Ittra Ċirkulari ta’ Mons. Isqof Mario Grech

madonna-ta-pinu.jpg40/2015

ITTRA ĊIRKULARI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

L-Erbgħat ta’ Santa Marija

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

Għeżież ħuti,

Ix-xahar ta’ Mejju hu wieħed għażiż għalina, mhux biss għax fih inkomplu ngħixu ż-żmien hieni tal-Għid li jwassalna għas-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, imma wkoll għax fih induru b’mod partikulari lejn il-Verġni Marija.

L-Erbgħat ta’ Santa Marija li ser nibdew nhar l-Erbgħa li ġej, 6 ta’ Mejju, huma mixja mill-aktar siewja biex l-Omm tagħna tgħinna ngħixu l-Għid ta’ Binha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, b’ħaristna lejn il-glorja li hemm tistenniena u li biha hi diġà mlibbsa l-Qaddejja tal-Mulej.

Għalhekk inħeġġiġkom sabiex kull nhar ta’ Erbgħa tagħmlu dan l-appuntament mal-Madonna u żżuruha f’xi knisja ddedikata lilha, partikularment fis-Santwarju Ta’ Pinu. Ħa jkun appuntament tal-familja fejn nieħdu liċ-ċkejknin tagħna f’riġlejn Marija – m’hemmx skola isbaħ biex uliedna jagħrfu li f’ħajjithom għandhom dejjem l-imħabba ta’ Ġesù u l-ħarsien ta’ Marija! F’qalbna nistgħu nġorru lil dawk ħutna morda u anzjani li ma jistgħux fiżikament jagħmlu dan il-pellegrinaġġ, filwaqt li nwasslu t-talba ħerqana tagħna għall-familji u għall-paċi fid-dinja, speċjalment fl-artijiet fejn hemm il-faqar, l-inġustizzja u l-gwerra.

Għall-kenn tal-Madonna nistgħu nduqu l-ferħ tal-Għid billi nirċievu d-don tal-maħfra fis-Sagrament tal-Qrar u t-tidwil tal-Kelma ta’ Alla u l-ħobż Ewkaristiku fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Fis-Santwarju Ta’ Pinu, il-konfessuri għandhom il-fakultà speċjali li jaħfru anke d-dnubiet riservati.

Minbarra dan, il-mixja li nagħmlu lejn is-Santwarju tista’ tgħallimna li biex inkunu dixxipli veri ta’ Kristu jeħtieġ niċċaqalqu mit-tajjar tal-kumdità u tal-egoiżmu indifferenti tagħna biex, bħall-Verġni Marija, inħaffu ħalli naqdu lill-proxxmu tagħna.

Inħeġġeġ lill-familji u l-komunitajiet tagħna sabiex fit-talba tar-Rużarju ta’ kuljum niftakru f’ħutna l-immigranti u nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, ħalli l-mexxejja tal-art isibu soluzzjonijiet imdawla mill-imħabba u l-ħniena lejn kull persuna li tgħammar fuq l-art.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum, 29 ta’ April 2015, festa ta’ Santa Katarina ta’ Siena, Patruna tal-Ewropa.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċillier

Download English pdf version:  40-2015-wednesdays-of-st-mary.pdf