Imfakkar Fra Baskal

Omelija fil-125 anniversarju minn meta
l-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia daħal mal-Patrijiet Kapuċċini
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 7 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

125-fra-baskal-2.JPG

BASKAL FRA FERĦAN

Fil-Bibbja naqraw illi “qalb ferħana tagħti s-saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem” (Prov 17:22).  Ma naħsibx li din hija xi verità rivelata minn Alla, imma l-bniedem jitgħallimha mill-esperjenza.  Fil-fatt, id-dwejjaq, in-niket u d-diżgwid itaqqlulna l-ħajja; imma meta nkunu kuntenti, il-ferħ mhux biss jimliena bil-ħajja u l-enerġija, imma jistimulana biex naqsmu din il-kuntentizza mal-oħrajn.  Għalhekk nifhem ukoll għaliex il-bniedem, partikularment il-bniedem tal-lum, ħafna drabi jinfixel għax ma jafx x’jaqbad jagħmel biex jikseb ferħ li jtul u mhux itirlu f’ħakka t’għajn.

Għalhekk għandu jinżlilna balzmu l-kliem ta’ Ġesù li jgħidilna: “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).  Din hija tassew bxara tajba.  L-Iben ta’ Alla sar bniedem biex jgħinna nkunu ferħanin.  Is-sigriet ta’ dan il-ferħ li joffri Ġesù jinsab f’dak li qalilna – fi kliem ieħor fil-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ Ġesù huwa għajn ta’ ferħ.  Ftit ilu l-Papa Franġisku tana kitba importanti ħafna bl-isem Il-Ferħ tal-Vanġelu.  Dan id-dokument tant hu sabiħ li ma nehdiex nirrakkomanda lil kulħadd biex jaqrah.  Fi kliem il-Papa, il-Vanġelu huwa “xmara ta’ ferħ” (5).  Dan il-Vanġelu, li għalina l-Insara huwa l-ktieb tal-ħajja tant li miegħu nikkonfrontaw l-għemil tagħna, huwa r-riċetta tal-ferħ veru.

Dan il-ferħ huwa garantit, għax min jifli l-Vanġelu jasal biex jagħraf lil Alla u jiltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Għax kif jgħid Santu Wistin, il-qalb tal-bnedmin ma ssibx mistrieħ jekk mhux meta ssib lil Alla.  Għalkemm aħna l-bnedmin nitħabtu, nieħdu inizjattivi u nagħmlu proġetti, xejn ma hu sejjer jagħtina sodisfazzjon li jibqa’ jekk Alla ma jkunx parti mill-programmi ta’ ħajjitna.  Fil-fatt, jekk tistaqsuni x’inhu l-aktar li jinkwetani bħala ragħaj spiritwali, ngħidilkom li nibża’ li llum ma għadniex inqajmu d-domanda dwar Alla: Fejn hu Alla u min hu Alla?  Ninkwieta meta nara li l-ġenerazzjoni li tielgħa qed titlef il-gost u l-interess f’Alla u għalhekk qed tittraskura li tagħmel mistoqsijiet dwar Alla.  Għal dawk li ma jistaqsux dwar Alla u ma għandhomx interess f’Ġesù, il-Vanġelu jsir sett ta’ obbligi li jxekklu flok jeħilsu, jew kitba fost l-oħrajn (u allura naqgħu fir-relattiviżmu) jew ittra mejta.

Aħna nġarrbu l-ferħ tal-Vanġelu meta nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba; ma nistgħux inkunu ferħanin jekk ma nkunux maħbubin u jekk ma nafux inħobbu.  Fil-fatt, il-Vanġelu jurina li aħna maħbubin minn Alla u fl-istess waqt jindikalna b’liema mħabba għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna.  Ġesù nnifsu jgħidilna li jekk inħarsu l-kmandamenti tiegħu, nibqgħu fi mħabbtu u nkunu ferħanin (ara Ġw 15:10).  Dawn “il-kmandamenti” la huma l-liġi ta’ Mosè u lanqas il-mijiet ta’ preċetti li ħolqu l-awtoritajiet reliġjużi, imma huma tnejn: li wieħed iħobb lil Alla b’qalbu kollha, b’ruħu kollha u b’saħħtu kollha, u li jħobb lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu.

Illum qegħdin infakkru l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Fra Baskal Farrugia daħal fl-Ordni tal-Patrijiet Kapuċċini.  Fuq il-bieb taċ-ċella tiegħu f’dan il-kunvent, Fra Baskal kellu miktub is-sentenza mill-ktieb tal-Proverbji li semmejt aktar ’il fuq, jiġifieri li “qalb ferħana tagħti s-saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem”.  Meta nqis li Fra Baskal għadda l-biċċa l-kbira mis-sebgħa u erbgħin sena ta’ ħajja reliġjuża b’din is-sentenza ma’ wiċċu, ma nkunx nesaġera jekk ngħid li kull darba li jilmaħha kien iġedded l-impenn tiegħu biex irawwam fiħ il-ferħ tal-Vanġelu.  L-istess sejħa reliġjuża tiegħu kienet sejħa għall-ferħ.  Fil-fatt, kif naqraw f’Ittra Appostolika li kiteb dan l-aħħar lill-persuni kkonsagrati, il-Papa Franġisku jgħid li dawk ikkonsagrati huma msejħa biex jagħmlu esperjenza u biex juru li Alla kapaċi jimla lil qalbna u jagħmilna ferħanin mingħajr ma jkollna l-ħtieġa li nfittxu l-ferħ bnadi oħra (2.1).

Bħal f’kull storja ta’ persuna reliġjuża, il-ħajja ta’ Fra Baskal kienet mixja wara Ġesù u ma’ Ġesù.  Baskal mar wara Ġesù għax ħassu msaħħar mill-ġmiel tiegħU.  Is-sejħa reliġjuża offrietlu l-possibbiltà li permezz tal-kunsilli evanġeliċi huwa sar jixbah lil Kristu fqir, safi u ubbidjenti.  Din il-mixja huwa mxieha bil-ferħ u wasslitu għall-ferħ għax sab lil Alla.  Fil-fatt, dawk li kienu midħla ta’ Fra Baskal, kienu jaraw fih il-bniedem ta’ Alla.  Min jafu jgħid li “is-serenità kienet tiddi fuq wiċċu”.  Il-qofol tal-ħajja reliġjuża ma huwiex l-appostolat imma n-namur ma’ Ġesù Kristu.  Mhux ta’ b’xejn li Fra Baskal kien jgħaddi ħin twil fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija.  Kif jinnota l-Papa Franġisku, ma jistax ikun hemm “dixxiplu mdejjaq”, għax inkella dan ikun ifisser li d-dixxipulat ta’ Ġesù huwa xi ħaġa tad-dwejjaq; meta l-verità hija l-kontra – min jitwaħħad ma’ Ġesù Kristu, jaqsam mill-ferħ divin tiegħU.

Il-Papa Franġisku jgħid li l-ferħ tal-Vanġelu jinbidel fil-ferħ tal-missjoni.  Min għandu l-ferħ veru (lil Alla), ma jafx iżommu għalih imma jikkomunikah mal-oħrajn.  Dan narawh ukoll fil-ħajja ta’ Fra Baskal.  Huwa kellu diversi ħidmiet fl-Ordni – kien kok, infermier, purtinar, sagristan u ċirkatur.  Iċ-ċirka kienet ħafna għal qalbu, u sajf u xitwa kien joħroġ fit-toroq iħabbat il-bibien biex jittallab il-karità.  Huwa kien japprofitta minn dawn il-kuntatti kemm biex jitkellem man-nies dwar Alla u kemm biex jagħmel karità mal-foqra.  Il-fantasija karitattiva tiegħu kienet kbira, tant li wieħed minn sħabu, Patri Ġjaċintu, jgħid li “mal-morda Fra Baskal kien veru omm”.

Bħal Missieru San Franġisk, Fra Baskal kien jaf li l-ferħ perfett (perfecta lætitia) kien iġarrbu meta xi ħadd kien jumiljah imma hu jibqa’ seren u kalm.  Darba l-Gwardjan tiegħu sabu qed jaħsel ħwejġu f’post fejn ma kienx suppost ikun u tah ħasla mhux ħażin; imma Fra Baskal baqa’ sieket u obda.

Filwaqt li nitolbu lil Alla biex jagħtina dan id-don tal-ferħ, nitolbuh ukoll biex il-Knisja tagħna tibqa’ tgawdi l-preżenza tar-reliġjużi li huma ikona ħajja ta’ dan is-sigriet: li l-ferħ veru jiġi mill-Vanġelu u l-għaqda tagħna ma’ Alla.

125-fra-baskal-16.JPG