L-Isqof Grech iħeġġeġ lil min jgħaddi minnu jitlob għall-vokazzjonijiet
It-tielet u l-aħħar Bieb Imqaddes tal-Ħniena li nfetaħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex kien dak tas-Santwarju antik tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala. Iċ-ċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, saret nhar it-Tlieta 2 ta’ Frar 2016, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Erwieħ Ikkonsagrati u l-għeluq tas-Sena ddedikata lilhom.
Il-funzjoni bdiet fis-5.45pm bit-tberik tax-xemgħa tal-Gandlora maġenb is-Salib tal-Pjazza quddiem is-Santwarju. Fiha ħadu sehem bosta saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u persuni ta’ ħajja kkonsagrata, flimkien mal-poplu tal-Qala u minn Għawdex kollu.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof tkellem dwar il-wegħdiet ta’ Alla, li hu dejjem fidil u jżomm kelmtu mal-bniedem. Xmun u Anna, iż-żewġ xjuħ twajba li kienu jistennew il-fidwa ta’ Israel, kif ukoll il-ġenituri ta’ Ġesù li ħaduh fit-Tempju jippreżentawh lill-Mulej, huma sinjali ta’ din il-fiduċja f’Alla li jżomm kelmtu u jwettaq dak li jwiegħed.
“Magħna Alla għamel wegħda, u ma jerġax lura minnha”, saħaq l-Isqof. Hu għamel riferenza partikulari għall-persuni tal-ħajja kkonsagrata li huma “il-garanzija li Alla hu fidil u jżomm il-wegħdiet tiegħu”. Talabhom biex anki huma jżommu l-wegħda li għamlu ma’ Alla, l-istess kif mill-miżżewġin hu mistenni li jżommu l-wegħdiet solenni tagħhom.
L-Isqof fakkar ukoll fi ġrajja li seħħet erba’ mitt sena ilu, meta l-poplu Għawdxi għamel pellegrinaġġ mill-Matriċi għall-Qala – l-ibgħad raħal mir-Rabat b’distanza ta’ disa’ kilometri – b’radd il-ħajr lil Alla għax-xita. L-Għawdxin ta’ dari kienu fiduċjużi fil-wegħdiet ta’ Alla u fil-ħarsien ta’ Ommna Marija, tenna l-Isqof Grech, u hekk għandna nkunu llum ukoll quddiem il-wegħda li Alla juri ħniena magħna.
Monsinjur Grech wera s-sodisfazzjon tiegħu li fil-Knisja f’Għawdex għandna mħabba kbira għall-missjoni. Hu insista li jeħtieġ nibqgħu nitolbu għal iżjed vokazzjonijiet, ħalli Alla jkompli jwettaq il-wegħdiet tiegħu, u talab lil kull min jgħaddi minn dan il-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew biex jagħmel talba għall-vokazzjonijiet fid-Djoċesi Għawdxija.
Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata taħt tinda kbira li ntramat faċċata tas-Santwarju u kienet animata mill-Kor tal-Parroċċa. “Anki din it-tinda li ninsabu taħtha”, qal l-Isqof, “donnha trid tfakkarna li Alla jżomm kelmtu u jinżel jgħammar mal-bnedmin”.
Ma’ tmiem il-Quddiesa, il-kongregazzjoni mxiet f’purċissjoni wara Monsinjur Isqof għall-ftuħ tal-Bieb Imqaddes. Fis-Santwarju, ingħatat qima lill-Ikona ta’ Wiċċ il-Ħniena u mbagħad kulħadd kanta s-Salve Regina quddiem il-kwadru tal-Kunċizzjoni.
Għall-okkażjoni, fit-tinda fejn ġiet iċċelebrata l-Quddiesa ġie espost ukoll il-kwadru titulari l-qadim li kien meqjum fis-Santwarju qabel is-sena 1615, u li juri t-Tlugħ tal-Verġni Mbierka fis-Sema.
Il-funzjoni kienet imxandra fuq Radju Marija u Radju Leħen il-Qala.
Ritratt: Frankie Buttigieg