Ittra lill-Poplu ta’ Alla tal-Isqof Mario Grech

Read the English version here:  60-2018-i-was-a-stranger-and-you-welcomed-me.pdf

60/2018

Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

“Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35)

i-was-a-stranger.jpgFl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, San Pawl jitkellem dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla tal-Mulej, jew, kif nafuha aħna, il-quddiesa, u l-ikla tal-Aħwa, dik li kienet tissejjaħ “agape”. Kienu jiltaqgħu f’xi dar biex jagħmlu ikla u fl-istess okkażjoni jiċċelebraw l-Ewkaristija. Peress li spiss kien jiġri li l-għonja kienu jieklu għalihom u jittraskuraw lill-foqra, San Pawl jgħidilhom li, biex isseħħ l-għaqda mal-ġisem ta’ Kristu permezz tat-tqarbin, kellha sseħħ ukoll l-għaqda fost l-aħwa, billi jaqsmu l-ikel flimkien. Bi kliem iebes San Pawl jgħid lil-Insara: “Jew tridu twaqqgħu fil-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx?” F’kelma waħda, l-Ewkaristija kienet titlef mit-tifsira u mill-effikaċja tagħha meta l-foqra kienu jiġu mwarrba u ddisprezzati (ara 1 Kor 11:17-34).

F’omelija li għamel dwar dan il-passaġġ tal-Ewwel Ittra lill-Korintin, San Ġwann Kriżostmu, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja li kien jgħix fis-seklu IV, jikteb: “Il-Knisja mhix hemm biex meta mmorru fiha aħna nibqgħu mifrudin (pereżempju razza tintagħżel minn oħra) imma biex dak kollu li jagħżilna minn xulxin jgħib: dan huwa s-sens għaliex niltaqgħu flimkien” (PG, 61,227). Aħjar ma niċċelebraw xejn l-Ewkaristija milli mmorru l-quddiesa u f’qalbna jkollna mibegħda lejn dawk li huma differenti minna jew, agħar minn hekk, niġġudikawhom inferjuri għalina. Ma jagħmilx sens li nieħdu sehem fl-Ewkaristija biex niftħu qalbna għal Kristu, imbagħad qalbna tingħalaq għall-batut.

M’hemmx paġna fil-Bibbja li ma titkellimx mill-imħabba ta’ Alla għall-foqra u l-imwarrba tad-dinja. “Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom” (Mt 26:11), ifakkarna l-Mulej. U dan jagħmlu biex id-dixxipli tiegħu jagħtu kashom u jersqu jtaffu l-ġrieħi tagħhom (ara Lq 10:25-37).

Fost il-foqra ta’ żminijietna għandna tant immigranti li, għal xi raġuni jew oħra, jitilqu lil pajjiżhom biex ifittxu futur aħjar. Ta’ spiss, partikularment fix-xhur tas-sajf, nisimgħu u naraw ġrajjiet li jsewdu l-qalb, ta’ persuni, familja u anke trabi li jitilfu ħajjithom fil-Mediterran.

Quddiem din it-traġedja kontinwa, il-Papa Franġisku wasal biex lill-baħar kaħlani li jdawwar il-gżejjer tagħna jsejjaħlu “iċ-ċimiterju tal-Mediterran” (17 ta’ Settembru 2016).

Nifhem li m’hemmx soluzzjonijiet sempliċi għal din l-emerġenza kbira li qed isseħħ madwarna. Imma mqanqal mill-Kelma ta’ Alla u mill-eżempju tal-Imgħallem tagħna Ġesù, li “ftaqar biex nistagħnu aħna” (2 Kor 8:9), inħoss li bħala komunità li temmen, aħna ma nistgħux nibqgħu siekta u b’idejna fuq żaqqna quddiem din it-traġedja li tmiss lil pajjiżna u lill-Unjoni Ewropea mill-qrib.

jesuit-refugee-service-logo.jpgHu f’dan id-dawl li l-Ħadd li għadda, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tas-Sokkors, f’Ta’ Kerċem, jien għamilt stedina biex il-ġbir li jsir nhar il-festa titulari tal-komunitajiet parrokkjali tagħna jmur għall-ħidma mal-immigranti li twettaq il-Jesuit Refugee Service f’pajjiżna.  Anke jekk dan il-ġest tagħna hu biss qatra f’oċejan, inkunu qed nissieħbu fil-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni ta’ karità tal-Ġiżwiti b’risq dawn il-foqra ta’ żminijietna. B’dan il-mod, waqt li niċċelebraw il-pontifikali solenni u nifirħu flimkien fl-okkażjoni tal-festi patronali tagħna, aħna nkunu qed “nibku ma’ min jibki” (Rum 12:15) u nagħtu sens aktar sħiħ lill-quddies u lill-festi sbieħ li niċċelebraw.

Jien naf li l-poplu tagħna hu wieħed ġeneruż u jaf iwieġeb għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Nagħmlilkom mill-ġdid dan l-appell, biex mill-ftit tagħna nkunu ta’ servizz għal min hu fil-bżonn.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum il-Ħamis, 11 ta’ Lulju 2018, festa ta’ San Benedittu, Abbati u Patrun tal-Ewropa.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex