Pastorali ta’ Santa Marija - “Neħtieġu lil Kristu”

eucharistic-chapel-munxar.jpg61/2018

Ittra Pastorali

tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema
2018

 

 NEĦTIEĠU LIL KRISTU

Download English version: 61-2018-we-are-in-need-of-christ-pastoral-letter-santa-marija-2018-a4.pdf

Ħafna drabi tingħata l-impressjoni li f’pajjiżna, minkejja li l-kotra għandhom geddumhom fix-xgħir, ħafna jħossu l-vojt u, ipalaw kemm ipalaw, ma jirnexxilhomx ikunu kuntenti. Dan jikkonferma dak li jgħid Kristu dwarna: “Il-bniedem ma jgħixx biss bil-ħobż, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Bir-raġun lil-Lhud Ġesù jgħidilhom biex jitħabtu “mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom” (Ġw 6:27). Interessanti li meta l-Lhud jitolbuh jagħtihom minn dan il-ħobż, Ġesù jagħmel stqarrija qawwija ħafna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ” (Ġw 6:35).

L-Awtoritajiet ċivili, l-aġenziji soċjali u s-suq jistgħu jgħinu biex il-bniedem jimla l-istonku u bwietu u hekk jissodisfa l-ħtiġijiet materjali, imma hija biss l-esperjenza spiritwali li twieġeb għall-bżonnijiet interjuri tal-bniedem. Il-qalb tal-bniedem tistrieħ biss meta ssib lil Alla. Din il-verità tħeġġiġna bħala Knisja, il-poplu ta’ Alla, biex inħossu aktar il-ħtieġa li niġġeddu u nitqaddsu – kif qalilna ftit taż-żmien ilu l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni appostolika tiegħu Ifirħu u thennew. Jekk ikollna xewqa ta’ ħajja qaddisa, jekk nibnu ħajjitna fuq Ġesù, allura nistgħu nsiru missjunarji anki f’pajjiżna stess, u nwasslu aktar persuni biex iduqu l-imħabba ta’ Ġesù.

Huwa fatt li ħafna minn dawk li qed iġarrbu l-baħħ spiritwali huma nies tal-Knisja – dawk li jqisu lilhom infushom dixxipli ta’ Kristu! Għad li għandna bosta ċelebrazzjonijiet u riti reliġjużi, bħalma huma l-festi tas-sajf, sinċerament nistaqsi jekk aħna l-Insara nafux tassew lil Ġesù; nistaqsi jekk aħna għandniex relazzjoni ma’ Ġesù. Għax hemm ir-riskju li tkun imgħammed, reliġjuż, saċerdot u isqof, imma xorta ma tkunx taf lil Ġesù! Inħoss li fostna, ħafna minna nafu dwar Ġesù, imma ma “tgħallimniex ’il Kristu” (ara Efes 4:20). Għal xi wħud ir-reliġjon hija għamla ta’ tpartit ma’ Alla: nixgħel xemgħa biex Alla jaqlagħli grazzja! Spiss wieħed jirrikorri għand Alla meta jkun qata’ qalbu minn kollox! Oħrajn huma konvinti li r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla tiddependi mill-opri li jagħmlu, bħalma jistgħu jkunu xi pellegrinaġġ sa Ta’ Pinu jew sar-Redentur tal-Isla, mawra sal-knisja għall-quddiesa tal-Ħadd, u ħwejjeġ simili. Anki l-istess qima lejn il-qaddisin ħafna drabi tieqaf fl-istatwa jew f’xi devozzjoni, bħal meta nitolbu lil Sant’Antnin isibilna xi oġġett mitluf! Biex ma nsemmix lil dawk li l-attivitajiet marbuta mar-reliġjon u l-Knisja huma l-isbaħ passatemp għalihom! Għad li d-devozzjonijiet huma mezz biex iqarrbuna lejn Alla, fejn hemm bżonn, l-istess devozzjonijiet jeħtieġ jiġu msoffija, biex minn relazzjoni mekkanika u kważi maġika ma’ Alla, jgħinuna nibnu waħda ta’ mħabba ma’ Alla mimlija fiduċja u paċi tal-qalb.

