Omelija fil-ftuħ tas-Sena Akkademika
Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 30 ta’ Settembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
ALLA HUWA L-WIRT TAGĦNA
Is-seminaristi, dawk kollha li qegħdin fil-formazzjoni għas-saċerdozju u aħna s-saċerdoti tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li s-sejħa għad-dixxipulat wara Kristu titlob tweġiba radikali. M’hemmx lok għal dixxipli ta’ nofs kedda. Fil-fatt, Kristu jgħid li min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla… u li min irid imur warajh għandu jħalli kollox, saħansitra lill-għeżież tiegħu (ara Lq 9:57-62). Imma spiss jiġrilna li t-tweġiba li nagħtuh ma tirriflettix din ir-radikalità, għax qalbna tkun maqsuma billi tkun marbuta ma’ ħafna ħwejjeġ. Għandna dipendenzi li jinbtu mill-ġewwieni tagħna u hemm rabtiet ikkawżati mill-ambjent ta’ madwarna. Meta tkun tonqosna din ir-radikalità, is-saċerdozju tagħna jiftaqar immens; anzi, jaf ikun hemm ir-riskju li mhux aħna nkunu għall-ministeru saċerdotali, imma l-istess ministeru nużawh għalina biex nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna.
F’ittra li jikteb lil Nepozjanu li kien ser jiġi ordnat saċerdot, San Ġrolmu jagħtih ftit pariri siewja biex jgħix din ir-radikalità Evanġelika. Huwa jfissirlu li l-kelma Griega kleros tfisser il-wirt jew is-sehem. Għalhekk is-saċerdoti jissejħu kjeriċi kemm għaliex Alla huwa l-wirt tagħhom u kemm għaliex huma l-wirt ta’ Alla. Fi kliem ieħor, is-saċerdoti huma ta’ Alla u Alla huwa l-uniku ġid tagħhom. Dan huwa s-sigriet tal-ħajja saċerdotali. Jekk din il-verità tgħib minn quddiem għajnejna, is-saċerdozju tagħna jitbattal. Ma nibqgħux ministri ta’ Alla imma nsiru funzjonarji. Meta Alla mhux il-wirt tiegħi, bil-fors il-wirt tiegħi jsiru l-flus, il-karriera, il-proġetti, u ħwejjeġ oħra. Ħajjitna s-saċerdoti għandha tkun bħal mera li tirrifletti li Alla huwa kollox għalina, u propju għalhekk ma għandniex mistrieħ fil-ministeru – għax aħna neżistu biex naqsmu dan il-wirt mal-proxxmu tagħna. Ħdejn Alla kollox huwa knis!
Biex is-saċerdot jikber f’din il-konvinzjoni, San Ġrolmu jgħid li qatt ma għandna nħallu l-Iskrittura minn idejna. Aħna ma nistgħux ma nkunux imkissrin fil-Kelma, għax, kif jgħallem San Ġrolmu stess, min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu. Meta nagħmluha mal-Kelma, kull wieħed minna, fi kliem San Pawl, isir “ittra ta’ Kristu” magħrufa u moqrija minn kulħadd (ara 2 Kor 3:2-3). L-ordinazzjoni saċerdotali mhix garanzija li aħna nkunu ltqajna ma’ Kristu. Ir-riskju li nkun saċerdot mingħajr ma nkun naf lil Kristu huwa riskju reali. Forsi din hija r-raġuni għaliex aħna s-saċerdoti aktar neċċellaw meta nitkellmu dwar il-filosofija, il-psikoloġija, il-politika, l-arti, u oħrajn, milli meta nitkellmu dwar Ġesù. Anki l-istess duttrina morali tagħna taf tkun nieqsa minn fundament Bibliku u għaldaqstant, meta flok morali Biblika tkun morali legalista, aktar tkun duttrina li toħloq il-piżijiet milli duttrina li teħles.
