L-Isqof ta’ Għawdex dwar il-150 anniversarju tas-Seminarju

 

img_6368.jpg

Omelija fil-150 Anniversarju tas-Seminarju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IS-SEMINARJU SKOLA TA’ DIXXERNIMENT

Meta marret għand Eliżabetta, Marija marret ukoll biex tivverifika dak li kien qalilha l-anġlu meta dehrilha f’Nazaret. Dakinhar l-anġlu kkomunikalha li kienet ser tkun Omm Alla, u bħala prova ta’ dan qalilha li qaribtha Eliżabetta wkoll kienet nisslet iben fi ħdanha… “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Marija, oħtna fil-mixja tal-fidi, tmur Għajn Karem biex tmiss b’idejha dak li qalilha l-anġlu u tikkonferma li l-kelma “impossibbli” ma teżistix fid-dizzjunarju ta’ Alla.

Kemm għandna bżonn nisimgħu din il-bxara t-tajba li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir! Anki jien, isqof, jeħtieġli nismagħha kuljum, għax fil-ħajja jkun hemm mumenti tqal.

Il-fatt li fid-Djoċesi ċkejkna tagħna għandna Seminarju li ilu mija u ħamsin sena mwaqqaf huwa prova oħra li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. Minkejja l-limitazzjoni ta’ djoċesi, matul dawn is-snin is-Seminarju kien għajn ta’ kotra ta’ barkiet. Aktar minn sitt mitt saċerdot ħarġu minn dan is-Seminarju biex jaqdu lill-Knisja kemm f’Għawdex, f’Malta u kemm f’pajjiżi tal-missjoni. ’Il fuq minn sitt elef student irċevew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f’din l-istituzzjoni. Kieku ta’ qabilna mxew u aħna nimxu bil-kejl uman, kieku naslu biex ngħidu li dan is-Seminarju mhux f’postu f’din id-djoċesi; imma aħna nemmnu li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. Għalhekk aħna impenjati li dak li writna minn ta’ qabilna ngħadduh lil ta’ warajna.

Fid-Djoċesi s-Seminarju huwa meħtieġ biex jgħin lill-bniedem jagħraf li ħadd ma għadu jaqta’ qalbu minn ħadd – li ħadd ma huwa għar-rimi. Wieħed jista’ jkun għadu żgħir u jaħbat jaqta’ qalbu għax jiġu waqtiet fejn quddiemu jara ħajt għoli li ma jkunx jista’ jaqbżu. Jien nixtieq li s-Seminarju tagħna jkun preżenza li direttament jew indirettament iwettaq lill-bniedem fil-konvinzjoni li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir u għalhekk ebda persuna ma hija impossibbli!

Dan jgħodd għas-Seminarju Minuri li jilqa’ fi ħdanu numru sabiħ ta’ adolexxenti. Inħeġġeġ lill-għalliema, kollaboraturi tagħna f’din l-esperjenza ta’ Knisja li qed issir fl-iskola, biex ma nwarrbu ebda student. Għall-kuntrarju għandna nfittxu li ngħinu lill-istudenti jkomplu jtellgħu mill-qiegħ nett il-ħiliet moħbija li għandhom. Ħasra li student jintefa’ lura għax jaħseb li ma għandux dawk il-ħiliet biex jilħaq ċerti għanijiet fil-ħajja. Inkunu nagħmlu dmirna jekk ngħinu lill-istudenti jemmnu aktar fihom infushom, għax għal Alla li qiegħed magħhom ma hemm xejn li ma jistax isir. Is-Seminarju taż-żgħar huwa skola vokazzjonali fis-sens li jakkumpanja lill-istudenti jiskopru x’direzzjoni ser jieħdu fil-ħajja. Mhux sew li student ikun jixtieq jilħaq għan f’ħajtu, imma ma jkollux kuraġġ ikompli. Għalhekk ngħinu lill-istudenti jafdaw f’dak Alla li għalih ma hemm xejn li ma jistax isir!

Is-Seminarju huwa wkoll dik id-dar fejn xi ġuvintur jiġu ffurmati għas-saċerdozju. Bħala saċerdoti huma jithejjew ħalli bil-Vanġelu f’idejhom jagħmlu l-qalb lil min qata’ qalbu, jixegħlu l-fjamma tat-tama lil min ikun tilef kull tama, u lil min iħossu ċkejken u ma jiswa għal xejn ifakkruh li jiswa ħafna għax huwa maħbub minn Alla. Hemm bnedmin li jaqtgħu qalbhom mhux biss mill-isfidi tal-ħajja, imma, konxji mil-limitazzjonijiet tagħhom, jaqtgħu qalbhom li jistgħu jwieġbu bil-fedeltà lil Alla.

