Iċċelebrata l-Festa fil-Kappella ta’ Kemmuna

Nirritornaw lejn Kristu
L-Isqof Grech fil-Festa ta’ Kemmuna

img_5942.JPG

Nhar is-Sibt li għadda (22 ta’ Awwissu), l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa l-Quddiesa tal-Festa ta’ Santa Marija fil-Kappella ddedikata lir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu.

Fl-omelija tal-okkażjoni, hu qal li l-Vanġelu jagħmillu għafsa ta’ qalb, għax mhuwiex Vanġelu tat-tfal!  Bħan-nies ta’ żmien Ġesù li ħassew kliemu iebes għalihom, spiss aħna wkoll naraw il-Vanġelu iebes, meta qed jgħidilna biex naħfru, inħobbu lill-għadu, naqsmu ma’ min m’għandux…  Imqar il-Vanġelu tal-Familja, li dwaru tkellem fl-Ittra Pastorali ta’ Santa Marija, jippreżenta sfida xejn faċli.  “Aħna nixtiequ li għandna familji perfetti, imma dawn ma ssibhomx!”, qal l-Isqof Grech.

Anki llum hemm min jagħti dahru lil Kristu, kompla.  Anki aħna ttentati nagħtu daharna lill-Vanġelu għax inħossu li l-kmandament tal-imħabba qed jesiġi żżejjed minna.

Hawn l-Isqof irrifera għat-titular tal-Kappella ta’ Kemmuna, jiġifieri r-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu.  “Il-bniedem tal-lum għandu bżonn jagħmel bħall-ħmara ta’ Ġużeppi u Marija”, tenna, “jiġifieri li nduru lejn darna, induru lura lejn l-għeruq Kristjani tagħna mniżżla f’Ġesù Kristu”.

Bħall-mediċina li nħossuha morra imma xorta neħduha għax tagħmlilna l-ġid, hekk il-Vanġelu.  Għandna bżonn l-eżempju ta’ Marija u Ġużeppi u nirritornaw lejn Ġesù.  Jekk naqtgħu l-għeruq tagħna mis-siġra li hi Kristu, ninxfu u mmutu.

“Jalla din il-festa li ġabritna flimkien tfakkarna f’din il-ġrajja, biex anki jekk il-Vanġelu xi kultant inaffarna għax insibu kliemu iebes, aħna nirritornaw dejjem lejh”.

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech radd ħajr “lil dawk kollha li laqqgħuna flimkien” u organizzaw din il-festa f’Kemmuna wara nuqqas ta’ erbgħin sena.  Hu rringrazzja wkoll lil Dun Karm Xerri, Rettur tal-Kappella ta’ Kemmuna għal dawn l-aħħar tlieta u ħamsin sena, li “xemx u xita, bnazzi u maltemp, sajf u xitwa, bin-nies jew waħdu, b’assidwità qeda lil Alla u ’l-Knisja f’din il kappella ta’ Kemmuna”.

img_5931.JPG