“Nintelqu f’dirgħajn Ommna Marija” - Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech

our-lady.jpg

 

68/2019

Ittra Pastorali

tal-E.T. Mons. Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

NINTELQU F’DIRGĦAJN OMMNA MARIJA

Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum l-Omm, nixtieq insellem lill-ommijiet kollha. Ma nsibx kliem biex infisser min hi l-omm! Imma biżżejjed nistaqsu lil min tilef lil ommu jgħidilna xi jħoss xħin isejħilha u jibqa’ bla tweġiba! Il-missier għandu r-rwol tiegħu fil-ħajja tal-ulied, imma l-preżenza tal-omm tisboq kollox u lil kulħadd.Għandna djun kbar lejn ommijietna. Hija l-omm li meta nitnisslu tilqa’ ħajja ġdida fi ħdanha, u minn dak il-waqt ħajjitha ssir stennija kontinwa: l-ewwel tistenna li tarana nitwieldu, imbagħad tibqa’ dejjem wara l-bieb tad-dar tistenniena ninġabru. Min jaf kemm hawn ommijiet li jgħaddu ljieli sħaħ imħassbin u anzjużi jistennew lil uliedhom jidħlu d-dar! Ma rridu nagħmlu xejn biex nirbħu mħabbtiha, għax l-omm tħobb lil uliedha bi mħabba tal-ġenn. Hija ma tħobbx lil uliedha għax huma bravi, sbieħ jew kapaċi, imma tħobbhom għax huma sempliċement uliedha. L-omm ma titgħaxxaqx b’uliedha għax huma għandhom xi ħaġa li tagħmilhom persuni ideali, imma tħobbhom għax huma tagħha. Proprju għax huma tagħha hija tħobbhom, anki jekk mhumiex perfetti fiżikament, mentalment, moralment u spiritwalment!

Għall-ulied, il-wiċċ ta’ ommhom huwa d-dinja: f’wiċċha hemm kollox. Fil-ħarsa tal-omm l-ulied jistgħu jaqraw xi jkun għaddej madwarhom; anzi, wiċċha huwa mera fejn l-ulied jistgħu jaraw wiċċhom mingħajr irtokk!

Kemm huwa minnu li “d-dirgħajn tal-omm huma l-ewwel wiċċ tal-omm”!  Għaliex huma l-idejn materni li jħaddnuna, imellsuna, iħarsuna, idewwuna, jinfaxxawna, jgħinuna nqumu fuq riġlejna, jixxuttawlna d-dmugħ, u bosta ħwejjeġ oħra. Huma dawn l-idejn li bihom l-omm tlibbes lil uliedha u tgħattihom meta jinkixfu. Fi kliem ieħor, huma l-idejn kollha tenerezza tal-omm li ħafna drabi jżommuna milli naqgħu f’xi fondoq! Kull meta tinqala’ l-ħtieġa, l-omm hija l-ewwel waħda li toffri s-sokkors tagħha.

Meta l-omm hija preżenti, aħna m’aħniex orfni. Kif jgħid il-Papa Franġisku, il-preżenza tal-omm hija mediċina kontra t-tendenzi individwalistiċi u egoistiċi tagħna li jagħlquna fina nfusna. Soċjetà fejn l-ommijiet huma assenti titlef qalbha u ssir soċjetà kiesħa; meta tirfes fuq id-don tal-maternità, is-soċjetà ssir kattiva, fejn il-kalkoli u l-ispekulazzjoni jieħdu post l-akkoljenza tal-ħajja, l-imħabba, il-ħniena u l-mogħdrija.  L-omm hija dik li taf tixgħel il-fjamma tat-tama fil-qalb kollha dlamijiet; l-omm hija l-futur tas-soċjetà.

Fih tassew x’nixtarru l-kumment ta’ teologu lajk Ortodoss dwar is-soċjetà li ma tapprezzax il-maternità: “Is-soċjetà moderna, li hija profondament maskili, fejn il-kariżma tal-mara ma għandha ebda importanza, hija soċjetà mingħajr Alla, għaliex mingħajr omm Alla ma jistax jitwieled fiha”.

Jekk dan kollu u aktar jgħodd għall-ommijiet tagħna, nistgħu napplikawh ukoll għall-Omm tagħna tas-Sema, Marija ta’ Nazaret. Minn dakinhar li fuq il-Kalvarju Ġesù fdalha lid-dixxiplu l-maħbub, Marija saret Omm il-bnedmin kollha. Marija hija l-Omm li dejjem tistenna lil uliedha biex turihom lil Ġesù u tqabbadhom it-triq warajh. Ma rridu nagħmlu xejn biex nirbħu mħabbitha għax hija tħobbna lkoll, mhux għax aħna perfetti imma għax aħna wliedha. Marija għandha mħabba għal kulħadd, imma mbagħad qalbha tinħall lejn dawk li huma spiritwalment għajjenin jew imxellfin. Dirgħajha huma dawk li joffrulna t-tgħanniqa kollha żegħil, u fil-mumenti tar-reżħa ssaħħanna. Kif b’dirgħajha hija għenet lil Kristu jerfa’ s-salib, illum ukoll hija tmidd idejha biex tgħinna nerfgħu s-slaleb tqal tal-ħajja. Jekk, kif stqarr il-Papa Franġisku, il-Knisja hija bħal “sptar fil-kamp tal-battalja”, Marija hija dik l-infermiera li ma tehdiex tieqaf mas-sodda ta’ kull min huwa ferut moralment u spiritwalment. F’wiċċha naraw ir-rifless ta’ kif għandu jkun wiċċna: wiċċ seren u kalm, rifless tal-ħajja interjuri.

