Titħabbar il-mewt tal-Isqof Silvester Magro O.F.M.

09-mgr-silvester-carmel-magro-ofm.jpg

F’isem il-Knisja f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech isellem il-memorja tal-E.T. Mons. Silvestru Magro OFM, li miet dalgħodu. Huwa serva lil Kristu u lill-Knisja fl-uffiċċju ta’ Vigarju Appostoliku ta’ Benghazi, il-Libja, bejn l-1997 u l-2016. L-Isqof Grech jiftakar il-konverżazzjoni interessanti li kellu miegħu meta ġie lura pajjiżna waqt ir-rivoluzzjoni li faqqgħet fil-Libja. Minkejja li ħajtu kienet fil-periklu, Mons. Silvestru ma riedx jitlaq lill-“Knisja” tiegħu!

Mons. Silvestru għandu rabta mad-Djoċesi tagħna. Missieru kien mill-Parroċċa tan-Nadur u l-Isqof Magro kien jogħxa meta kien jiġi jiċċelebra l-liturġija fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl. Imma l-għors tiegħu kien meta mexxa l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ neputih Patri Joseph Magro OFM fil-Bażilika tan-Nadur – probabbli din kienet l-unika ordinazzjoni presbiterali li huwa għamel! Imbagħad kien preżenti għall-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Isqof Mario Grech fit-22 ta’ Jannar 2006.

Filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-Ordni tal-Patrijiet Franġiskani Minuri u lill-familjari tiegħu, l-Isqof Grech jagħmel sejħa lill-Knisja f’Għawdex biex issellimlu bit-tokki tat-tempji tagħna bħala sejħa biex isir talb b’suffraġju tiegħu.

Aqra l-Komunikat tal-Arċidjoċesi ta’ Malta:  09-komunikat.pdf