Imniedi l-Proġett Merħba - Żgħażagħ Insara mill-Iraq se jinġiebu Għawdex

UFFIĊĊJU STAMPA KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
27 ta’ April 2016

logo-progett-merhba-web.jpg

PROĠETT MERĦBA
ID-DJOĊESI KATTOLIKA U L-KOMUNITÀ ANGLIKANA F’GĦAWDEX
JOSPITAW GRUPP TA’ STUDENTI NSARA MILL-IRAQ

Id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Komunità Anglikana qed iniedu l-Proġett Merħba: proġett ta’ akkoljenza ta’ grupp ta’ erbgħa u għoxrin student u studenta Nisranija, ta’ bejn it-tnax u s-sittax-il sena, minn Erbil, fl-Iraq. Il-grupp sa jiġi ospitat f’appartament tal-Kurja f’Marsalforn, bejn il-25 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2016. Il-viżjoni ta’ dan  il-proġett hi li jservi ta’ programm ta’ skambju edukattiv li jqiegħed fil-prattika l-prinċipji fundamentali umani ta’ ħbiberija u mħabba, u jseddaq it-tama għal futur aħjar.

progett-merhba-banner.jpgProposti konkreti għas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena
Fl-aħħar snin il-Knisja Kattolika f’Għawdex qajmet diversi drabi d-diskussjoni dwar ir-refuġjati li jaslu f’pajjiżna, u l-modi kif bħala Knisja lokali tista’ tikkontribwixxi b’mod konkret, skont il-mezzi tagħha, biex tgħin lil dawn il-persuni. Iktar minn darba Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, issuġġerixxa l-possibbiltà li tiġi ospitata familja ta’ refuġjati fil-parroċċi Għawdxin. Twaqqfet ukoll kummissjoni ad hoc, immexxija minn Dun Manwel Cordina, biex tagħmel studju u tressaq proposti għal linji gwida ta’ azzjoni pastorali f’dan il-qasam. L-għajnuna lir-refuġjati hija parti mill-viżjoni pastorali mniżżla fil-Pjan Pastorali Djoċesan 2013-2016 (n. 17), u l-Papa Franġisku qajjem dan is-suġġett mill-ġdid fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena, fejn issuġġerixxa li kull parroċċa tospita familja ta’ refuġjati.

Id-Djoċesi Għawdxija, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Emigranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, offriet id-disponibbiltà li tospita żewġ familji ta’ refuġjati, u dan fil-fatt diġà qed iseħħ fl-appartamenti tal-Moviment Azzjoni Soċjali f’Għajnsielem, li huma amministrati mill-Kurja ta’ Għawdex, fejn tinsab ospitata familja ta’ fidi Ortodossa ta’ rit Kopt, mill-Eġittu. Id-Djoċesi ta’ Għawdex marbuta li ssostniha għal massimu ta’ sena.

Biex jiġu megħjuna dawn iż-żewġ familji ta’ refuġjati li qed tospita l-Knisja f’Għawdex, twaqqaf kumitat apposta li, flimkien mal-Caritas, isegwi lil dawn il-familji. Barra minn hekk, twaqqaf ukoll fond speċjali, biex imbagħad l-ispejjeż meħtieġa jinqasmu bejn il-parroċċi.

Riċentement, l-Isqof ta’ Għawdex kien issuġġerixxa wkoll li matul il-Ġublew tal-Ħniena, il-parroċċi jiddedikaw ġabra fix-xahar biex jitwaqqaf fond tal-karità.

ritratti-konferenza-toni-farrugia-4.jpg

Il-Proġett Merħba
Il-Proġett Merħba, fi sħab mal-Komunità Anglikana f’Għawdex, jikkumplimenta l-proġett diġà msemmi, u dawn flimkien se jkunu ż-żewġ ġesti primarji ta’ karità u solidarjetà tal-Knisja lokali għal dan il-Ġublew.

L-idea oriġinali li jiġi ospitat fostna grupp ta’ żgħażagħ Insara mill-Iraq telqet miż-żjara f’Malta tas-saċerdot mill-Iraq Fr Douglas Bazi f’Ġunju tas-sena l-oħra (ara http://www.timesofmalta.com/articles/view/20150630/local/living-martyr-priest-who-defied-his-iraqi-torturers.574610). Fr Douglas jieħu ħsieb parroċċa f’Erbil, li qed tospita – fost l-oħrajn f’kampijiet – bosta refuġjati minn Mosul u nħawi oħra tal-qrib, li sfaw vittmi tal-persekuzzjoni mill-fundamentalisti Islamiċi.

Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat apposta li ilu jiltaqa’ għal diversi xhur, biex jaħdem fuq il-proġett, iħejji inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi, u jipprogramma ż-żjara.

Fil-kuntest tal-opra tal-ġniena “Ilqa’ lill-barrani”, il-Proġett Merħba hu opra ta’ solidarjetà ma’ aħwa Nsara minn art ippersegwitata, li għandu riżonanza iktar qawwija f’dan il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Hu wkoll inizjattiva sabiħa ekumenika bejn il-Knisja Kattolika u dik Anglikana fil-qasam tal-karità mal-aħwa Nsara. Fuq kollox, hu okkażjoni ta’ skambju edukattiv, reliġjuż u kulturali bejn żewġ popli, speċjalment fil-qasam tal-formazzjoni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

Kif talab il-Papa, dan hu wkoll “monument ħaj” ta’ din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, kif ukoll tal-150 Anniversarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebrat fl-2014.

Biex jinġabru l-fondi kollha meħtieġa għal dan il-proġett, li jiddipendi totalment mill-għajnuna tal-isponsors u l-ġenerożità tal-poplu, ġa bdew jittieħdu diversi inizjattivi, fosthom Kampanja ta’ Karità bi ġbir ta’ oġġetti użati u anki mkissrin tar-ram, il-bronż u n-nikil. Hemm kumpaniji Għawdxin li diġà offrew għajnuniet b’oġġetti ta’ ikel u servizzi oħra għal waqt iż-żjara ta’ dawn iż-żgħażagħ.

Il-pubbliku jista’ wkoll jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu lill-Proġett Merħba, Il-Kurja tal-Isqof, Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex, jew direttament fuq il-kont bankarju tal-APS: 2000 1776 060 (Diocese of Gozo a/c – Proġett Merħba Iraq).