Biex il-fidi tagħna tkun matura, trid tkun isserraħ fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-fiduċja tagħna fih trid tkun tali li noqogħdu fuq il-kelma tiegħu! Ġesù “hu ċ-ċentru tal-ġrajja tad-dinja u tal-ħolqien kollu: hu jafna u jħobbna, hu s-sieħeb u l-ħabib ta’ ħajjitna, il-bniedem tan-niket u tat-tama, hu dak li għandu jerġa’ jiġi bħala l-imħabba tagħna u, nittamaw, il-milja tal-ħajja u tal-hena tagħna għal dejjem” (Pawlu VI, Omelija f’Manila, 29 ta’ Novembru 1970). Ġesù huwa l-uniku meħtieġ. Għal min isib lil Ġesù, fil-ħajja kollox isir relattiv. Ġesù huwa dak it-teżor li meta wieħed isibu, jerħi kollox biex jiksbu u ma jitilfux (ara Mt 13:44). Dan it-teżor aktarx napprezzawh aktar fil-mumenti tal-prova, fit-tbatija, fl-hemm. Naf tant persuni li fit-tbatija li jġarrbu jaħsbu li tilfu l-fidi. Imma konvint li f’dawk il-mumenti diffiċli, il-fidi tkun qed issir aktar vera. Hemm, fit-tbatija, it-teżor jinbidel f’faraġ, f’paċi tal-qalb, f’tama, f’kuraġġ, f’fiduċja li t-tbatija, anki jekk qerrieda, m’għandhiex l-aħħar kelma. Min bħal Santu Wistin ikun daq it-tjubija ta’ Ġesù, jasal biex jgħid: “Nifirħu u niżżu ħajr li aħna mhux biss sirna Nsara, imma Kristu. Qegħdin tisimgħu, ħuti, qegħdin tifhmu l-grazzja ta’ Alla fuqna? Stagħġbu, thennew: sirna Kristu. Għax jekk huwa r-ras, aħna l-membri; il-bniedem sħiħ: hu u aħna… Għalhekk il-milja ta’ Kristu u l-Knisja” (In Io. tract. 21. 8; PL 35. 1568).

Kieku aħna konvinti minn dan, kieku żgur nieħdu b’aktar impenn il-ħajja tas-Sagramenti, il-qari attent tal-Kelma ta’ Alla, u t-talb. It-tip ta’ liturġija li niċċelebraw tikxef x’fidi għandna fi Kristu; hija tassew ħasra li minħabba r-rabtiet mat-tradizzjoni għadna nissagrifikaw liturġija li kapaċi tqabbad il-qlub bin-nar divin. Min ikun sab lil Ġesù, ikollu għal qalbu dak kollu li huwa spiritwali. Min hu mxennaq għal Ġesù mhux biss ma jitlifx l-okkażjoni li jsir jafu aħjar, imma jfittex li jxennaq lil ħaddieħor għalih. Hekk ikunu jagħmlu l-ġenituri meta jgħaddu l-fidi tagħhom lil uliedhom. Kemm nixtieq nara aktar qrar ta’ kwalità, magħmul fil-kwiet u bil-kalma u mhux mgħaġġel waqt il-quddies! Kemm nixtieq nara aktar parroċċi, komunitajiet u gruppi jagħmlu xi weekend break ta’ rtir spiritwali! Kemm nixtieq li nitgħallmu nfittxu aktar l-għajnuna ta’ direttur spiritwali fil-ħajja tagħna! Kemm nixtieq nara aktar minna li jfittxu t-talb personali quddiem Ġesù Ewkaristija, fil-ħemda tal-kappelli ddedikati proprju għal dan il-għan!

Nhar it-Tnejn li għadda ħabat l-erbgħin anniversarju mill-mewt tal-Papa Pawlu VI, li f’Ottubru li ġej ser ikun iddikjarat qaddis. Ftit aktar minn ħamsin sena ilu, proprju fis-6 ta’ Awwissu 1964, dan il-Papa tana Enċiklika l-ġmiel tagħha b’tagħlim dwar il-Knisja. Minkejja li għadda ż-żmien, Ecclesiam suam għadha attwalissma. Nistqarr li meta sirt isqof tlettax-il sena ilu, imnebbaħ minn din l-Enċiklika, kelli x-xewqa li nikteb Ittra pastorali dwar x’nixtieq nara f’din il-Knisja partikulari tagħna. Din il-ħolma għadha hemm. Fl-ewwel parti ta’ dik l-Enċiklika, Pawlu VI jitkellem dwar il-bżonn li l-Knisja tikseb aktar għarfien tal-identità tagħha u tikkonfronta lilha nfisha ma’ dik il-Knisja ideali li Kristu ra, ried u ħabb bħala l-għarusa tiegħu (ara ES, 11).

Fid-dawl ta’ dan, nagħmel sejħa lill-Knisja tagħna – b’mod partikulari lill-kunsilli parrokkjali – biex tagħmel dan l-eżerċizzju u tivverifika l-fundament Kristoloġiku tagħha. Jien għandi dubju kemm il-Knisja tagħna hija konvinta minn din il-verità! Nibża’ li Kristu mhux iċ-ċentru ta’ ħajjitna – la fuq livell individwali u lanqas fuq livell ta’ parroċċi. Huma ħafna dawk li jħobbu l-Knisja u jaħdmu għal Kristu, imma ftit huma dawk li jagħmlu dak li jrid Kristu. Kieku għandna esperjenza ta’ Ġesù, kieku l-ħajja tagħna (lajċi, reliġjużi u saċerdoti) tkun ferm u ferm differenti. Kieku Ġesù huwa f’qalbna, kieku għandu jkollna ferm aktar ħeġġa appostolika u passjoni għall-umanità mġarrba. Din hija l-karba tal-Isqof tagħkom!

