SENA ĠUBILARI TA’ SAN ALWIĠI GONZAGA
Il-Knisja qiegħda tniedi s-Sena Ġubilari ta’ San Alwiġi Gonzaga, fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twelid tiegħu.
Sa minn ċkunitu, missieru kien iħarrġu fl-armi iżda huwa ntebaħ li din ma kienitx it-triq li għandu jagħżel, u għalhekk, minkejja d-diffikultajiet li sab anke minn missieru, huwa ċaħad għall-wirt tiegħu u daħal fil-Kumpanija ta’ Ġesù biex, fi spirtu ta’ safa u ta’ umiltà, ikun ta’ servizz għall-proxxmu fl-imħabba ta’ Alla.
Huwa kien idur bil-morda u kien iġorr fuq spallejh il-morda bil-pesta, li mbagħad ittieħed minnha sakemm miet fl-età ta’ 23 sena. Huwa kien ikkanonizzat mill-Papa Benedittu XIII.
Għal din l-okkażjoni, l-Isqof Mons Mario Grech għamel talba lill-Penitenzerija Appostolika (fil-Vatikan) biex l-Insara fid-djoċesi jiksbu l-indulġenza plenarja u fl-istess waqt isiru midħla ta’ San Alwiġi Gonzaga u l-ispiritwalità ta’ Sant’Injazju.
Din it-talba ġiet milqugħa u għalhekk l-Indulġenza Plenarja tista tintrebaħ mill-21 ta’ Ġunju 2018 sad-9 ta’ Marzu 2019, bil-kundizzjonijiet tas-soltu, jiġifieri qrara sagramentali, tqarbina u talba skont l-intenzjoni tal-Papa. Din l-indulġenza tista’ tiġi applikata wkoll b’suffraġju tal-Erwieħ tal-Purgatorju, bil-kundizzjoni li dawk li japplikaw l-indulġenza jmorru f’pellegrinaġġ fil-Knisja ta’ San Ġakbu jew fil-Knisja ta’ Manresa, fil-Belt Victoria, u jieħdu sehem fir-riti ġubilari jew għall-inqas jieqfu għal ftit ħin ta’ talb quddiem ix-xbieha ta’ San Alwiġi Gonzaga, esposta għall-qima pubblika, u jagħlqu bil-Missierna u l-Kredu u invokazzjoni lill-Verġni Marija u lil San Alwiġi Gonzaga.
L-anzjani, il-morda u dawk kollha li, minħabba xi mard gravi ma jistgħux joħorġu mid-dar, jistgħu xorta waħda jirbħu l-Indulġenza Plenarja billi jindmu minn dnubiethom kollha bl-intenzjoni li ma jidinbux iżjed, iwettqu malli jkun possibbli t-tliet kundizzjonijiet tas-soltu, jingħaqdu spiritwalment maċ-ċelebrazzjonijiet ġubilari, u joffru t-talb u t-tbatijiet tal-ħajja tagħhom lil Alla l-ħanin.
Billi San Alwiġi Gonzaga kien gie maħtur patrun taż-żgħażagħ, Mons. Isqof jagħmel appell biex nitolbu ħalli, bl-intercessjoni ta’ dan il-qaddis, is-Sinodu taż-Żgħażagħ li se jsir f’Ottubru li ġej iħalli l-frott mixtieq u anke jinbtu iktar vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża.
Mons. Tarcisio Camilleri
Vigarju Ġenerali
31 ta’ Awwissu 2018