Ekoloġija integrali tfisser rispett lejn is-saħħa tal-pazjent

konferenza-laudato-si-4.jpg

Nhar is-Sibt li għadda, 5 ta’ Diċembru 2015, kompliet f’Għawdex id-diskussjoni mibdija lbieraħ mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent f’Konferenza dwar l-enċiklika ekoloġika tal-Papa Franġisku maqsuma fuq jumejn, bit-tema “Laudato Sì: Mid-Dokument għall-Azzjoni”.

Fid-diskors li bih għalaq it-tieni sessjoni, fis-Sala tal-Kurja Veskovili f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech qal li “l-Enċiklika hija sejħa sabiex inħossuna parti mill-ħolqien fit-tisħiħ ta’ ekoloġija integrali fejn kollox hu marbut flimkien u fejn l-iżvilupp tal-bniedem hu marbut mal-kura tad-dinja, id-dar komuni tiegħu”.

Fil-kuntest ta’ ekoloġija integrali kif proposta mill-Papa, li allura trid tħares lejn l-iżvilupp sħiħ ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha, l-Isqof Grech għamel sejħa “għat-temma ta’ prattiċi fil-qasam tas-saħħa li għandhom xamma ta’ diskriminazzjoni inġusta, fejn min jiflaħ ekonomikament jiġi ppreferut fuq min hu fqir”.  Hu qal li “għal professjonist Nisrani, din hija esiġenza tal-kmandament tal-imħabba… li jħobb lill-pazjenti kollha tiegħu, u jħobbhom bħala ħutu”.

Fid-diskussjoni ta’ dalgħodu, li tmexxiet minn Dr Joseph Ellis, tkellmu Mons. Karm Refalo u Dun Gordon Refalo, Presidenti tal-Kulleġġi tal-Kappillani ta’ Għawdex u Malta rispettivament, kif ukoll Patri Mark Ciantar OFM mill-Youth Alive Foundation.  F’dawn l-interventi ħareġ il-bżonn li l-Knisja, fuq il-linji proposti mill-Enċiklika, mhux biss torjenta ruħha lejn spiritwalità ekoloġika, imma tagħfas iktar fuq inizjattivi prattiċi li jqanqlu konverżjoni pastorali u ekoloġika.

“Il-Knisja lesta tinfatam mill-mudell ekonomiku mibni fuq il-konsumeriżmu?”, staqsew il-kelliema, li saħqu fuq il-ħtieġa ta’ azzjonijiet individwali li jwasslu għal responsabbiltà kollettiva fejn b’ġesti konkreti nesploraw spiritwalità tal-ħolqien imxierka mal-iżvilupp tal-bniedem, kif qed isir, ngħidu aħna, fid-Dar ta’ Frate Jacoba mmexxija mill-Patrijiet Minuri f’Wied il-Għajn.

Reuben Pace, Segretarju Ġenerali tal-Museum, spjega kif anki l-formazzjoni kateketika tal-ġenerazzjonijiet ġodda għandha tħares lejn l-urġenza ta’ konverżjoni u konvinzjoni ekoloġika.  Qasmet ukoll l-esperjenza tagħha Christina Galea Curmi, omm ta’ familja impenjata fl-appostolat lajkali.

Kif seħħ f’Malta, f’din il-konferenza ġew ippreżentati numru ta’ proposti prattiċi mill-Kummissjoni dwar kif il-Knisja tista’ tkun iżjed proattiva f’dan il-qasam.