Ħatriet ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Komunikat lill-Midja
Illum, il-Ġimgħa 24 ta’ April 2015, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex ħatar lill-Arċipriet ta’ Sannat, il-Kanonku Tarcisio Camilleri, bħala Vigarju Ġenerali tiegħu.

Peress li minħabba din il-kariga, vakat il-parroċċa Ta’ Sannat, Mons. Isqof Mario Grech ħatar lil dun Michael Curmi bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat. Il-Kanonku Tarcisio Camilleri se jibqa’ jamministra l-parroċċa Ta’ Sannat sal-pussess tal-Arċipriet il-ġdid.

L-Isqof Mario Grech jesprimi r-radd il-ħajr tiegħu u tad-Djoċesi lil Mons. Giovanni B. Gauci għas-servizz li hu ta f’dawn l-aħħar sbatax-il sena bħala Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

camilleri-tarcisio.jpgDUN TARCISIO CAMILLERI twieled Ta’ Sannat fid-19 ta’ Marzu 1944. Studja fl-iskola primarja ta’ Sannat u wara għadda għall-iskola sekondarja tas-Seminarju. Fil-1963 huwa daħal ġewwa s-Seminarju Maġġuri biex jibda l-kors ta’ tħejjija għas-saċerdozju. Fit-30 ta’ Mejju 1970 huwa ġie ordnat saċerdot minn Mons. Isqof Nikol Cauchi. Ftit xhur wara huwa mar Messina fejn għamel sena kors fit-Teoloġija Pastorali.

Lura Għawdex Mons. Isqof Cauchi ħatru segretarju personali tiegħu – kariga li qeda għal tmin snin u nofs. Wara din il-kariga huwa kien responsabbli tal-Uffiċċju Djoċesan tal-Liturġija u anke tal-Uffiċċju tal-Apostolat tal-Lajċi fil-Kurja tal-Isqof.

Sa mill-1973 Dun Tarcisio kien Direttur Djoċesan tal-Moviment Pro Sanctitate, responsabbli għal Għawdex u għal Malta. Għal dawn l-aħħar snin huwa membru tal-Kunsill Generali tal-Istitut Sekulari tal-Apostolici Sodales, Pro Sanctitate.

Fl-1976 huwa ġie inkarigat mil-bini Ċentru Pastorali Ragħaj t-Tajjeb u knisja annessa miegħu u kien l-ewwel rettur f’din il-knisja li dam imexxi għal ħdax-il sena. Fl-1988 huwa ġie maħtur bħala l-erbatax-il Arċipriet tal-parroċċa ta’ Sannat. Fl-istess sena huwa ġie nominat bħala Kanoniku tal-Kolleġġjata tal-Għarb.

Fis-sena 1991 huwa kien magħżul bħala segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillan ta’ Għawdex, kariga li ghadu jokkupa sal-lum. Fl-20 ta’ Lulju 2002 waqt il-Pontifikal fil-Konkatedral ta’ Montefiascone, l-Italja, Dun Tarcisio ġie nominat mis-Sindku tal-Belt bħala cittadin onorarju ta’ Montefiascone. Fil-2005 mal-ħatra tal-Isqof Mons. Mario Grech, ġie magħżul bħala membru tal-Equipe Pastorali. Huwa membru tal-Kunsill Presbiterali. Fil-2007 ġie maħtur bħala membru tal-Kulleġġ tal-Konsulturi. F’Settembru tas-sena 2009 ġie nominat bħala Delegat tal-Isqof għall-Kleru ta’ Għawdex. Huwa wkoll Segretarju tal-Kummissjoni Kleru. Huwa  kien punt ta’ riferiment fir-relazzjonijiet bejn il-Kappillani ta’ Għawdex u dawk ta’ Malta.

curmi-michael.jpgDUN MICHAEL CURMI hu saċerdot imwieled ix-Xagħra, nhar id-9 ta’ Mejju 1982. Attenda l-iskola Primarja Patri Mattew Sultana, ix-Xagħra, l-iskola sekondarja fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, ir-Rabat, l-iskola Post-Sekondarja Sir M.A. Refalo, ir-Rabat, u l-Iskola tal-Mużika, Ta’ Sannat.

F’Settembru tas-sena 2000 daħal is-Seminarju Maġġuri fejn għal seba’ snin kompla l-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. Ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2007 fil-Katidral ta’ Għawdex mill-Isqof Mario Grech.

Wara kompla l-istudji fil-Formazzjoni tas-Seminaristi fl-Università Gregoriana ġewwa Ruma, fejn fl-istess żmien kien jaqdi fil-pastorali fil-parroċċa tan-Natività, ġewwa Ruma stess. Fl-2009 ġie maħtur Viċi-Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex. Fis-7 ta’ Ottubru 2014, Dun Michael ġie maħtur Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa Ta’ Sannat. Huwa wkoll għalliem fl-iskola sekondarja Konservatorju tal-Isqof, ir-Rabat, u parti mill-equipe tal-pastorali vokazzjonali djoċesana.