Omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Preca
Pellegrinaġġ Djoċesan lejn il-Kappella tal-Medalja Mirakuluża, il-Blata l-Bajda
Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
INQAJMU X-XEWQA GĦAL ALLA
Harold J. Berman huwa Lhudi li kkonverta għall-Kristjaneżmu. Għadda sittin sena jgħallem il-liġi fl-Università ta’ Harvard u f’dik ta’ Emory. Huwa jirrakkonta li darba, meta sema’ li Hitler kien invada l-Polonja, iddeċieda li jaqbad it-trejn u jaħrab lejn Franza. Kif kien waħdu fit-trejn, kellu dehra ta’ Kristu – snin wara huwa ltaqa’ ma’ ikona li fakkritu f’dak il-wiċċ li ra fil-viżjoni. Kif it-trejn wasal Pariġi, Berman baqa’ sejjer fil-Katidral ta’ Notre Dame u għall-ewwel darba f’ħajtu għamel talba personali lil Alla. Martu, li kienet Protestanta, staqsietu kif ikkonverta għar-reliġjon Nisranija mingħajr qatt ma kien qara l-Vanġeli. It-tweġiba tiegħu kienet: “Meta l-Appostli marru wara Ġesù, m’għamluhx għax qraw il-Vanġelu, imma għaliex iltaqgħu miegħu”. Dan ifisser li kienet il-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù li saħħrithom u bidlithom.
Din l-esperjenza ġġiegħelni nirrifletti. Jeżisti r-riskju li naħsbu li nistgħu nikkonvertu lil xi ħadd bit-tpaċpiċ tagħna, bil-predikazzjoni u bl-elaborazzjonijiet teoloġiċi tagħna. Dawn kollha huma għajnuniet, imma l-bniedem jiċċaqlaq, iħalli kollox u jmur wara Ġesù meta jiltaqa’ ma’ Ġesù. Forsi għalhekk ukoll hemm Insara li jafu lil Alla u lil Ġesù mill-ktieb, minn dak li tgħallmu bl-amment fid-duttrina, imma billi għad qatt ma kellhom dik il-laqgħa personali ma’ Ġesù, allura huma Nsara tal-isem. Din hi l-isfida li aħna għandna fuq livell personali u anki fuq livell ta’ komunità ekkleżjali, aħna li għandna s-sejħa u l-mandat biex nevanġelizzaw kif jgħallimna San Ġorġ Preċa.
Għalhekk il-mistoqsija l-aktar urġenti għalina hija kif sejrin inwasslu lil Ġesù. Jekk il-bniedem jissaħħar wara Kristu, dan hu għaliex jara fih l-imħabba ta’ Alla li saret laħam, l-imħabba ta’ Alla li tinkarna. Fil-Vanġelu Ġesù qed jgħidilna: “Ħobbu kif ħabbejtkom jien”. Għaliex jekk l-imħabba tiegħu għandha dak is-seħer li ċċaqlaq u tikkonverti lill-bniedem, jekk aħna nħobbu b’dik l-istess imħabba li biha ħabbna Ġesù, li hija l-istess imħabba li biha Alla l-Missier ħabb lil Ibnu, allura jirnexxielna nqanqlu l-mistoqsija dwar Alla, dwar Ġesù fil-bniedem tal-lum. Jiena meta naħseb fuq is-soċjetà tal-lum nieħu l-impressjoni li llum il-bniedem m’għadux iqajjem il-mistoqsija dwar Alla. Donnha x-xewqa fil-bniedem għal Alla raqdet, biex ma ngħidx mietet. Aħna msejħin biex inqajmu fil-bnedmin tal-lum din il-mistoqsija dwar min hu Alla, min hu Ġesù Kristu. Inkella, jekk ma nistaqsux, la nħossu l-ħtieġa tiegħu u lanqas sejrin infittxuh biex insibuh. Fil-fehma tiegħi din hija problema kbira għall-Knisja lokali. Fi kliem ieħor, jidher li aħna tlifna d-dimensjoni profetika tal-vokazzjoni tagħna li ngħinu lill-bniedem jixxennaq għal Alla.
Daqskemm aħna s-saċerdoti u intom bħala soċji għandna fuq spallejna l-missjoni li ngħinu lill-bniedem iqajjem fih ix-xewqa għal Alla, għal Ġesù Kristu, daqstant ieħor din ir-responsabbiltà tagħfas fuq kull min hu dixxiplu tal-Mulej. Ma nistgħux nirriduċu t-twemmin tagħna għal “duttrina” jew damma ta’ spekulazzjonijiet teoloġiċi. Ir-riflessjoni teoloġika u d-duttrina huma importanti, imma l-qalba ta’ kollox hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu. Hemm ir-riskju li wieħed ikollu ħażna ta’ tagħrif dwar Alla, imma xorta waħda ma jkunx iħobbu jew jemmen fiH. Il-Kristjaneżmu qabel ma huwa ġabra ta’ duttrini u regoli ta’ mġiba li jwasslu għas-salvazzjoni, huwa “ġrajja” ta’ laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu. Fid-dinamika evanġelika, li wieħed jemmen ma jfissirx li wieħed jifhem u jaċċetta xi teorija, imma li wieħed tant isir iħobb il-persuna ta’ Ġesù li jitwaħħad miegħu. Fil-fatt, fil-Katekiżmu nsibu li “l-għan kollu tad-duttrina u tat-tagħlim irid ikun l-imħabba li ma tintemm qatt. Fil-fatt wieħed jista’ jfisser dak li għandna nemmnu, nittamaw u nagħmlu, iżda fuq kollox irid dejjem juri l-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu, biex kull bniedem jifhem li kull għemil ta’ virtù kollha kemm hi Nisranija ma għandux bidu ieħor ħlief l-imħabba u ebda tmiem ieħor ħlief l-imħabba” (25).