Nistaqsi jekk bħala Knisja aħniex qegħdin noffru l-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Hija ħasra li f’ħafna każi aħna nagħlfu biss l-emozzjonijiet u n-nostalġiji ta’ xi wħud għall-Knisja tal-imgħoddi. Xi drabi bħal donnu aktar moħħna li nissodisfaw il-bżonnijiet soċjo-kulturali marbuta mal-fatt reliġjuż, milli ngħinu lill-bniedem jirfes l-għatba tal-misteru ta’ Alla! Kull meta nagħmlu hekk, inkunu nipprovdu biss ikel materjali, forsi sabiħ fl-għajn u b’riħa taqsam, imma mbagħad battal minn kull sustanza spiritwali. Dan kollu huwa “ikel li jgħaddi”, mentri, kif jgħid Ġesù, aħna rridu nitħabtu għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Dan l-aħħar spiss qed nisimgħu b’inizjattivi li qed jieħdu għadd ta’ parroċċi biex jirrestawraw il-knisja jew opri fil-knisja. Dan ir-restawr għandu jfakkarna f’restawr wisq aktar importanti: dak tal-“ġebel ħaj” (1 Pt 2:5), tagħna l-imgħammdin. Ma nixtieqx li jiġrilna bħal San Franġisk ta’ Assisi, li meta Kristu sejjaħlu biex isewwilu l-Knisja tiegħu, għall-bidu ħaseb li riedu jirranġa l-knisja mġarrfa ta’ San Damjan! Imma l-Fqajjar ta’ Assisi ma damx ma ntebaħ li Ġesù riedu jagħmel xi ħaġa biex jgħin lill-Knisja li maż-żmien kienet xeddet ilbies li mbagħad ma kienx baqa’ jagħmel sens; li terġa’ ssib l-identità vera tagħha u l-għeruq Kristoloġiċi tagħha. Dan huwa r-restawr veru u urġenti li teħtieġ il-Knisja tagħna. Il-Knisja “ma tistax tibqa’ bla ma titħarrek u indifferenti għat-tibdiliet li jiġru madwarha. Hija għandha mhux biss tadatta ruħha għall-ħsibijiet u d-drawwiet li ż-żminijiet iġibu magħhom u kważi jimponulha, imma għandha wkoll tfittex li tersaq lejhom, tinkuraġġihom, issebbaħhom, tmexxihom ’il quddiem u tqaddishom” (ES, 42).

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija, nitolbu lil Omm il-Knisja tgħinna nirristrutturaw din il-Knisja għażiża tagħna, għax kif jikkummenta l-Papa Franġisku, “illum ukoll Ġesù jrid ikompli jibni l-Knisja tiegħu, din id-dar li għandha pedament sod imma fiha ma jonqsux il-konsenturi, u għalhekk għandha bżonn tiġi rranġata. Il-Knisja dejjem għandha bżonn tiġi mġedda u msewwija” (Angelus, 27 ta’ Awwissu 2017). Meta l-Knisja tkun isserraħ fuq Ġesù Kristu, anki jekk naraw iċedi u jaqa’ xi ġebel jew saħansitra xi ħnejja tas-santwarju, ma għandniex għax naqtgħu qalbna, għax il-ġebla tax-xewka (Ġesù) tibqa’ soda.

L-isfidi ekkleżjoloġiċi u pastorali li għandna quddiemna mhumiex ħfief; imma b’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex naffrontawhom. Huwa verament ta’ kuraġġ meta nara li fil-Knisja hawn diversi saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi li, għax naqsmu flimkien dawn it-tamiet, huma impenjati bis-serjetà biex iseħħ dan it-tiġdid. Nistgħu nsemmu l-impenn fit-tiġdid tal-katekeżi b’attenzjoni partikulari lil ċerti kategoriji, fosthom it-tfal awtistiċi; il-lajċi impenjati fil-formazzjoni tal-għarajjes għall-ħajja taż-żwieġ u tal-familja; il-ġenerożità ta’ ħafna lejn il-batut, bħal fil-każ tal-immigranti, il-fostering, l-għoti tad-demm; iż-żgħażagħ li qed iwettqu ħidma ta’ volontarjat u missjunarja, li minnhom mhux darba jew tnejn ħarġu vokazzjonijiet saċerdotali u ta’ ħajja kkonsagrata; u tant esperjenzi oħra. Dawn huma ftit mill-ġawhar tal-Knisja tagħna li nixtiequ jitkattar. Bl-interċessjoni tal-Madonna nitolbu flimkien lil Alla biex jagħtina d-don tal-perseveranza.

Nitlob fuqkom il-barka tas-Sema.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum it-Tnejn 6 ta’ Awwissu 2018, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex