qed jiġi ċċelebrat-il erbatax ċentenarju mill-mewt ta’ San Girgor il-Kbir Papa li miet nhar  it-12 ta’ Marzu 604.  Huwa twieled Ruma lejn is-sena 540 minn familja għanja iżda tabilħaqq nisranija.  Fi tfulitu kellu edukazzjoni mill-aqwa kemm fi ħdan il-familja kif ukoll fl-iskejjel ta’ dak iż-żmien.

Wara li temm l-istudji tieghu fil-letteratura u fil-liġi, intgħażel prefett ta’ Ruma, l-ogħla uffiċċju f’dik il-belt, meta kellu tnejn u tletin sena.  Barra milli kien sinjur, minħabba l-ġid li wiret minn għand missieru, kien ukoll bniedem rispettat u ta’ awtorità.

Il-gost tiegħu, iżda, kien dak li jaqra l-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa u jimmedita fuqhom għax kien ruħ ġeneruża li tfittex lil Alla. Biex ikun jista’ jaqdih aħjar, wara li ħaseb fit-tul fuq il-kunsilli Evanġeliċi, Girgor iddeċieda li jbiegħ dak li kien jippossiedi u jiċħad dak kollu li hu tad-dinja, saħansitra l-karriera politika li kien qabad. Ħalla d-dinja u daħal patri benedittin fil-monasteru ta’ Sant’Andrea lejn is-sena 574 – monasteru li waqqaf hu stess fir-residenza tal-familja fuq Monte Celio.

Qassam ġidu kollu u fl-oqsma li kellu fi Sqallija bena sitt monasteri. L-awsterità tal-penitenzi tiegħu kienet hekk ħarxa li għamel ħsara lill-saħħtu u qiegħed lil ħajtu fil-periklu. Is-snin li għadda fil-monasteru ta’ Sant’ Andrija, kif jistqarr huwa stess, kienu l-iktar ħienja ta’ ħajtu – ħajja mehdija fil-penitenza, f’talb kontinwu, u f’għemejjel ta’ karità lejn il-proxxmu. Għad li l-ħajja ta’ San Girgor dment li kien jgħix fil-monasteru kienet waħda moħbija, iżda ħafna ntebħu bit-talenti tiegħu u bi qdusitu.

Is-servizz tiegħu lill-Knisja

Il-Papa Beneditt I (575-579), għażlu bħala konsultur tiegħu u wieħed mis-seba’ djakni ta’ Ruma biex jgħin fil-Liturġija u jieħu ħsieb il-foqra tal-belt ta’ Ruma. Il-Papa Pelaġju II (579-590) bagħtu bħala apokrisarju jew rappreżentant pontifiċju fil-qorti ta’ l-Imperatur Roman f’Kostantinopli fejn  dam sitt snin. F’din il-belt kellu miegħu xi patrijiet li magħhom kien jitlob u jistudja.  Hemmek ukoll kiteb il-ktieb magħruf tal-Moralia li hu komentarju fuq il-ktieb ta’ Ġobb.

Meta fis-sena 586 Gregorju rritorna minn Kostantinopoli għall-monasteru ta’ Ruma, huwa ġie magħżul Abbati tiegħu. F’Ruma, San Girgor sar il-konsulent u segretarju tal-Papa Pelagju II (579-590) u meta dan miet fis-7 ta’ Frar 590, kien magħżul minfloku b’vot unanimu.

Għamel kull ma seta’ biex jeħles mid-dinjità ta’ Papa, sahansitra kiteb lill-Imperatur Mawrizju sabiex ma jikkonfermax, iżda fl-aħħar, San Girgor aċċetta kontra qalbu din ir-responsabiltà. Din kienet ix-xewqa unanima tal-kleru, kif ukoll tas-Senat u tal-poplu ta’ Ruma.  Huwa ġie ikkonsagrat isqof fit-3 ta’ Settembru 590.

Dak iż-żmien Ruma kien hemm il-pesta li qerdet ħafna ħajjiet. San Girgor ta’ kull għajnuna li seta’ lill-morda u ordna li ssir purċissjoni ta’ penitenza.  Fi tmiemha, skond it-tradizzjoni, fuq il-quċċata tal-Kastell magħruf ta’ Sant’Anġlu, deher Arkanġlu idaħħal ix-xabla fil-għant tagħha – sinjal mis-sema ta’ tmiem il-pesta.

