Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika

Omelija fil-ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika
Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ak1.jpg

DAKKARA TAL-FIDI

Kemm huwa minnu kliem il-profeta Isaija meta jgħid li l-bniedem mingħajr fidi ma jibqax sħiħ (ara 7:9)! Ħarsa ħafifa madwarna tagħtina konferma ta’ dan. Fil-fatt, waqt li l-fidi tal-poplu tagħna qiegħda tnin, qed naraw jiġġarrfu saħansitra bastjuni li konna konvinti li ħadd u xejn ma kien ser ibattihom. Biex nindika eżempju wieħed, min kien jgħidilna li s-soċjetà tagħna ser tibda tarma biex titfa’ taħt riġlejha l-ħajja umana li tkun għadha fil-ġuf?

Huwa fatt li llum qegħdin ngħixu f’kultura fejn faċli nkunu ttentati naħsbu li nistgħu nfendu mingħajr Alla. It-teknoloġija, il-kisbiet xjentifiċi u l-firxa tal-ġid materjali faċli jikkonvinċuna li kollox huwa umanament possibbli u għaldaqstant nistgħu nsolvu l-enigma tal-ħajja. F’dan il-kuntest, Alla joħroġ mix-xena u għalhekk illum id-diskors dwar il-fidi jsir qisu frotta barra minn żmienha.

Dan il-proċess ilu sew li beda. Il-Papa Benedittu XVI jinnota li diġà fis-snin ħamsin tas-seklu li għadda dawk il-pajjiżi li kellhom tradizzjoni Nisranija antika kienu bdew jitqiesu bħala “art tal-missjoni”. F’dan il-kuntest il-Knisja għarfet il-ħtieġa li tħabbar il-Vanġelu mill-ġdid lis-soċjetà sekularizzata, l-ewwel billi terġa’ tqiegħed fiċ-ċentru tal-messaġġ tagħha lil Kristu bħala dak li jaqta’ x-xewqat tal-bniedem ta’ kull żmien, it-tieni billi tara li twassal il-messaġġ tagħha b’mod li jinftiehem f’kuntest soċjali u kulturali li kien qed jinbidel. Konsegwenza ta’ dan, il-Knisja ċċelebrat il-Konċilju Vatikan II  (ara Angelus, 28 ta’ Ottubru 2012). Għalkemm għaddew sittin sena minn dan il-Konċilju, inħoss li jekk bħala Knisja lokali tassew irridu nkunu “Knisja fid-dinja tal-lum”, għad fadlilna ħafna x’nomogħdu mit-tagħlim tiegħu biex inkunu relevanti għall-bniedem tal-lum.

Il-Papa Franġisku huwa don minn Alla li qed jgħin lill-Knisja tagħmel tagħha l-viżjoni li l-Ispirtu s-Santu nebbaħha biha permezz tal-Konċilju. Fil-fatt, fl-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-Vanġelu – li nirrakkomanda li wieħed jaqraha u jistudjaha –, il-Papa Franġisku jgħidilna li l-Knisja trid tkun missjunarja: “Hu essenzjali li llum il-Knisja toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd, kullimkien, f’kull okkażjoni, bla tnikkir, bla qatt tiċħdu u bla biża’. Il-ferħ tal-Vanġelu hu għall-poplu kollu, ma jista’ jħalli ’l ħadd barra” (23). Il-Papa jkompli jisħaq li “l-azzjoni missjunarja hi l-mudell ta’ kull ħidma tal-Knisja… Ma nistgħux nibqgħu iżjed bi kwietna, fi stennija passiva, ġol-knejjes tagħna” u għalhekk jeħtieġ ngħaddu “minn pastorali ta’ sempliċi konservazzjoni għal pastorali deċiżivament missjunarja” (15). Dan jgħodd għall-Knisja f’Għawdex u napplikah ukoll għall-Azzjoni Kattolika fid-Djoċesi. Mingħajr ma nittraskuraw lil dawk li jemmnu ħalli jkomplu jikbru fil-fidi, niftakru f’dawk li rċivew il-Magħmudija imma ma għadhomx iħossu l-faraġ tal-fidi u nqatgħu mill-Knisja. Fostna għandna wkoll lil min ma jafx bi Kristu u l-Knisja tiegħu.

F’dan ir-rigward inħoss li għandna ninvestu aktar fil-katekeżi tal-adulti, li minn xi daqqiet forsi aħjar tissejjaħ evanġelizzazzjoni tal-adulti. Għalkemm id-duttrina lit-tfal għandha l-valur pedagoġiku tagħha, huma l-adulti d-destinatarji tal-messaġġ tal-Vanġelu, għaliex meta l-bniedem jikber, huwa jkun kapaċi jixtarr il-benna tal-Bxara t-Tajba u jagħmel għażla ħielsa li jidħol f’relazzjoni matura ma’ Ġesù Kristu. Għalkemm fid-Djoċesi għandna diversi opportunitajiet li joffru katekeżi lill-kbar, inħoss li nistgħu nagħmlu aktar, partikularment għal dawk li jinsabu fit-trufijiet tal-komunità ekkleżjali. X’proposta tista’ ssir lill-barranin (Kattoliċi/Insara) li huma residenti fid-Djoċesi? Qatt ħsibna li nagħmlu l-ewwel tħabbira lil xi wħud mill-immigranti (refuġjati) li hawn fostna?

