50/2016
Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
IL-KURĊIFISS RAKKONT TAS-SABAR U L-MIŻERIKORDJA TA’ ALLA
Jekk ħafna saru jitilfu l-paċenzja, hemm wieħed li s-sabar tiegħu jiżboq lil dak li kellu Ġob. Dan huwa Alla tagħna li qatt ma jaqta’ qalbu minna l-bnedmin, li ma jegħja qatt iħobbna u juri magħna miżerikordja. Huwa Alla li “jistabar u jħenn, tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6).
Wasalna fit-tmiem tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Jiena konvint li kienu ħafna dawk li matul din is-sena ntebħu b’din il-paċenzja ta’ Alla, għamlu l-qalb, resqu għandu u saru jafu li mhux huma kienu qed jiġru wara Alla, imma li Alla, misjuq mill-ħniena, kien qed jiġri warajhom. Jien ċert li fostkom hemm min qiegħed jagħtini raġun għax ħaseb li Alla kien stmell għemilu u tbiegħed minnu, imma mbagħad sabu qiegħed jistennieh fuq l-għatba ta’ biebu, lest biex, hekk kif jiftaħlu, jidħol u joqgħod għandu.
Fil-fatt, fostna hemm min jista’ jirrakkontalna li matul din is-sena kellu konferma li l-miżerikordja ta’ Alla hija duwa li fejqitlu l-kuxjenza tiegħu ħafna drabi mniġġsa mill-mibegħda, l-egoiżmu, l-għira, il-vendetta u l-indifferenza. Min jista’ jgħid kemm penitenti approfittaw minn din is-sena ta’ grazzja u resqu jbattlu l-ixkejjer għand Ġesù, preżenti fil-persuna tal-konfessur, u hekk ħelsu minn tagħbija tqila li kienu ilhom iġorru għal snin sħaħ! X’ferħ kien hemm f’dawk il-familji li kienu miksura u mbiegħda minn xulxin, u matul dan il-Ġublew sabu x-xoqqa f’moxtha u għamlu paċi! Oħrajn inqdew b’din l-okkażjoni biex fejn setgħu raddew lura dak li kienu serqu, u fejn dan ma kienx possibbli, bħal fil-każ ta’ malafama, raw kif għamlu biex isewwu l-ħsara li għamlu.
Rajna li fuq l-istedina li għamlilna l-Papa Franġisku biex “inħennu bħalma ħanin huwa Missierna” kienu diversi, kemm individwi u kemm komunitajiet, li għamlu opri tal-ħniena. Insemmi l-proġett li għamilna bħala Djoċesi meta lqajna grupp ta’ adolexxenti mill-Iraq, u l-għadd ta’ żgħażagħ li għamlu esperjenza ta’ volontarjat fil-missjoni. Forsi l-proposti li kont għamilt meta ftaħna s-sena tal-Ġublew u baqgħu ma twettqux (1), jintlaqgħu ’l quddiem biex il-ħniena “mill-qalb tasal fl-idejn” (2).
F’ċertu sens nista’ ngħid li dan il-Ġublew inawgura staġun ġdid mhux biss għal ħafna persuni imma wkoll għalina bħala Knisja. Għalkemm aħna ġejna mitluba “nagħlqu” l-Bieb tal-Ħniena li ftaħna fil-Katidral tagħna, fis-Santwarju Ta’ Pinu u f’dak tal-Kunċizzjoni fil-Qala, jien nixtieq li għal li ġej “il-bieb tal-Knisja” jibqa’ mbexxaq għal kulħadd. Bil-paċenzja kollha l-Knisja tkompli tilqa’ u ssieħeb lil dawk li qegħdin ifittxu l-ħniena, partikularment lil dawk li jħossuhom li ma hemmx post għalihom fid-dirgħajn tal-Knisja-Omm, bħalma huma dawk li ħadu d-divorzju u daħlu fit-tieni relazzjoni; lil dawn u oħrajn li maż-żmien inqatgħu jew qtajniehom mill-komunità, għandna ntennulhom li “l-kelma ’impossibbli’ ma teżistix fid-dizzjunarju ta’ Alla” – li “Alla nnifsu huwa possibbiltà ġdida għalina l-bnedmin”.