Bl-għan li ngħinu lil dawn il-persuni, is-Seminarju jrid ikun dar ta’ formazzjoni li toffri lilna s-saċerdoti taħriġ fl-arti tad-dixxerniment. Iż-żjara ta’ Marija għand Eliżabetta kienet parti mill-proċess tad-dixxerniment. Marija mhux biss semgħet il-Kelma, imma riedet tivverifika r-realtà. Bħal Marija, il-bniedem ukoll ikollu bżonn jistħarreġ sewwa kif għandu jwieġeb lil Alla li jsejjaħlu.

Għalhekk, il-vokazzjoni tagħna s-saċerdoti hija li nassistu lill-bniedem f’dan il-proċess ta’ dixxerniment. Għal Alla mhux kollox hu abjad jew iswed, kif sfortunatament ħafna jaħsbu. Aħna ma għandniex riċetti miktuba fil-kexxun biex fil-pront innewluhom meta tasal f’widnejna l-karba għat-tama. F’Alla hemm ħafna sfumaturi tal-griż. Permezz tad-dixxerniment aħna rridu niskopru x’inhi t-tweġiba tal-individwu quddiem dak li Alla jkun qed jitlob minnu. Jekk naraw biss abjad jew iswed, inkunu nagħlqu l-bieb tal-grazzja ta’ Alla li tista’ tibdel il-bniedem. Ilkoll għandna bżonn id-dixxerniment, anki aħna s-saċerdoti. Ma nilagħbux mad-dixxerniment – ma nilagħbux mal-Ispirtu ta’ Alla. Ma aħniex meħlusa mit-tentazzjoni li nużaw id-dixxerniment bħala tarka biex nieqfu lill-Ispirtu. Fil-proċess tad-dixxerniment għandna l-għajnuna ta’ dawk li Alla qiegħed biex jgħinuna. Għandna l-għajnuna tal-Papa, u fid-Djoċesi jien nipprova nagħmel ħilti biex noffri din l-għajnuna, partikularment lilkom is-saċerdoti, kemm biex tagħmlu d-dixxerniment personali u kemm biex bħala ministri tgħinu lill-oħrajn.

Huwa minnu li hemm ir-regoli ġenerali, imma dawn irridu napplikawhom fl-istorja, fiċ-ċirkustanzi u fir-realtà li fihom ikun qed jgħix il-bniedem. Hawn trid tidher il-ħila tas-saċerdot. Mhux meta jiddikjara l-abjad u l-iswed. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Amoris lætitia – li nixtieq li tinqara u tiġi applikata –, il-Papa Franġisku jtenni li d-dixxerniment “jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna… Niftakru li pass ċkejken qalb il-limitazzjonijiet kbar umani jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti” (AL, 305). Id-dixxernment jgħinna napplikaw il-prinċipji ġenerali għall-każi partikulari, u aktar ma wieħed jinżel fis-sitwazzjonijiet partikulari, aktar tikber l-indeterminazzjoni – dan tagħlim ta’ San Tumas. Il-Mulej għalhekk sejħilna u riedna fis-Seminarju – mhux biex nitgħallmu t-teoloġija bl-amment, imma biex bl-għajnuna tat-tagħlim, għarkupptejna quddiem Alla, nitgħallmu din l-arti li tgħin lill-bniedem fil-mixja spiritwali tiegħu.

Illum festa ta’ San Karlu Borromeo li ta sehmu biex saret ir-riforma li xtaqet il-Knisja permezz tal-Konċilju ta’ Trento. Jien nixtieq lis-Seminarju tagħna jgħinna npoġġu fil-prattika t-tiġdid li trid il-Knisja llum. Barra minn hekk, San Karlu kellu bħala motto tiegħu l-kelma humilitas. Kif fil-każ tal-Verġni Marija kienet l-umiltà li għenitha tagħraf u taċċetta r-rieda ta’ Alla għaliha, bl-umiltà nakkumpanjaw il-kuxjenza li permezz tagħha l-bniedem irid jiddixxerni u jwieġeb għar-rieda ta’ Alla. B’ħafna umiltà ngħinu wkoll biex ikun hemm dixxerniment tal-proċess storiku li qegħdin ngħixu llum, għax anki jekk hija storja lajka, hemm fiha s-semina Verbi – hemm il-grazzja ta’ Alla. Aħna li aħna mdorrijin ngħixu f’soċjetà Nisranija rridu nkunu umli biżżejjed li nirrikonoxxu li l-Ispirtu ta’ Alla jaf isib modi inediti kif ikun preżenti f’soċjetà sekularizzata bħal tagħna. Għalhekk, flok ma naqtgħu qalbna, flok ma nirrassenjaw ruħna u nqisu d-dinja bħala realtà impossibbli, infittxu niddixxernu dawn il-manifestazzjonijiet ġodda tal-Ispirtu ta’ Alla fid-dinja tal-lum. F’dan il-kuntest, nawgura li s-Seminarju tad-Djoċesi jgħin biex iseħħ dan il-proċess.

Ritratt: Betty Bugeja