“L-Ispirtu jaħdem kemm fil-Knisja u kemm barra”
L-Isqof Grech fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Il-Knisja f’Għawdex iċċelebrat is-solennità ta’ Għid il-Ħamsin, li tagħlaq iż-żmien qaddis tal-Għid, b’Velja Djoċesana mmexxija minn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju, fis-7.30pm, fil-knisja arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat.
Għall-Quddiesa kienu preżenti għadd sabiħ ta’ sorijiet u persuni oħra ta’ ħajja kkonsagrata mid-Djoċesi, billi fil-Knisja din hi s-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata. Il-Liturġija kienet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ taħt id-direzzjoni ta’ Dorienne Portelli.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof qal li l-Ispirtu s-Santu mhux limitat fil-ħidma tiegħu u jaħdem fil-Knisja imma jonfoħ ukoll minn barra. Biżżejjed naraw kif fil-ġrajja taċ-ċenturjun pagan Kornelju u l-familja tiegħu, li l-Appostlu Pietru f’ħolma mis-Sema ġie msejjaħ biex imur Ċesarija jagħtihom il-Magħmudija (ara Atti 10), l-Ispirtu s-Santu ħadem qabel. Nistgħu ngħidu li l-Ispirtu antiċipa lil Pietru, il-Kap tal-Knisja, u kien diġà daħal fid-dar ta’ Kornelju qabel l-istess Magħmudija. Għax xejn ma jżomm lill-Ispirtu li jaħdem anki f’dak li aħna nsejħu profan u mniġġes. Din hi stedina, qal l-Isqof, biex aħna ma nxekklux lill-Ispirtu milli jaħdem fejn irid u jeħodna wkoll fil-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà.
Ir-riflessjoni tal-Isqof intemmet bi stedina lill-persuni ta’ ħajja kkonsagrata biex huma wkoll idewqu lill-poplu ta’ Alla dik il-qawwa tal-Ispirtu li biha l-fundaturi tagħhom qraw is-sinjali taż-żminijiet. Hu rringrazzja lil Alla tal-preżenza tal-Ħajja Kkonsagrata hekk sabiħa fil-Knisja f’Għawdex. Għalaq bi stedina lill-poplu kollu ta’ Alla biex ikun poplu li jħalli l-Ispirtu jaħdem fih.
Wara l-omelija, sar quddiem l-Isqof ir-Rit tal-Ammissjoni ta’ tliet seminaristi Għawdxin li fl-20 ta’ Ġunju li ġej sa jirċievu l-Ordni tad-Djakonat fil-Katidral ta’ Għawdex. Joseph Attard, Massimo Buttigieg u Mario Curmi ressqu quddiem l-Isqof Mario Grech it-talba formali tagħhom biex isiru djakni.
Mal-Isqof Grech ikkonċelebraw f’din il-Quddiesa Dun Tarċisju Camilleri, Arċipriet Ta’ Sannat, li għadu kemm inħatar Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi u issa qed iħalli postu lil Dun Michael Curmi, sa issa Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri, li jieħu l-pussess tal-parroċċa fl-20 ta’ Lulju li ġej. Mal-konċelebranti kien hemm ukoll Patri Tony Sciberras MSSP, Rettur tas-Seminarju Djoċesan.