Jitfakkar l-10 anniversarju mill-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Isqof Mario Grech

Omelija fl-Għaxar Anniversarju Episkopali
Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria
Is-Sibt 23 ta’ Jannar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_9995.JPG

FIL-ĦAJJA MA NAGĦLQU EBDA KTIEB

Kemm-il darba jiġrilna li meta nifxluha ma’ xi ħadd, “nagħlqu l-ktieb” miegħu – fis-sens li ma nkunux irridu nafu aktar bih. Hemm ulied li saħansitra għalqu l-ktieb mal-ġenituri tagħhom. Issib min għeja fiż-żwieġ tiegħu u għalaq il-ktieb! Hemm min quddiem l-isfidi kbar tal-ħajja jiddeċiedi li jagħlaq il-ktieb ta’ ħajtu u b’sens ta’ ċediment jerħi l-ankri. Fuq kollox hemm min jagħlaq il-ktieb ma’ Alla għax isib li l-ħajja Nisranija hija tqila wisq għalih!

Imma fil-Vanġelu ta’ Luqa naqraw li meta Ġesù daħal fis-sinagoga ta’ Nazareth u l-qaddej newwillu l-ktieb, Ġesù “fetaħ il-ktieb”. Hu mhux biss qara minnu, imma ta l-ħajja lill-kelma tant li qal li dik il-kelma kienet seħħet hu u jaqra.

Jien u nirrifletti dwar din il-ġrajja ftakart li l-awtur tal-ktieb tal-Apokalissi wkoll jitkellem fuq ktieb magħluq b’seba’ siġilli – dan ifisser li kien ktieb magħluq sew tant li ħadd ma seta’ jaqrah. Peress li l-komunità ma setgħetx tiftaħ dan il-ktieb, kien hemm il-biki u d-dnewwa (kif illum ukoll hemm min jibki u huwa mdejjaq għax il-ktieb tiegħu magħluq!). Imma mbagħad qam wieħed mill-ġemgħa u ħabbar li kien tfaċċa xi ħadd li seta’ jiftaħ dan il-ktieb: il-Mulej Ġesù.

F’din l-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali tiegħi, nixtieq inħares lejn il-ministeru tagħna bħala Knisja bħala servizz biex kull ktieb magħluq jinfetaħ. Żgur ma aħniex imqabbdin biex nagħlqu l-ktieb ta’ ħadd. Ebda ktieb ma għandu jingħalaq, lanqas dak li huwa mimli żbalji, jew għandu l-paġni mqattgħin, imtebbgħa jew imkemmxin. Ħasra li hawn minn għandu jdejh ħfief biex ktieb imqatta’ jew kollu żbalji jfittex jagħlqu u jagħtih il-ġenb jew jarmih.

Il-missjoni tagħna hija waħda: li quddiem il-bniedem, li huwa ktieb misterjuż u ħafna drabi magħluq, aħna ngħinu biex dan il-ktieb jerġa’ jinfetaħ. Hija s-sejħa tagħna li ktieb magħluq li jnissel id-dwejjaq aħna npoġġuh f’ħoġor il-Mulej Ġesù biex ikisser is-siġilli tiegħu. Nistħajjel li huma diversi dawk li jixtiequ jkissru s-siġilli li qed jagħlqulhom il-ktieb imma ma jistgħux. Aħna mibgħuta biex ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu li għandu l-qawwa li tkisser kull siġill li jagħlaq. Aħna msejħin biex nagħmlu l-qalb lill-bniedem ħalli ma jibżax jaqra l-ktieb ta’ ħajtu minkejja li jkun kiteb l-istorja tiegħu fuq linji mgħawġin; ngħinuh jagħti tifsira li tagħmel sens għal ħajtu, għax jekk ħajjitna tkun bis-sens, il-preżenza tagħna ġġib riżq madwarna.