Nitqarrqu jekk nistennew li għandna soluzzjonijiet lesti u ta’ malajr biex inħitu ċertu tiċrit li jkollna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Is-sejħa li jagħmlilna Alla hija miktuba fl-istorja tal-ħajja tagħna li fiha t-tlugħ u l-inżul tagħha. Għalhekk irid ikollna ħafna u ħafna sabar biex nintebħu x’inhi r-rotta li Alla jridna nieħdu fil-ħajja tagħna. Huwa fatt li xi drabi Alla jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Dan hu proċess li jieħu ż-żmien, u ma nagħmlux ħażin jekk nitolbu lil xi ħadd imħarreġ fil-ħwejjeġ ta’ Alla biex jgħinna f’din it-tiftixa.
Nhar il-Ħadd li ġej, Solennità ta’ Kristu Sultan, il-Papa Franġisku ser jagħlaq il-Ġublew tal-Ħniena f’Ruma. F’għaqda mal-Papa, dakinhar waranofsinhar ser nagħmlu manifestazzjoni quddiem il-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, ir-Rabat. Sejrin niltaqgħu madwar il-Kurċifiss Mirakuluż miżmum b’għożża u devozzjoni minn dawn il-patrijiet. Il-qofol ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ser ikun il-Kurċifiss, li huwa r-rakkont tal-ħniena u s-sabar ta’ Alla. Fi kliem San Bernard, “mill-pjagi ta’ Ġesù msallab jiena nerda’ l-għasel mill-irdum u ż-żejt mill-blat taż-żnied (ara Dewt 2:1), fis-sens li nduq kemm hu tajjeb il-Mulej” (3). Il-Qaddis Abbati ta’ Clairvaux ikompli jgħid li aħna nistgħu nserrħu rasna biss fuq il-ħniena divina: “Il-mertu tagħna huwa l-miżerikordja ta’ Alla. Żgur li mhux ser insib ruħi mingħajr merti sakemm Hu jkun għani fil-ħniena. Jekk il-ħniena ta’ Alla hija kotrana, daqshekk ieħor huma l-merti tiegħi… u jekk il-kuxjenza tniggiżna għax ikollna ħafna dnubiet, niftakru li fejn kotor id-dnub kotrot il-grazzja” (4).
Għalhekk nagħmel sejħa lill-Poplu ta’ Alla kollu, partikularment lil dawk li għadhom mhumiex konvinti mis-sabar ta’ Alla u għalhekk ma kellhomx il-kuraġġ jiftħu qalbhom għall-ħniena tiegħu, biex nhar il-Ħadd, 20 ta’ dan, niltaqgħu madwar il-Kurċifiss, u lil Ġesù msallab ngħidulu dak li darba San Franġisk ta’ Assisi qal lil wieħed mis-superjuri: “Agħmel li ma jkun hawn ebda persuna fid-dinja li tkun għamlet id-dnub u wara li tkun rat il-ħarsa ta’ għajnejk, ma titlaqx lura mingħajr il-maħfra tiegħek, jekk titlobhielek; u jekk ma titolbokx li taħfrilha, kun int li tistaqsiha jekk tridx tirċievi l-maħfra” (5).
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum, il-Ħamis 10 ta’ Novembru 2016.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
(1) “Tħallux idejkom jintelqu”, Omelija tal-Ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex, 13 ta’ Diċembru 2015.
(2) Katekeżi tal-Udjenza tal-Papa Franġisku, 10 ta’ Awwissu 2016.
(3) Omelija dwar l-Għanja tal-Għanjiet, 61,4.
(4) Ibid., 5.
(5) Ittra lill-Ministru, FF, n. 235.