Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 264

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 266

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 267

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 284

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/cache.php on line 36

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/query.php on line 21

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/theme.php on line 540

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/exec-php.php on line 21

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 54

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 57

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 62

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 63

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 64

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 65

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 66

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/ajax.php on line 69

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/cache.php on line 33

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/cache.php on line 42
“Il-Pjaga tal-Vjolenza Domestika” - Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech at Gozo Diocese



“Il-Pjaga tal-Vjolenza Domestika” - Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech

58/2017

 

Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech

IL-PJAGA TAL-VJOLENZA DOMESTIKA

Għal ħafna mill-familji tagħna d-dar hija post ta’ mistrieħ u għożża fejn wieħed iħossu mkennen mill-istorbju u l-perikli tal-ħajja; imma għal oħrajn l-esperjenza tad-dar taf tkun ħolma kerha minħabba l-abbuż li jġarrbu fil-familja stess. In-nisa miżżewġa huma l-akbar kategorija li tbati minħabba din il-vjolenza domestika; imma magħhom hemm ukoll l-ulied, u f’sens wiesa’ nistgħu ninkludu wkoll lill-anzjani u lill-persuni vulnerabbli, bħalma huma l-morda jew persuni b’diżabbiltà.

Il-vjolenza fid-dar tista’ tkun ta’ għamliet diversi: fiżika, sesswali, psikoloġika, verbali, emozzjonali, finanzjarja, kif ukoll morali u spiritwali. Ħafna drabi l-aggressur juża l-vjolenza biex mingħalih juri kemm huwa b’saħħtu u jikseb ħakma fuq il-vittma. Biex jieħu dak li jrid, l-aggressur jagħmel minn kollox biex iġib taħt idejh lill-vittma u għalhekk jgħajjat, jumilja, jgħajjar, jhedded, ibaxxi, isawwat, ibeżża’, ixewwex, jigdeb, u l-bqija. Fi kliem ieħor, jipprova jneżża’ mid-dinjità umana tagħha lill-persuna li suppost ikun iħobb.

Jekk il-vittma għandha tingħata l-għajnuna biex toħroġ minn din ix-xorta ta’ jasar, daqstant ieħor l-aggressuri għandhom bżonn tal-għajnuna, għax kliem u atteġġjamenti abbużivi jikxfu li għandhom problema serja fil-personalità tagħhom.

Il-fatt li ma tantx nisimgħu b’inċidenti bħal dawn ma jfissirx li fostna ma hawnx min huwa kkalzrat f’daru stess. Fil-fatt, il-vjolenza fid-djar qisha epidemija siekta li qiegħda tmarrad fiżikament u mentalment lill-vittmi, therri l-għaqda fil-familja u tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà.

Il-familja fejn il-preżenza tar-raġel hija kollha dnewwa tiftaqar fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-membri, u għalhekk it-tifsira taż-żwieġ tiġi fix-xejn, kemm fuq livell uman u kemm, fil-każ tal-Insara, fuq livell ta’ sagrament. L-imġiba mqanqla tal-missier fil-familja tħarbat il-missjoni tal-familja, kemm bħala dik li teduka lit-tfal, u kemm bħala dik li tittrasmetti l-fidi f’Ġesù Kristu lill-membri tal-istess familja. Issir ħsara enormi lill-ulied meta jaraw jew jisimgħu din l-imġiba vjolenti bejn il-ġenituri. Anki jekk ma jkunux imsawta direttament, meta jkunu xhieda ta’ dan it-trattament xejn uman bejn il-ġenituri tagħhom, l-ulied ikunu qed jiġu msawta indirettament. Jitqarraq dak il-ġenitur li jaħseb li l-ulied ma jintebħux li fil-familja hemm il-vjolenza. Inħoss għal dawk it-tfal li fis-satra ta’ kamarthom jibku waħidhom għax jisimgħu bil-vjolenza bejn il-ġenituri tagħhom.

