INAWGURATA X-XBIEHA TAL-MADONNA TA’ PINU F’NAZARET

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX

 

Stqarrija għall-Istampa [ST/09/2018]
15 ta’ Settembru 2018
madonnatapinu-nazaret.jpg

Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2018, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, fid-9.00am, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa Konċelebrazzjoni fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej, f’Nazaret, fit-tieni jum ta’ Pellegrinaġġ Djoċesan ta’ għaxart ijiem fl-Art Imqaddsa flimkien mal-Patrijiet Franġiskani Minuri, li fih qed jieħdu sehem fuq mija u ħamsin pellegrin mill-gżejjer Maltin. Mal-Isqof Grech ikkonċelebraw għadd ta’ saċerdoti, fosthom Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex. Kienet preżenti wkoll l-E.T. Cecilia Attard Pirotta, l-Ambaxxatriċi Maltija għal Iżrael.

Il-quddiesa ntemmet b’purċissjoni qasira lejn il-wesgħa ta’ quddiem il-Bażilika ta’ fuq, fejn ġiet inawgurata x-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu, maħduma riċentement fil-mużajk minn Dun Roberto Gauci u Joseph Borg taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon li għandha d-Djoċesi ta’ Għawdex f’parti mid-dar li ħallielha l-mibki Mons. Anton Gauci. Ix-xbieha diġà tbierket fil-Velja tal-Għid tal-Assunta fl-14 ta’ Awwissu li għadda fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu.

Patri Bruno Varriano OFM, il-Gwardjan tal-komunità tal-Patrijiet Franġiskani fis-Santwarju ta’ Nazaret, qal li aċċetta li titwaħħal din l-ikona bħala apprezzament tal-ħafna pellegrini Maltin u Għawdxin li ta’ kull sena jżuru dan is-Santwarju, taħt il-gwida spiritwali ta’ Patri Twanny Chircop OFM, Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa. Fost il-ħafna xbihat nazzjonali Marjani li hemm fil-bitħa tas-Santwarju ta’ Nazareth, diġà hemm xbieha oħra Maltija, dik tal-Madonna tal-Mellieħa.

L-Isqof Mario sejjaħ din il-ġrajja bħala “ġemellaġġ bejn is-Santwarju Ta’ Pinu u dak ta’ Nazaret”. Huwa fisser li “hemm kumplimetarjetà bejn iż-żewġ santwarji. F’Ta Pinu, il-Madonna ssejjaħ lil Karmni Grima u lilna biex immorru għandha, waqt li f’Nazaret, tgħidilna biex bħalha nagħmlu r-rieda ta’ Alla”. L-Isqof kompla fisser li “r-rieda ta’ Alla hija l-aqwa ġid li l-bniedem jista’ jikseb għalih u għall-oħrajn. Alla jrid li l-bniedem ikun bniedem, għax xi drabi aħna l-bnedmin ma nafux nirrispettaw id-dinjità umana tagħna nfusna u tal-oħrajn”.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, l-Isqof ta’ Għawdex, f’isem id-Djoċesi, għamel għotja ta’ €3,000 – kollha donazzjonijiet mogħtija mill-pubbliku waqt ġabra li saret fil-Velja tal-Assunta f’Għawdex – lill-Gwardjan Patri Bruno biex dan ikun jista’ jgħin lill-foqra ta’ Nazaret.

Tkantaw innijiet Marjani bil-Malti, kif ukoll l-Innu Nazzjonali.

F’din il-ħolqa għandek issib ukoll ritratti u filmat: https://we.tl/t-fVBFLkSzlM.