Talba bi tħejjija għall-għażla tal-Isqof il-ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex

TALBA GĦALL-ISQOFgood-shepherd.jpg

O Alla ta’ kobor u ħniena bla tarf,
li f’Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb,
tajtna xbieha ħajja tal-imħabba tiegħek għalina,
tkun imbierek fl-isqfijiet kollha
li sejjaħt biex imexxu din il-Knisja.

Isma’ t-talba tagħna
għar-Ragħaj il-ġdid li l-ħniena infinita tiegħek se toffrilna:
itfa’ fuqu l-Ispirtu Qaddis tiegħek
biex jista’ jħobb u jmexxi l-Knisja f’Għawdex
skont il-qalb tiegħek ta’ Missier
u jagħraf jisma’ u jifhem ix-xewqat u l-ħtiġijiet
tal-ulied tiegħu kollha.

Agħtih ħlewwa, determinazzjoni u xewqa mħeġġa
li joffri kuljum il-ħajja tiegħu
għall-ġid tal-merħla fdata lilu.
Agħmel li jkun qaddis fl-intenzjonijiet u fl-opri,
bla ma jieqaf mit-talb,
u għaref fid-dixxerniment.

Għin lis-saċerdoti, id-djakni, l-ikkonsagrati
u l-Insara fidili kollha fil-vokazzjoni speċifika tagħhom,
biex jagħrfu fih lil Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb
u jobdu bil-ferħ u b’fiduċja sħiħa
l-kliem u l-linji pastorali li int trid tnebbħu bihom.

Dan nitolbuhulek għall-interċessjoni tal-Omm tagħna l-Madonna Ta’ Pinu,
tal-qaddisin Patruni tad-Djoċesi ta’ Għawdex,
u għall-merti ta’ Ġesù Kristu, Ibnek u l-Mulej tagħna.

Ammen.