Jekk ma nkunux innamrati minn Ġesù, meta nitkellmu jew nipprietkaw, ninbħu fil-vojt u kliemna forsi jintlaqa’ biċ-ċapċip tal-idejn imma ma jġibx id-dmugħ fl-għajnejn ta’ min jismagħna! Fil-fatt San Ġrolmu jgħid li meta l-għajnejn ta’ dawk li jisimgħu l-Kelma jimtlew bid-dmugħ, din tkun l-akbar prova li jista’ jkollu s-saċerdot li l-kelma tiegħu kienet effettiva. Jien nifhimha li dan id-dmugħ huwa t-tweġiba tal-bniedem li, meta tasallu l-Kelma ta’ Alla, jintebaħ kemm Alla huwa kbir fl-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Għalhekk l-approfondiment u t-taħriġ fl-Iskrittura huma ta’ importanza fundamentali kemm fis-snin tal-formazzjoni għas-saċerdozju u kemm fil-formazzjoni kontinwata tagħna s-saċerdoti. It-tagħlim akkademiku dwar l-Iskrittura u suġġetti marbuta magħha huwa importanti ħafna; imma dan għandu jkun imsaħħaħ b’eżerċizzji oħra bħalma huma t-talb, il-meditazzjoni, il-lectio divina u l-kontemplazzjoni. Filwaqt li t-tagħlim akkademiku jdawwal il-moħħ, dawn huwa eżerċizzji li jsaħħnu l-qalb. X’jiswa li s-saċerdot ikollu moħħu kbir imma qalbu kiesħa!
Il-Knisja għandha dejn kbir ma’ San Ġrolmu għax kien hu li ttraduċa l-Bibbja mill-Grieg għal-Latin, u hekk il-Kelma ta’ Alla setgħet tintlaħaq minn ħafna. Nemmen li anki llum, fuq l-eżempju ta’ dan il-qaddis, aħna s-saċerdoti rridu nkomplu “nittraduċu” il-Vanġelu f’lingwaġġ u idjoma li jinftiehmu mill-bniedem tal-lum. Kif jikteb il-Papa Franġisku, kliemna “irid ikun lingwaġġ li min jisimgħu jista’ jifhmu, biex ma nirriskjawx li nkunu nitkellmu fil-vojt. Sikwit jiġri li l-predikaturi jinqdew bi kliem li huma tgħallmu tul l-istudji tagħhom u f’ambjenti partikulari, imma li ma jagħmilx parti mil-lingwaġġ komuni tan-nies li qed tismagħhom. Hemm kliem li hu propju tat-teoloġija jew tal-katekeżi, li t-tifsira tiegħu ma tinftihemx mill-parti l-kbira tal-Insara. L-akbar riskju għal predikatur hu li jidra bil-lingwaġġ tiegħu u jaħseb li l-oħrajn kollha qed jużawh u jifhmuh mill-ewwel. Jekk irridu nadattaw ruħna għal-lingwaġġ tal-oħrajn biex nistgħu naslu għandhom bil-Kelma, jeħtieġ l-ewwel nisimgħu ħafna, jeħtieġ naqsmu fil-ħajja tan-nies u minn jeddna nkunu attenti għalihom” (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 158).
Jekk nibqgħu lura milli nagħmlu din “it-traduzzjoni”, nirriskjaw bil-kbir li ma jirnexxilniex nikkomunikaw lil Kristu u l-Kelma tiegħu lill-bniedem; jekk nittraskuraw din il-medjazzjoni bejn Kristu u l-bniedem, inkunu fallejna fil-ministeru tagħna. Sfortunatament fostna għandna ċertu għażż u medjokrità teoloġika u pastorali: bħal donnu nibqgħu lura milli mmiddu għonqna biex insibu formuli u kategoriji ġodda kif infissru l-Kelma ta’ Alla llum u ngħinu lill-bniedem jiddawwal fis-sitwazzjonijiet tal-lum. Ma nistgħux nibqgħu napplikaw skemi u soluzzjonijiet li kienu jgħoddu għall-bieraħ, inkella nkunu ngħixu barra minn żmienna u l-Kelma ta’ Alla tibqa’ eżiljata u barranija mill-istorja li qed tinkiteb illum.
Għalhekk, fil-bidu ta’ din is-sena akkademika ġdida fis-Seminarju Maġġuri tagħna, inħeġġeġ lilkom is-seminaristi biex tapprofittaw mill-għajnuniet kollha li joffrilkom is-Seminarju biex filwaqt li tikbru fil-konvinzjoni li intom ta’ Alla u Alla huwa l-wirt tagħkom, tfasslu ħajjitkom fuq din il-verità; nappella lilkom is-saċerdoti responsabbli mill-formazzjoni sħiħa tas-seminaristi biex flimkien ngħinuhom jikbru f’dik ir-radikalità li ġġib magħha s-sejħa għas-saċerdozju.