Nixtieq ħafna li f’din is-Sena Marjana lkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza tal-imħabba materna ta’ Marija, Omm Ġesù. Għax aktar ma nkunu ċerti li Marija hija Ommna, allura aktar inbiegħdu minna l-mument li nkunu “spiritwalment orfni”. Fil-fatt, fil-ħajja jaf ikun hemm mumenti meta l-bniedem jgħaddi minn kriżi spiritwali: meta jħoss li Alla ma jibqagħlu ebda togħma bnina; meta jitlef kull interess f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla; meta jittraskura s-sagramenti għax ma jibqa’ jara fihom ebda tifsira; meta t-talb ma jibqa’ jagħtih ebda gost; u sfidi spiritwali oħra. Dik is-soċjetà u dik il-Knisja li huma spiritwalment orfni jinsabu resqin lejn il-qabar, kemm għax il-baħħ ta’ Alla huwa tqil wisq, kemm għaliex jeżisti r-riskju li, meta jonqsu l-ġenituri, l-aħwa ma jibqgħux aħwa u l-għaqda u l-armonija tal-komunità ekkleżjali jisfaxxaw.

Bl-għan li l-Knisja fuq din il-gżira Marjana tibqa’ taħt il-ħarsien ta’ Marija Ommna, u fl-istess waqt biex fuq l-eżempju ta’ Marija tkompli tinbena bħala Knisja-Omm li twennes spiritwalment u materjalment lill-bniedem tal-lum, nagħmel sejħa biex f’rabta ma’ Għid il-Ħamsin li ġej il-komunità ekkleżjali tinġabar fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu u flimkien nagħmlu l-Att ta’ Affidament tad-Djoċesi lill-Madonna. Hekk nintelqu f’idejha ħalli twassalna għand Ġesù. Kien Ġesù nnifsu li fil-persuna ta’ San Ġwann fdana lil Marija Ommna. Kif jgħid San Lwiġi Marija Grignion de Montfort, “id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija hija meħtieġa biss biex il-bniedem isib perfettament lil Ġesù Kristu, iħobbu b’qalbu kollha u jaqdih bil-fedeltà”.  Kif dakinhar fiċ-Ċenaklu l-Ispirtu s-Santu kkonferma l-maternità ta’ Marija li kienet miġbura flimkien mal-Appostli u n-nisa “lkoll qalb waħda jitolbu flimkien” (Atti 1:14), hekk nhar Għid il-Ħamsin li ġej insejħu lill-Ispirtu s-Santu biex iżommna magħqudin ma’ Marija Ommna. Kif fl-ewwel żminijiet l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-Appostli biex iwessgħu dirgħajn il-Knisja-Omm bl-għażla tas-seba’ djakni biex jieħdu ħsieb ir-romol (Atti 6), ħa nsejħulu biex idawwal lill-Knisja tagħna ħalli tagħmel dawk l-għażliet favur l-orfni tal-lum.

Bi tħejjija għal dan il-jum, inħeġġeġ lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u lill-għaqdiet tal-lajċi, partikularment il-Leġjun ta’ Marija, biex ixerrdu aktar it-tagħlim sabiħ ta’ San Lwiġi Marija Grignion de Montfort dwar il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lil Ġesù minn idejn Marija. Fi spirtu ekumeniku nappella wkoll lill-Insara kollha, anki lill-Komunitajiet Insara mhux Kattoliċi preżenti f’Għawdex, biex kemm individwalment u kemm bħala familji, gruppi, komunitajiet reliġjużi u parrokkjali, skejjel, klabbs, u l-bqija, jagħmlu b’mod solenni dan l-istess affidament.

Fil-Philokalia Russa – jiġifieri ġabra ta’ kitbiet ta’ għalliema spiritwali tal-Lvant – jirrakkontaw li darba San Girgor is-Sinajita staqsa lil San Massimu (Capsolivite) jekk kienx qala’ l-grazzja tat-talb. B’rasu baxxuta dan wieġbu li darba, waqt li kien qed jitlob minn qalbu quddiem xbieha tal-Madonna u taha bewsa, ħass dehxa f’qalbu u bħal nar ħiereġ mix-xbieha. In-nar ma ħarqux. Għall-kuntrarju, ħassu jiffriskah u jimlielu qalbu bil-ħlewwa. Minn dakinhar qalbu qatt ma waqfet titlob.  Għamel esperjenza tal-istess sentimenti l-mistiku San Serafin ta’ Sarov, magħruf bħala dak li kien “laħam minn Marija”. Meta jitlob huwa kien isellem lit-Trinità Qaddisa billi jgħid il-Glorja quddiem ikona (xbieha) tal-Madonna, konvint li Marija bħala l-Medjatriċi tas-suppliki tiegħu kienet tressaq it-talba tiegħu fi ħdan it-Trinità.

Minn qalbi nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex it-talb tagħna kollu fiduċja quddiem Ommna Marija jagħtina ħjiel ta’ dan il-ferħ qaddis li ġarrbu dawn il-qaddisin.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, nhar l-Erbgħa 8 ta’ Mejju 2019, Tifkira liturġika tal-Madonna ta’ Pompej.

+   Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

 Download English version:  68-2019-let-us-entrust-ourselves-to-our-mother-mary.pdf