B’xorti ħażina, il-kultura tagħna għadha tostor dan l-abbuż. Mhux minnu li meta mara tiddenunzja lil żewġha, hi tkun qed tittradixxi l-imħabba jew tkun qed tikser xi wegħda taż-żwieġ. Lanqas mhuwa korrett min jirraġuna li l-mara għandha tissaporti l-abbuż fid-dar biex ma tkunx kawża ta’ tifrik tal-familja. Anzi, il-vjolenza domestika tista’ tkun raġuni biex żwieġ ikun iddikjarat null kemm fil-Qrati Ċivili u kemm fit-Tribunali tal-Knisja.
Ikun tassew qed jabbuża mit-twemmin Nisrani min jipprova juża l-Bibbja biex jiġġustifika din il-vjolenza, bħal fil-każ ta’ min jirreferi għal dak li jikteb San Pawl fl-Ittra lill-Efesin: “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel huwa ras il-mara” (5:22). Hawnhekk San Pawl bl-ebda mod ma qiegħed jgħid li r-raġel huwa dominanti fuq il-mara; għall-kuntrarju, l-Appostlu jeżorta lill-irġiel miżżewġa biex iħobbu lil marthom bħalma Kristu jħobb lill-Knisja.

Min-naħa l-oħra, tiżbalja wkoll dik il-vittma li taħseb li, jekk tipprova toħroġ minn din il-qagħda, hija tkun qed tonqos spiritwalment, jew agħar minn hekk taħseb li deċiżjoni bħal din iġġorr magħha xi ħtija morali.

Il-vjolenza domestika ddiskutejnieha wkoll waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja. Il-Papa Franġisku jfisser tajjeb il-ħsieb tas-Sinodu, meta jgħid li “l-vjolenza tal-mistħija li xi drabi tintuża fuq in-nisa, il-vjolenza fil-familja u xejriet oħra ta’ jasar mhux vera huma wirja tas-saħħa maskili, imma ta’ ġifa. Il-vjolenza verbali, fiżika u sesswali kontra n-nisa f’xi koppji miżżewġa tmur kontra l-istess natura tal-għaqda taż-żwieġ” (Amoris lætitia, 54). Kontra min jgħid li ħafna problemi ta’ żmienna nibtu minħabba fl-emanċipazzjoni tal-mara, il-Papa Franġisku mhux biss jgħid li dan l-argument mhux validu, imma jsejjaħ dan ir-raġunament “għamla ta’ maskiliżmu” (Amoris lætitia, 54).

Quddiem din il-qagħda tassew kerha, nagħmel stedina lill-vittmi tal-vjolenza domestika, partikularment lin-nisa maħqura f’darhom stess, biex iqumu fuq saqajhom u jsibu l-kuraġġ u joħorġu minn taħt l-għarqub ta’ min qed jirfes id-dinjità u d-drittijiet tagħhom. Ma hemm xejn li jiġġustifika l-vjolenza domestika. Il-vjolenti qatt ma għandu raġun. Il-vjolenza domestika hija dnub u reat kriminali.

Nagħmel appell ukoll lis-saċerdoti, lil-lajċi impenjati fil-pastorali u lill-edukaturi biex jgħinu ħalli tkompli tinħoloq kuxjenza kontra din ix-xorta ta’ moħqrija fil-familji tagħna, billi jitkellmu mal-kategoriji kollha dwar dan is-suġġett fl-omeliji u fil-laqgħat ta’ formazzjoni. Aktar ma jkun hemm għarfien dwar din il-pjaga familjari u soċjali, aktar hemm probabbiltà li jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Inħeġġiġhom ukoll biex meta jiltaqgħu kemm ma’ dawn il-vittmi u kemm mal-aggressuri, jisimgħuhom b’ħafna sabar u mħabba, u jirreferuhom lil persuni mħarrġa fil-counselling u l-psikoterapija biex ikunu jistgħu jgħinuhom fil-proċess tal-fejqan.

Meta llum is-soċjetà qiegħda tfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa, nistieden lill-komunità Nisranija biex, imsaħħa bit-talb u misjuqa mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, tingħaqad mal-imsieħba soċjali f’din il-kawża biex tiġi megħluba din it-tebgħa soċjali. Hekk, mhux biss jiġi evitat ħafna wġigħ fiżiku u tal-qalb, imma l-familja terġa’ tikseb in-natura tagħha ta’ bejta tal-imħabba.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum is-Sibt 25 ta’ Novembru 2017.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Niżżel il-pastorali pdf minn hawn: 58-2017-il-pjaga-tal-vjolenza-domestika.pdf