57/2017
Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Ir-Rużarju huwa Sellum tas-Sema
Hija l-għaxqa tiegħi meta nixref sa Ta’ Pinu u nara żgħażagħ, koppji u familji bil-kuruna tar-rużarju f’idejhom bilqiegħda quddiem il-mużajċi li minn ftit xhur ’l hawn iżejnu l-ispazju sagru ta’ quddiem is-Santwarju. Il-preżenza ta’ dawn il-pellegrini miġbura fit-talb tolqot l-għajn anki tard billejl. Nemmen li dawn il-persuni huma rifless ta’ dak li jsir fis-satra ta’ ħafna minn djarna, fejn il-familji jintasbu madwar il-mejda tal-ikel jew jitgeddsu fuq is-sodda biex iqasstu r-rużarju.
Issa li bdejna x-xahar ta’ Ottubru, magħruf bħala x-Xahar tar-Rużarju, nixtieq ngħid kelma ta’ apprezzament lil dawk li għandhom għal qalbhom ir-Rużarju, u fl-istess waqt nistieden oħrajn biex jitħajru jibdew jgħidu din it-talba tant sempliċi u fl-istess waqt profonda.
Fit-13 ta’ Ottubru ta’ mitt sena ilu, eżattament fl-aħħar dehra tagħha f’Fatima, Omm Ġesù ppreżentat ruħha lit-tliet ragħajja ċkejknin – Luċija, Ġjaċinta u Franġisku – bħala l- “Madonna tar-Rużarju”, u qaltilhom biex jgħidu din it-talba sikwit.
Mitt sena ilu kien żmien ta’ qtigħ il-qalb u inċertezzi kbar. Il-Portugall kien għaddej minn kriżi politika, reliġjuża u soċjali, filwaqt li l-Ewropa kienet mhedda serjament minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imma minkejja li kien hemm dak is-sħab iswed, filwaqt li l-Madonna tagħmel sejħa għall-konverżjoni, it-talb u l-penitenza, hija turihom li Ġesù qiegħed hemm biex jieqaf magħhom, u taċċertahom li fl-aħħar l-imħabba ta’ Alla tirbaħ fuq kull għawġ. Fil-fatt, il-messaġġ ta’ Fatima huwa wieħed kollu tama: f’Fatima, qisu Alla bexxaq it-tieqa tat-tama anki jekk il-bniedem għalaqlu l-bieb.
Għalhekk, biex nagħmlu l-qalb u ma nitfixklux quddiem l-isfidi varji li għandna llum, nipproponi li naqbdu f’idejna l-kuruna tar-rużarju.
Ir-Rużarju huwa talba li ddaħħalna fil-qalba tal-misteru tal-Feddej. Ir-riflessjoni fuq il-Misteri tal-Ferħ, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja tikxfilna kemm ħabbna u għadu jħobbna Ġesù. Meta ngħiduh bil-galbu, ir-Rużarju jgħinna nħossu lil Ġesù ħdejna, lest biex jaqsam magħna t-toqol tal-ħajja. Ir-Rużarju huwa kanal li minnu taslilna l-ħniena u t-tjubija ta’ Alla. Dan huwa motiv li jqawwina fit-tama. Għalhekk ir-Rużarju mhux piż, imma jħaffilna l-piżijiet.
Dan kollu tennieh il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku meta f’Ġunju li għadda bagħtilna vidjomessaġġ irrrekordjat fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni u t-tberik tal-mużajċi f’Ta’ Pinu. Waqt li stqarr li huwa spiss jgħid ir-Rużarju quddiem mużajk tal-Madonna bil-Bambin f’idejha, il-Papa qal li jistħajjel li “idejn il-Madonna jsiru qishom sellum li Ġesù jużah biex jinżel fostna. Iċ-ċentru huwa dejjem Ġesù, li jitbaxxa biex ikun jista’ jimxi magħna l-bnedmin ħalli aħna nkunu nistgħu nitilgħu s-Sema miegħu. Fir-Rużarju aħna nitolbu lil Marija tressaqna qrib Ġesù biex insiru nafuh aktar u nħobbuh” (18/06/2017).
Il-Papa jkompli jgħidilna li t-talba tar-Rużarju tgħinna “nikkontemplaw dak kollu li Alla fl-imħabba tiegħu għamel għalina u għall-fidwa tagħna… Meta aħna nitolbu, aħna nqiegħdu kollox fi ħdan Alla: it-taħbit, il-ġerħat, il-biża’; imma wkoll il-ferħ, id-doni, il-persuni għeżież għalina. Meta nitolbu, aħna nħallu lil Alla jidħol fl-istorja tagħna biex jilqa’ u jibdel ħajjitna”.
Għalhekk nagħmel tiegħi l-appell tal-Papa, li jistedinna biex spiss naqbdu f’idejna din “l-għodda qawwija tat-talba tar-Rużarju biex ikollna l-paċi fi qlubna, fil-familji, fil-Knisja u fid-dinja”.
Għeżież familji, matul dan ix-xahar ta’ Ottubru, il-Verġni Mbierka, Omm il-Familja, tixtieq tiġi tpoġġi għandkom biex flimkien magħha tgħidu r-Rużarju. Idejn Marija huma s-sellum biex Ġesù jinżel jgħammar magħkom. B’mod speċjali nagħmel din is-sejħa lill-familji fejn hemm it-tfal iż-żgħar, għax ir-Rużarju flimkien jagħmel minnkom skola ta’ talb.
Inħeġġeġ minn qalbi lin-nanniet li, kif spiss itenni l-Papa Franġisku, jgħaddu l-fidi lin-neputijiet, biex jgħallmu din it-talba għażiża lin-neputijiet ċkejknin tagħhom u jdewquhom l-imħabba tal-Madonna għalihom.
Nirrakkomanda lill-iskejjel kollha kif ukoll liċ-ċentri tal-katekiżmu biex jgħinu lit-tfal jitgħallmu kif ir-Rużarju jingħad bl-imħabba u d-devozzjoni.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2017, Festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Niżżel kopja pdf tal-Ittra tal-Isqof Grech: 57-2017-ir-ruzarju-huwa-sellum-tas-sema.pdf