L-Istudenti jiċċelebraw il-ħajja

Messaġġ fiċ-Ċelebrazzjoni favur il-Ħajja għall-istudenti tal-Forms 3 u 4 tal-Iskejjel Sekondarji tal-Knisja f’Għawdex
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu
It-Tlieta 26 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

celebrazzjoni-favur-il-hajja-2.jpg

ĠNIEN IWARRAD

Meta nħares lura lejn dawn il-wieħed u tletin sena ta’ ħajja saċerdotali, inħoss li għandi nirringrazzja lil Alla li qegħedni fi ġnien kollu fjuri sbieħ u nqeda bija biex jikkura u jsaqqi dan il-ġnien biex il-fjuri jkomplu jnibbtu, jikbru, jiftħu, iħejnu u jfewħu.  Parti minn dan il-ġnien huwa intom l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.  Fin-nuqqas tagħkom, il-ġnien ikun għeri u ikrah; imma kull wieħed u waħda minnkom hija warda li kellha l-bidu tagħha f’żerriegħa ċkejkuna, u wara disa’ xhur moħbija fil-ġuf tal-omm, din il-warda bdiet tnibbet, tispunta, tikber, tarmi weraq il-ġmiel tiegħu u twarrad b’kuluri l-ġmiel tagħhom.

Bħalma l-fjuri, għalkemm imdandna bil-ġmiel, huma dgħajfa u faċli li tiġrilhom il-ħsara għax jistgħu jitqaċċtu, jinkisru jew jitgħaffġu, hekk ukoll il-ħajja umana hija delikata u fraġli tant li tista’ titneżża’ mill-ġmiel tagħha u saħansitra titgħaffeġ taħt ir-riġlejn.  Hekk jiġrilu min jinqabad fil-vizzju tax-xorb, tat-tipjip u tad-droga.  Nuqqas ta’ ħsieb fis-sewqan jaf iqiegħed fil-periklu kemm il-ħajja ta’ min ikun isuq u kemm tal-oħrajn.

Meta ’l quddiem intom għad tilħqu, flimkien ma’ oħrajn intom terfgħu ftit mir-responsabbiltà ta’ dan il-ġnien.  Inħeġġiġkom tagħtu sehemkom biex is-soċjetà tagħna tibqa’ tgħasses u timbotta ’l quddiem biex ikollna kultura li tgħożż il-ħajja umana.  Biex fil-ġnien ikun hemm varjetà ta’ ward, ma nistgħux inkunu selettivi u niddeċiedu li nnibbtu biss it-tulipani jew il-qronfol.  Lanqas nistgħu nkunu kapriċċjużi u nimmanipulaw in-natura biex infasslu l-kuluri u d-daqs tal-fjuri – imma dmirna hu li ngħinu lin-natura fil-proċess tagħha u mhux nissostitwixxu n-natura.  Kull warda għandha s-sbuħija partikulari tagħha, anki jekk tkun mgħawġa jew imperfetta.  Għalhekk kull warda għandha tingħata l-possibbiltà li tiftaħ.  Fil-ġnien hemm lok għal kull warda li tinbet.  Filosfu li mhux Nisrani imma għandu rasu f’postha, Jurgen Habermas, fil-ktieb tiegħu The future of human nature jikteb li meta tqis il-possibbiltajiet li llum toffri dik li tissejjaħ “inġinerija ġenetika”, huwa diffiċli ħafna tgħid liema huma l-interventi negattivi, terapewtiċi jew pożittivi.  Għalhekk Habermas jikkritika bil-qawwa l-prattika li l-adulti jibdew jagħżlu d-“disinn” tal-“fjuri” (l-ulied).

Imma l-agħar qagħda li nistgħu nsibu ruħna fiha hi jekk meta nintebħu li l-“fjuri” mhumiex perfetti jew huma “żejda”, ifettlilna nibdew “neqirduhom”.  L-abort u l-ewtanasja huma qtil tal-ħajja.  Hija ħasra li dak li sa ftit żmien ilu kien meqjus bħala delitt, illum hawn min qed jiddefendih bħala dritt!

Għalhekk, fiwaqt li nawguralkom li l-ġnien (is-soċjetà) jibqa’ jħares il-ġmiel tal-ħajja tagħkom minn dak kollu li jista’ jheddida, nirrakkomandalkom biex tkunu minn ta’ quddiem li tistinkaw ħalli fostna tibqa’ twarrad il-kultura favur il-ħajja umana.

Nifraħ lid-Dar Ġużeppa Debono għall-ħidma tagħha biex tiddefendi l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf, partikularment għall-proġett li nediet magħkom l-istudenti dwar “l-Adozzjoni Spiritwali”.  Verament tagħmlulna unur intom l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li aċċettajtu li spiritwalment “tadottaw” persuna mit-tnissil sat-twelid u offrejtu li ssostnu lilha u lill-ġenituri tagħha bl-imħabba u t-talb tagħkom.  Jien inħeġġiġkom “tadottaw” lill-istess soċjetà tagħna u twiżnuha b’kull mezz biex tibqa’ soċjetà li tgħożż il-ħajja umana.

dscn2256.JPG