Biex inkunu nistgħu nwettqu din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida biex niddisponu lill-bniedem jinfetaħ għad-don tal-fidi, fi kliem il-Papa Franġisku għandna bżonn tal-“konverżjoni pastorali” (EG, 26), għax jekk ma jseħħx dan it-tibdil jew aġġornament, ħafna affarijiet jistgħu “jikkundizzjonaw id-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni”. L-ewwel u qabel kollox dan il-proċess ta’ tiġdid neħtiġuh fuq livell individwali u personali billi kontinwament nagħmlu konfront mal-Kelma ta’ Alla li tgħinna “nikkonvertu” kuljum. Għalkemm ninsabu mixjin wara Ġesù, aħna lkoll midinbin u bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, kuljum infittxu nagħmlu esperjenza tal-Ħniena divina li tfejjaq il-ġrieħi tagħna u fl-istess waqt tagħtina l-qawwa biex nibqgħu mixjin warajh flimkien mal-ġemgħa.

Imma mbagħad irid ikun hemm il-“konverżjoni” tal-istrutturi, anki dawk tajbin: “L-istrutturi tajbin jiswew meta huma mħarrka, imwieżna u ġġudikati minn xi ħaġa ħajja. Mingħajr ħajja ġdida u spirtu evanġeliku awtentiku, mingħajr il-‘fedeltà tal-Knisja lejn l-istess vokazzjoni tagħha’, kull struttura ġdida fi żmien qasir tispiċċa titħassar minn ġewwa” (EG, 27). Dan jgħodd ukoll għat-tip ta’ ħidmiet jew inizjattivi pastorali li aħna nwettqu. Spiss il-mod kif inwasslu l-messaġġ tal-Knisja jitqies bħala wieħed antik li kien jagħmel sens biss fl-imgħoddi. Il-problema mhix il-qalba tal-messaġġ daqskemm il-formula u l-mod kif nikkomunikawh. Għandna bżonn il-kuraġġ nagħmlu t-tibdil biex il-Vanġelu jkun kontemporanju għad-dinja tal-lum. Mhux ser nibdlu l-verità, imma rridu nsibu l-esperjenza li għandha tgħin biex il-verità tiftiehem illum. Jekk ma narawx dan l-isforz ta’ tiġdid, anki l-Azzjoni Kattolika, il-Knisja, tkompli titqadded! L-essenza tal-fidi ma tikkonsistix fil-konfront ma’ formulazzjoni, imma ma’ xi ħadd wisq akbar, Alla. Għax qabel ma hemm il-kliem li jitkellem u jfisser il-misteru, hemm ir-realtà ta’ Alla.

Jekk irridu nkunu Knisja li titwemmen, irridu nkunu ħbieb tal-foqra. “Fil-qalba tal-Vanġelu nagħrfu r-rabta mill-qrib bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana, li bilfors trid tesprimi ruħha u tiżviluppa fil-ħidma kollha tal-evanġelizzazzjoni. L-aċċettazzjoni tal-ewwel tħabbira, li tistedinna nħallu lil Alla jħobbna u nħobbuh bl-istess imħabba li Hu jagħtina, tqanqal fil-ħajja tal-persuna u fl-għemejjel tagħha l-ewwel reazzjoni fundamentali: li tixtieq, tfittex u jkollha għal qalbha l-ġid tal-oħrajn” (EG, 178). Għalina l-għażla favur il-foqra mhix kategorija kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika, imma teoloġika. Fil-fatt aħna nemmnu li meta Kristu sar bniedem, Alla sar fqir, biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna. Barra minn hekk, bit-tbatijiet tagħhom il-foqra jiltaqgħu ma’ Kristu li jbati. Fihom aħna msejħin niskopru lil Kristu – għax meta nieqfu magħhom inkunu nieqfu miegħu – Ġesù li jgħidilna li kien bil-ġuħ u tmajnieh, kien għeri u libbisnieh, u l-bqija. Għaldaqstant, inħeġġiġkom biex bħala Azzjoni Kattolika tkattru l-ħidma soċjali tagħkom biex tkunu qrib il-foqra ta’ żminijietna. Forsi llum minħabba s-servizzi u l-għajnuniet soċjali li jipprovdi l-Istat, il-foqra ma humiex nieqsa mill-ikel u x-xorb, imma żgur li japprezzaw l-attenzjoni, il-kura u l-imħabba personalizzata li nistgħu noffrulhom. Kif josserva l-Papa Franġisku, “mingħajr l-għażla preferenzjali għall-iżjed foqra, l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, li fiha nfisha hija l-ewwel forma ta’ karità, tkun fil-periklu li tkun mifhuma ħażin jew li tkun maħnuqa minn kwantità ta’ kliem li bih ninsabu mdawrin fis-soċjetà ta’ komunikazzjoni fi żmienna” (EG, 199).

Meta nqisu li s-sentiment reliġjuż għandu għeruqu fil-qalb ta’ kull bniedem, kull bniedem għandu fih il-fjamma tal-fidi tixgħel. Napprezza l-preżenza tagħkom il-membri tal-Azzjoni Kattolika, għax permezz tax-xhieda u l-appostolat tagħkom l-Ispirtu ta’ Alla jista’ jonfoħ biex ikebbes il-fidi f’ġensna llum. Intom dakkara tal-fidi! Hekk, meta Bin il-Bniedem jerġa’ jiġi fuq l-art, isib il-fidi (ara Lq 18:8) u l-bniedem jibqa’ sħiħ (Is 7:9).