Il-ġest li għamel Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazareth ifissrilna dak li Luqa għamel ma’ Teofilu. Luqa fetaħ il-ktieb tal-ħajja ta’ Ġesù għal Teofilu. Fid-dawl ta’ dan jien konvint li bħala Knisja aħna rridu nibqgħu mixjin f’din id-direzzjoni: li niftħu l-ktieb sagru biex jaqrah “Teofilu” tal-lum. Hawn tinsab ir-ruħ tal-komunità Nisranija: jekk tkun imseddqa bil-Kelma ta’ Alla. Għalina l-ktieb qaddis mhux sempliċi karta mitbugħa imma huwa l-persuna ta’ Ġesù Kristu – “il-Verb sar bniedem u għammar fostna”. Il-Kelma ta’ Alla, partikularment il-Vanġelu, tgħinna biex nixtarru aktar min hu Ġesù.

Għalhekk, filwaqt li jien grat ħafna li matul dawn l-għaxar snin bil-koperazzjoni ta’ ħafna minnkom, saċerdoti u lajċi, ħadna ċerti inizjattivi biex ftaħna l-Ktieb għall-komunitajiet tagħna, inħeġġiġkom ħalli nagħtu prijorità lil din ix-xorta ta’ ħidma pastorali u noħolqu aktar opportunitajiet fejn il-Kelma ta’ Alla ssir aktar qrib tal-bniedem. Mumenti bħal dawn joffru l-okkażjoni biex b’interpretazzjoni friska u applikazzjoni tal-Kelma għall-esperjenzi kurrenti, dejjem f’rabta mat-tradizzjoni u l-maġisteru tal-Knisja, din il-Kelma narawha sseħħ illum fil-ħajja ta’ ħafna.

Hija x-xewqa tiegħi li fid-Djoċesi tagħna nsaħħu din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u katekeżi. Inħoss li hemm lok li ninvestu aktar f’dawk il-proposti fejn flimkien nirriflettu u nitolbu permezz tal-Kelma. Bħala eżempju ta’ din il-pastorali nsemmi l-komunitajiet Ewkaristiċi u esperjenzi jixxiebhu fejn il-komunità tiltaqa’ madwar il-ktieb miftuħ tal-Kelma ta’ Alla. Għandna ċ-ċertezza li huwa f’dan il-ktieb li nistgħu nsibu s-serħan, il-gwida ta’ min joqgħod fuqha u l-qawwa ħelliesa. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu l-ministeru tal-Isqof: li jxandar il-Kelma, ifissirha u hekk biha jitma’ lill-merħla; imma dan il-ministeru ma nwettqux waħdi, imma flimkien magħkom.

Imbagħad nixtieq li niftħu aktar il-kanali tal-miżerikordja li huma s-sagramenti. Naħseb li fis-snin li għaddew ħdimna biex is-sagramenti jkunu aċċessibbli għal ħafna; imma nixtieq li jkunu miftuħin għal kulħadd, ħadd eskluż. Huwa mis-sagramenti li aħna nistgħu nirċievu l-għajnuna ta’ Alla biex inkomplu nimlew b’kitba sabiħa u pożittiva l-ktieb tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, partikularment dak tal-familji tagħna. Waħidna ma aħniex kapaċi niktbu dritt. Kollox huwa grazzja – don mogħti lilna b’xejn minn Alla. Is-sagramenti huma l-għejun ordinarji li minnhom nistgħu nimtlew bl-imħabba ta’ Alla.