Għalhekk il-missjoni tagħna hija waħda: li nqajmu d-domandi fil-bnedmin tal-lum, speċjalment fil-ġenerazzjoni li tielgħa; ngħinuhom jistaqsu min hu Alla, min hu Ġesù Kristu. Dmirna hu li ngħinu lil ħaddieħor jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu.
Il-metodu ta’ kif nistgħu nwettqu din l-evanġelizzazzjoni joffrihulna l-Vanġelu: jekk aħna nħobbu kif ħabbna Hu. Meta Ġesù qal lill-Appostli biex iħobbu kif ħabbhom hu, ma kienx qed jirreferi għal dik l-imħabba li hu wera fuq is-salib, għax kien għadu mhux imsallab. Mela kif ħabbhom? Fl-Aħħar Ċena, San Ġwann jirrakkonta l-ġest tal-ħasil tar-riġlejn fejn Ġesù jpoġġi lilu nnifsu għall-qadi tal-oħrajn. Din hi l-imħabba li tissarraf f’disponibbiltà biex naqdu lill-persuna fil-ħtiġijiet tagħha; aktar ma dawn il-ħtiġijiet ikunu kbar u kkumplikati, aktar min-naħa tagħna bħala Knisja rridu niżviluppaw servizzi lejn il-bniedem.
Din l-imħabba ta’ Ġesù tittraduċi ruħha wkoll f’kompassjoni lejn il-bniedem, lejn kull bniedem, mhux biss lejn dawk li jħobbuh imma wkoll lejn dawk li ma jħobbuhx. Fl-aħħar Ċena, Ġesù juri din l-imħabba tiegħu anki lil Pietru u saħansitra lil Ġuda. Xtaqhom ikunu differenti, xtaqhom iħobbuh b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, bis-saħħa tagħhom kollha… imma dak hu l-bniedem. Kienet din il-kompassjoni ta’ Ġesù li wasslet lil Pietru jindem minn dik iċ-ċaħda tiegħu; nemmen li kienet din l-imħabba kollha ħlewwa li wera Ġesù li għenet lil Ġuda ħalli wara li “jbigħ” lil Kristu, jirrevedi l-iżball li kien għamel. Imma aħna għandna dik l-imħabba kompassjonali lejn l-oħrajn, anki lejn dawk li huma fl-iżball? Xi drabi hemm uħud minna li jieħdu attitudni li hija nieqsa mill-ispirtu Kristjan. Xi wħud huma lesti li jħobbu biss lil dawk li huma perfetti. Imma fejn huma dawn il-“perfetti”? Aħna rridu nuru din l-imħabba lill-bniedem li huwa nieqes mill-perfezzjoni fil-ħajja personali jew fl-istat li jkun qed jgħix, mhux biex napprovaw l-iżball li jkun fih, imma għax nemmnu li hija l-imħabba Kristjana (mhux id-duttrina jew il-prinċipji) li għandha qawwa tibdel lill-persuna. Peress li aħna nippruvaw inħobbu kif ħabb Kristu, meta ndewqu din l-imħabba lill-proxxmu tagħna nkunu ngħinuh jiltaqa’ ma’ Kristu – nagħtuh l-opportunità li “jara” lil Ġesù!
Din hija l-ħidma tal-evanġelizzazzjoni li tixtieq minna l-Knisja. Hija l-ħidma li għaliha għex il-qaddis tagħna Dun Ġorġ Preca. Dun Ġorġ ma kienx sodisfatt iwettaq din il-ħidma waħdu, imma għall-grazzja ta’ Alla sejjaħ oħrajn, sejjaħ is-soċji biex jitgħallmu fl-iskola ta’ Ġesù u jitwaħħdu ma’ Ġesù biex ħajjithom tkun ħajja ta’ xhieda ta’ dik l-imħabba li biha ħabbna Ġesù. Għalhekk, jekk irridu nfaħħru ’l Alla għal Dun Ġorġ, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna bħala Knisja ħalli anki llum naraw x’jeħtieġ nagħmlu biex nimlew il-qlub. Il-qalb tal-bniedem timtela biss jekk tiltaqa’ ma’ Alla.