54/2017
Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
TBERIK TAL-MUŻAJĊI TAR-RUŻARJU
Fl-antik mhux in-nies kollha kienu jafu jaqraw u jiktbu. Biex jgħinu lil dawn il-persuni jkunu jafu l-Kelma ta’ Alla, inħolqot dik li tissejjaħ “il-Bibbja tal-foqra”. Din kienet Bibbja bl-istampi li jirrappreżentaw xeni mill-ħajja ta’ Ġesù.
Anki l-pittura fil-knejjes tagħna ma saritx biex iżżejjen imma biex tgħin lill-poplu ta’ Alla jkun jaf iktar dwar il-ħajja tal-qaddisin. Kienet isservi ta’ katekeżi viżiva ferm qabel ma ġew ivvintati l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni.
Dan l-aħħar, fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu tpoġġew mużajċi li jirrappreżentaw l-għoxrin misteru tar-Rużarju, xogħol taċ-Centro Aletti ta’ Ruma. Din mhix biss opra artistika l-ġmiel tagħha, għax min ħoloqha huwa mhux biss artist iżda teologu fl-istess ħin. Fil-fatt, dawn il-mużajċi għandhom kontenut profond dwar il-misteru ta’ Ġesù u ta’ Marija ta’ Nazaret.
L-għan ta’ dawn il-mużajċi huwa li jgħinuna nimmeditaw il-ġrajja ta’ Ġesù, filwaqt li ngħożżu iktar it-talba tar-Rużarju bħala mezz kif nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù. Fil-fehma tiegħi, il-proġett ta’ dawn il-mużajċi jkun irnexxa jekk, meta nieqfu napprezzawhom, fina tixgħel il-ħajra li ngħidu r-Rużarju. Għalhekk nistedinkom biex illejla (għada) niltaqgħu fuq iz-zuntier tas-Santwarju għażiż Ta’ Pinu għaċ-ċelebrazzjoni li fiha jiġu inawgurati u mberkin dawn il-mużajċi.
Huwa previst li dakinhar filgħaxija l-Papa Franġisku jibgħatilna vidjo b’messaġġ tal-okkażjoni.
Nieħu din l-okkażjoni biex irrodd ħajr lil dawk il-benefatturi li offrew għotjiet biex stajna nwaqqfu dan il-monument.
Il-Verġni Marija Ta’ Pinu tieqaf magħna u tgħinna nikkontemplaw lil Ġesù bl-istess ħarsa tagħha ta’ fidi, tama u mħabba (ara Rosarium Virginis Mariæ, 11).
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum 13 ta’ Ġunju, tifkira ta’ Sant’Antnin ta’ Padova.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Aqra verżjoni PDF: 54-2017-tberik-tal-muzajci-tar-ruzarju.pdf
English PDF version: 54-2017-blessing-of-the-rosary-mosaics.pdf