L-ISQOF TA’ GĦAWDEX FUQ ŻJARA PASTORALI FIL-KANADA

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
13 ta’ Mejju 2016
zjara-pastorali-tal-isqof-mario-grech-fil-kanada-2016-2.jpg

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, bħalissa jinsab fuq żjara pastorali ta’ sitt ijiem f’Toronto fejn iltaqa’ mal-Kardinal Arċisqof ta’ Toronto u żar il-parroċċi tas-saċerdoti Għawdxin fil-Kanada.

Fi tliet mumenti differenti hu amministra s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni lil madwar mitejn adolexxent li jattendu t-tliet skejjel sekondarji li għandha l-Parroċċa ta’ St John Fisher, immexxija mill-Kappillan Dun Alfred Grima, saċerdot Għawdxi li ilu ħamsa u għoxrin sena fit-tmun ta’ din il-parroċċa.

L-Isqof Grech kellu wkoll laqgħa mal-Kardinal Thomas Collins, Arċisqof ta’ Toronto, li matulha tkellmu fuq kif il-Knisja tista’ tindirizza l-isfidi li ġejjin minn soċjetà sekularizzata. Bħalissa fil-Kanada s-soċjetà ċivili qed tikkunsidra li ddaħħal l-ewtanasja.

zjara-pastorali-tal-isqof-mario-grech-fil-kanada-2016-1.jpg

L-Isqof Grech iddiskuta wkoll mal-Kardinal argumenti li jolqtu lis-saċerdoti mid-Djoċesi ta’ Għawdex li bħalissa qed jaqdu l-ministeru tagħhom f’din il-belt: Dun Alfred Grima mix-Xewkija, Dun Joseph Sultana mix-Xagħra, Dun Joseph Grima mix-Xewkija, u Dun Christopher Cauchi mill-Għarb.

Il-Kardinal Collins kellu kliem ta’ ġieħ għas-saċerdoti Maltin u Għawdxin li qed iservu fid-Djoċesi tiegħu u faħħar il-prassi mħaddma fid-Djoċesi ta’ Għawdex li wara l-ordinazzjoni saċerdotali, is-saċerdoti kollha jkomplu japprofondixxu t-tagħlim tagħhom f’universitajiet pontifiċji f’Ruma.

Laqgħa oħra ta’ Monsinjur Grech kienet ma’ Mons. Thomas Kalarathil, responsabbli mill-priest personnel. “Meta wieħed iqis li din is-sena fid-Djoċesi ta’ Toronto tnejn biss kienu ordnati saċerdoti, huwa evidenti kemm hawn bżonn ta’ saċerdoti”, ikkummenta l-Isqof Grech.

Hu kellu wkoll laqgħa ma’ grupp ta’ emigranti Maltin stabbiliti f’Toronto bil-familji tagħhom.

zjara-pastorali-tal-isqof-mario-grech-fil-kanada-2016-5.jpg

L-Isqof ta’ Għawdex żar il-Parroċċa ta’ San Franġisk de Sales immexxija minn Dun Joseph Grima, li ilu l-Kanada sittax-il sena. Din hija t-tielet sena tiegħu bħala Kappillan ta’ din il-parroċċa li għandha 6,400 familja rreġistrata. Qabel huwa kien Vigarju Parrokkjali f’parroċċi oħra u sitt snin Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Grima din is-sena kellu ħames mitt adolexxent għall-Griżma.

L-aħħar laqgħa ta’ Mons. Isqof kienet ma’ Dun Christopher Cauchi, attwalment responsabbli min-Newman Centre, li jieħu ħsieb il-pastorali fl-Università ta’ Toronto. Dan l-aħħar il-Kardinal Collins sejjaħ lil Fr Cauchi biex mill-1 ta’ Lulju li ġej ikun id-Direttur djoċesan fil-Kurja fl-Uffiċju għall-Katekeżi u l-Liturġija.

Iż-żjara pastorali tal-Isqof Grech fil-Kanada tissokta sa nhar il-Ħadd li ġej.