Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Anton Sultana

mons-anton-sultana.jpgMons. Anton Sultana (1945-2015)

Nhar l-Erbgħa 20 ta’ Mejju 2015, Għawdex u d-Djoċesi tiegħu tilfu saċerdot, kittieb u patrijott kbir.  Monsinjur Anton Sultana, Arċipriet Emeritu tal-Qala, miet wara xhur ta’ marda kiefra fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fl-età ta’ sebgħin sena.  Kulħadd jibqa’ jiftakru bħala ragħaj li kellu għal qalbu l-Knisja u t-tagħlim ta’ Kristu, hekk li mal-prinċipji tal-Vanġelu għalih ma kienx hemm tidwir bil-kliem u anqas kompromessi!  Inqeda b’kull mezz, speċjalment bil-kelma stampata u mxandra, biex jagħmel il-ġid.

Dun Anton Sultana twieled il-Qala fit-12 ta’ April 1945.  Minn dejjem kellu mħabba kbira lejn it-tixrid tal-Kelma t-tajba.  Fil-fatt bħala seminarista kien beda l-fuljett tas-seminaristi bl-isem Action li għadu jiġi ppubblikat sal-lum f’għamla ta’ rivista.  Huwa ġie ordnat saċerdot minn Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Bażilika u Kolleġġjata tax-Xagħra fit-30 ta’ Mejju 1970.

Wara li sar saċerdot għamel sena esperjenza pastorali Messina fi Sqallija.  Wara, mill-1971 sal-1976, kien Vigarju Parrokkjali tal-Qala fejn ħa sehem attiv fil-Festi Ċentinarji tal-1971 kif ukoll beda joħroġ ir-rivista Leħen il-Qala fl-1973.  Bejn l-1976 u 1982 għamel diversi esperjenzi pastorali fl-Istati Uniti tal-Amerika, fi New York u f’California.  Fl-1982 laħaq Assistent Direttur Spiritwali fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Fit-8 ta’ Mejju 1983 Dun Anton ġie maħtur Arċipriet tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp fil-Qala, fejn ħa l-pussess fit-22 ta’ Mejju.  Tul il-parrokat tiegħu, li dam sad-29 ta’ Settembru 1991, huwa kabbar iċ-Ċimiterju Parrokkjali, beda x-xogħol taċ-Ċentru Parrokkjali, kif ukoll kien irregala Kurċifiss artistiku ta’ Michael Camilleri Cauchi lill-parroċċa u organizza l-Festi Ċentinarji kbar tal-parroċċa.

Wara li temm il-parrokat tiegħu huwa mar esperjenza pastorali fl-Italja sal-1994, f’Roccaporena, Cascia fejn kienet għexet Santa Rita.  Lura Għawdex huwa beda jieħu ħsieb il-Lumen Christi Publications u kien editur ta’ bosta kotba spiritwali.  Matul is-snin tella’ diversi programmi b’rabta mal-mużika klassika fuq l-RTK.  Kien ukoll amministratur tal-ħanut djoċesan tal-kotba reliġjużi Lumen Christi kif ukoll kordinatur sa mis-snin sittin tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex, li baqa’ jaħdem fuqha sal-aħħar, anki waqt il-mard tiegħu.  Huwa wkoll kien direttur spiritwali tal-Banda Ite ad Joseph tal-Qala.  Sar Monsinjur Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral fil-25 ta’ Diċembru 2011.

Dun Anton kien benefattur kbir tal-missjoni, u għen biex jinbnew diversi proġetti tal-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu fejn dan l-aħħar kien għen biex tinbena l-kappella ta’ San Ġużepp f’Boqa, l-Etjopja.

Il-funeral tiegħu se jsir għada s-Sibt, 23 ta’ Mejju, fil-parroċċa tal-Qala. Il-quddiesa, immexxija mill-Isqof Mario Grech, tibda fl-4.30pm.

RIP.