Huwa fatt li fil-ħidma pastorali tagħna taf tiġina faċli li nagħlqu l-vitien tal-grazzja; imma aħna ma għandniex infittxu dak li hu ħafif, imma dak li jiswa għall-bniedem, anki jekk għalina dan jaf ikun impenjattiv ħafna. Mhux qed ngħid li issa jgħaddi kollox u nistgħu nagħtu s-sagramenti bl-addoċċ. Jien konxju mid-dgħufija tagħna l-bnedmin. Naf li l-bniedem ġust jonqos seba’ darbiet kuljum, aħseb u ara jien li m’iniex ġust! Imma minkejja d-dgħufija tagħna u l-preżenza tad-dnub f’ħajjitna, dan ma għandux iżommna lura milli nersqu biex nixorbu minn dawn l-għejun tal-grazzja. Il-fatt li l-bniedem huwa suġġett għall-iżball ma għandux iqanqal fina l-ministri tas-sagramenti dik it-tentazzjoni li nikkontrollaw min għandu jixrob minnhom jew le. Kull bniedem jirregola lilu nnifsu quddiem Alla għax kull bniedem jaf lilu nnifsu. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk kollox huwa grazzja gratuwita, meta kollox jitlaq mill-imħabba ta’ Alla lejna, żgur mhux il-każ li noqogħdu nkejlu kemm wieħed għandu jkollu merti biex ikun jista’ jersaq għas-sagramenti. Ħadd minna ma għandu xi dritt għas-sagramenti, imma aħna lkoll tallaba quddiem Alla. Hija l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li aħna nagħmlu fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti li għandha taqlagħna minn ċerti qagħdiet jew raddi biex il-ħajja tagħna nagħmluha ordnata kif jixtieqha l-Feddej. Huwa biss wara li niskopri t-tgħanniqa kollha ħlewwa tal-Missier li nasal biex nagħmel il-qalb biex inħobbu aktar. Meta l-bniedem iduq il-benna tal-miżerikordja ta’ Kristu jibda jintebaħ bil-kruha tad-dnub u jibda jħoss l-indiema u jikkonverti! Tajjeb niflu ftit dak li jikteb Missierna San Pawl: “Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla, tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb tiegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu!” (Rum 5:10).

Jien kuntent li f’dawn is-snin imxejna f’din id-direzzjoni, imma x-xewqa tiegħi hija li nimxu aktar. Meta qed nitkellmu dwar il-grazzja tas-sagramenti, qed nitkellmu fuq Ġesù nnifsu. Ġesù kien ifittex lil dawk li huma f’sitwazzjoni l-aktar imwiegħra. Hu ma kienx jesiġi li l-ewwel jinħaraq id-dnub, imbagħad jidħol hu; imma l-istess preżenza tiegħu kienet tkeċċi d-dnub.

Din l-attitudni pastorali tagħna tgħinna biex niftħu ktieb ieħor: il-qalb tagħna. Qalbna taf tkun ktieb magħluq mhux biss b’seba’ siġilli, imma b’seba’ siġilli għal sebgħa u sebgħin darba. Kellna bżonn ma jkollniex qlub issiġillati għal xulxin. Għalhekk naħdmu biex intejbu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment fil-familji tagħna. Din ix-xewqa esprimejtha għaxar snin ilu fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħi u nibqa’ ntenniha.

Imbagħad naħdmu wkoll biex niftħu qlubna biex ikunu ġenerużi mal-oħrajn – għandna bżonn niftħu l-mensa biex min ma għandux, jinqeda ma’ min għandu. Meta nħares lura lejn dawn l-għaxar snin inħoss li stajt għamilt aktar fil-qasam tal-karità – stajt imbuttajtkom aktar biex il-mensa tilqa’ madwarha lil dawk li huma fil-bżonn. Il-fatt li l-ftit ħolm li kelli ma twettaqx, ma għandux jiskuraġġina milli nkomplu nitolbu lill-Mulej jiftħilna qlubna għall-oħrajn. Din hija sfida li l-Knisja tagħna trid tilqa’ fis-snin li ġejjin.

Tliet snin ilu bdejt il-Viżta Pastorali fid-Djoċesi. Meta ħabbart din il-Viżta kont għidt li ġej inħabbat fuq il-bieb u li jekk xi ħadd jiftaħli, jien nidħol għandu. Għall-grazzja tal-ħanin Alla dawn it-tliet snin kienu esperjenza sabiħa u nista’ ngħid li qatt ma sibt bieb imbarrat għalija. Imma jien irridkom tiftħu l-bieb tal-familji tagħkom għal Ġesù Kristu. Dan għandu jkun il-kejl tas-suċċess tal-missjoni tagħna: jekk il-familja ssir tinda fejn ikun hemm post riservat għal Ġesù.

Illum qed niftaħ il-Viżta Pastorali f’din iż-żona ta’ madwar il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb. Nitlob lil Alla jgħinna biex din l-esperjenza tgħinna niltaqgħu ma’ Kristu li jiftaħ kull ktieb magħluq.

img_0024.JPG