F’Għawdex jinfetaħ it-tielet Bieb tal-Ħniena

L-Isqof Grech iħeġġeġ lil min jgħaddi minnu jitlob għall-vokazzjonijiet

img_2244.jpgIt-tielet u l-aħħar Bieb Imqaddes tal-Ħniena li nfetaħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex kien dak tas-Santwarju antik tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala.  Iċ-ċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, saret nhar it-Tlieta 2 ta’ Frar 2016, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Erwieħ Ikkonsagrati u l-għeluq tas-Sena ddedikata lilhom.

Il-funzjoni bdiet fis-5.45pm bit-tberik tax-xemgħa tal-Gandlora maġenb is-Salib tal-Pjazza quddiem is-Santwarju.  Fiha ħadu sehem bosta saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u persuni ta’ ħajja kkonsagrata, flimkien mal-poplu tal-Qala u minn Għawdex kollu.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof tkellem dwar il-wegħdiet ta’ Alla, li hu dejjem fidil u jżomm kelmtu mal-bniedem.  Xmun u Anna, iż-żewġ xjuħ twajba li kienu jistennew il-fidwa ta’ Israel, kif ukoll il-ġenituri ta’ Ġesù li ħaduh fit-Tempju jippreżentawh lill-Mulej, huma sinjali ta’ din il-fiduċja f’Alla li jżomm kelmtu u jwettaq dak li jwiegħed.

“Magħna Alla għamel wegħda, u ma jerġax lura minnha”, saħaq l-Isqof.  Hu għamel riferenza partikulari għall-persuni tal-ħajja kkonsagrata li huma “il-garanzija li Alla hu fidil u jżomm il-wegħdiet tiegħu”.  Talabhom biex anki huma jżommu l-wegħda li għamlu ma’ Alla, l-istess kif mill-miżżewġin hu mistenni li jżommu l-wegħdiet solenni tagħhom.

L-Isqof fakkar ukoll fi ġrajja li seħħet erba’ mitt sena ilu, meta l-poplu Għawdxi għamel pellegrinaġġ mill-Matriċi għall-Qala – l-ibgħad raħal mir-Rabat b’distanza ta’ disa’ kilometri – b’radd il-ħajr lil Alla għax-xita.  L-Għawdxin ta’ dari kienu fiduċjużi fil-wegħdiet ta’ Alla u fil-ħarsien ta’ Ommna Marija, tenna l-Isqof Grech, u hekk għandna nkunu llum ukoll quddiem il-wegħda li Alla juri ħniena magħna.

Monsinjur Grech wera s-sodisfazzjon tiegħu li fil-Knisja f’Għawdex għandna mħabba kbira għall-missjoni.  Hu insista li jeħtieġ nibqgħu nitolbu għal iżjed vokazzjonijiet, ħalli Alla jkompli jwettaq il-wegħdiet tiegħu, u talab lil kull min jgħaddi minn dan il-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew biex jagħmel talba għall-vokazzjonijiet fid-Djoċesi Għawdxija.

Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata taħt tinda kbira li ntramat faċċata tas-Santwarju u kienet animata mill-Kor tal-Parroċċa.  “Anki din it-tinda li ninsabu taħtha”, qal l-Isqof, “donnha trid tfakkarna li Alla jżomm kelmtu u jinżel jgħammar mal-bnedmin”.

Ma’ tmiem il-Quddiesa, il-kongregazzjoni mxiet f’purċissjoni wara Monsinjur Isqof għall-ftuħ tal-Bieb Imqaddes.  Fis-Santwarju, ingħatat qima lill-Ikona ta’ Wiċċ il-Ħniena u mbagħad kulħadd kanta s-Salve Regina quddiem il-kwadru tal-Kunċizzjoni.

Għall-okkażjoni, fit-tinda fejn ġiet iċċelebrata l-Quddiesa ġie espost ukoll il-kwadru titulari l-qadim li kien meqjum fis-Santwarju qabel is-sena 1615, u li juri t-Tlugħ tal-Verġni Mbierka fis-Sema.

Il-funzjoni kienet imxandra fuq Radju Marija u Radju Leħen il-Qala.

Ritratt: Frankie Buttigieg