San Girgor baqa’ jgħix l-ħajja sempliċi ta’ patri anki bħala Papa - ħajja ta’ umiltà u ta’ faqar, ta’ talb u ta’ penitenza. Kien ta’ saħħa dgħajfa u kien isofri kontinwament minħabba l-mard tiegħu, barra milli kien imfixkel mhux ftit bis-sitwazzjoni politika mwegħra ta’ żmienu. Kompla bl-ikbar eżatezza d-dmirijiet tiegħu bħala Ragħaj tal-Knisja Universali. Kien l-ewwel wieħed li ħa għalih it-titlu ta’ Servus Servorum Dei, - “qaddej tal-qaddejja t’Alla.”

It-talb u l-penitenza tiegħu wassluh għal grad għoli ta’ qdusija, u fost il-virtujiet l-oħra spikkaw fih  tlieta: rectitudo, discretio, u blandimentum cioè, rettitudni, diskrezzjoni jew prudenza, u ħlewwa jew imġieba tajba ma’ kulħadd.

Il-Papa Girgor miet fit-12 ta’ Marzu tas-sena 604 u ndifen fil-portiku tal-Bażilika ta’ San Pietru. Ħalla warajħ kitbiet u opri sbieħ li huma xhieda ta’ għerf u ta’ qdusija. Beda jissejjaħ il-Kbir minħabba s-siwi tal-pontifikat tiegħu.

Matul l-14-il sena tal-pontifikat wettaq ħidma pastorali, amministrattiva u ta’ direzzjoni spiritwali. Kien riformatur tal-Kleru, fundatur tal-monasteri, u nnovatur fil-kamp liturġiku, teologu, kanonista, u mistiku. L-azzjoni tiegħu bħala Papa kellha nfluwenza kbira kemm fuq it-tagħlim tal-Knisja kif ukoll fuq id-dixxiplina, l-organizzazzjoni, u l-ħajja liturġika tagħha.

Kif nistgħu nimitawħ

Għad li għaddew 1400 sena minn mewtu, l-insara ta’ llum għandhom ħafna x’jitgħallmu mid-Duttur tal-Knisja San Girgor il-Kbir.

Jeħtieġ li bħalu nkunu bnedmin li nfittxu lil Alla, ħerqana li nsiru nafuh dejjem aħjar, li nikbru fl-imħabba lejh, imħabba lesta għas-sagrifiċċji u għas-servizz tiegħu.

Jgħallimna wkoll San Girgor, imħabba u rispett lejn il-Kotba Mqaddsa, li naqrawhom u nimeditawhom ta’ spiss biex fihom insibu l-manna li tgħajjex lir-ruħ, “għax mhux bil-ħobż biss jghix il-bniedem, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”

Jekk iridu nimitaw lil San Girgor hemm bżonn, li nikbru u nissaħħu fil-virtujiet evanġeliċi ta’ l-umiltà, tas-sempliċità, tal-faqar, u ma nħallux qalbna tintrabat mal-ġid ta’ din id-dinja.

Virtu` oħra li tispikka f’San Girgor, u li jeħtieġ li l-anqas ma tkun nieqsa fina, hija l-ġenerosità li biha kien dejjem attent sabiex jgħin lill-bnedmin fil-ħtiġijiet tagħhom tar-ruħ u tal-ġisem.

Ma nistgħux inħallu barra l-appostolat tiegħu kollu ħerqa, għax f’dan ukoll nistgħu nimitawh għall-inqas mill-bogħod.  Nafu li fi żminijietna, l-appostolat mhux xi ħidma reservata biss għall-Papa, għall-isqfijiet, u għall-kleru, iżda anki l-lajċi nsara għandhom dan l-impenn fl-ambjent fejn ikunu.  Huma wkoll, bit-talb, bis-sagrifiċċju u bl-azzjoni tagħhom jistgħu jagħtu sehemhom għat-tixrid tas-Saltna ta’ Kristu.

Bl-interċessjoni ta’ San Girgor il-Kbir Papa, il-Mulej isawwab fuqkom bil-kotra l-barkiet tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   2 ta’ Marzu 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2004/03/02/cirkulari-4312004-2-ta%e2%80%99-marzu-2004/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.