Ċirkulari tal-Vigarju Ġenerali M0ns. Tarcisio Camilleri
Jum ta’ Sawm u Talb għall-Paċi fid-Dinja
Nhar il-Ħadd li għadda, waqt l-Anġelus, il-Papa Franġisku fakkar is-sitwazzjoni traġika minħabba l-kunflitti f’diversi partijiet tad-dinja u ħeġġeġ biex ningħaqdu flimkien għal Ġurnata ta’ talb u ta’ sawm għall-paċi. Din ser tinżamm nhar il-Ġimgħa li ġejja, 23 ta’ Frar.
L-intenzjoni ta’ din il-ġurnata se tkun b’mod partikulari għall-popolazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tas-Sudan.
Il-Papa wessa’ din l-istedina għat-talb u s-sawm għall-aħwa li mhumiex Kattoliċi u lanqas Kristjani.
Fi kliem il-Papa, nitolbu lill-Missier tas-sema biex jisma’ l-għajta ta’ wliedu li jagħjtu lejH fil-mumenti tat-tbatija u tad-dwejjaq, u li jfejjaq il-qlub maqsuma u jinfaxxa il-feriti tagħhom.
Għalhekk inħeġġu lill-komunitajiet kollha fid-Djoċesi tagħna biex jingħaqdu ma’ dan il-ħsieb tal-Papa.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex.
16 ta’ Frar 2018
Mons Tarcisio Camilleri
Vigarju Ġenerali
_______________
Ir-ritratt hu meħud minn: https://stdominicspriorynewcastle.wordpress.com/b/